Wednesday, November 9, 2011

Meta għamilt waħda tinkiteb!

     Mela darba waħda n-nannu u n-nanna ddeċidew li jmorru btala. Għalhekk qabbduni li nkun responsabbli li nieħu ħsieb l-annimali domestiċi li għandhom kif ukoll biex insaqqilhom il-pjanti.
     L-ewwel ġurnata li mort, tmajt lill-qattus sufi, lill-ħut tal-ilma ħelu li kien hemm ġol-vaska ġol-ġnien u lill-għasafar li kien hemm ġol-guva kbira. Saqqejt il-pjanti u kif ukoll naddaft wara l-qattus u l-guva tal-għasafar. Domt nagħmel l-istess ħaġa għal ħamest ijiem,. Kont nieħu gost nagħmlu minn qalbi dan ix-xogħol. Barra minn hekk, in-nannu kien wegħdni rigal mill-isbaħ.
     Fis-sitt ġurnata mort id-dar tan-nanniet bħas-soltu u bqajt dieħla fil-ġnien. Kien hemm skiet perfett u ħassejt xi ħaġa stramba u ndunajt li l-għasafar ma kinux qed jgħannu bħas-soltu. Ħarist lejn il-guva u msarni niżlu f'saqajja. Bqajt b'ħalqi miftuħ beraħ għax l-għasafar ma kinux hemm. Bdejt nogħrok għajnejja u ma ridtx nemmen u qabditni rogħda kbira. Tatni  rasi u bdejt insaqsi lili nnifsi, x'ser nagħmel?
     Probabbli kien tort tiegħi li l-guva m'għalaqthiex sew il-ġurnata ta' qabel. Kemm inkwetajt! Lanqas lill-ġenituri tiegħi m'għidt. Lanqas billejl ma stajt norqod. L-għasafar għan-nannu kienu jfissru ħajtu, kienu l-għaxqa tiegħu u kien iħobb jismagħhom jgħannu. Fil-fatt kien iqatta' ħafna ħin iħares lejn il-kuluri sbieħ tagħhom. Bdejt ngħid, tgħidli qalbi 'addio' r-rigal li wegħdni n-nannu. Ġurnata qabel ma ġew mill-btala n-nanniet, kelli ħsieb li mmur nixtri għaxar għasafar oħra u nitfagħhom ġol-guva u qisu qatt ma kien ġara xejn.
     Iżda bdejt naħseb bejni u bejn ruħi, l-għasafar mhux aħjar jittajru liberi milli jibqgħu magħluqin f'guva? Intom naħseb bħali taħsbuha, hux?


Rebecca Ellul (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Kien is-Sibt filgħodu meta n-nanna kienet għadha kemm ħarġet mill-isptar. Kemm fraħna li ma kien ġara xejn!
      L-għada, ommi qaltli biex immur nieħu ħsieb lil nannti ma jmurx jagħtiha ħass ħażin! Jien m'għedtx le għax għand in-nanna dejjem ikun hemm xi ħadd li tieħu gost tilgħab miegħu bħall-qattusa, Fifi u l-kelba, Namra. Ommi tatni l-istruzzjonijiet imma bil-ġenn tlaqt niġri barra mill-bieb qisni iljunfant li kien bil-għatx! Fit-triq iltqajt ma' sħabi u stednuni mmur nilgħab magħhom il-bandli imma għidtilhom li kelli mmur s'għand in-nanna. Kif wasalt għand in-nanna, dħalt ġewwa u sibt lin-nanna ġejja tiġri fuqi qisha trid tatini xi aħbar imma riedet tgħannaqni!
     Jiena ħadt pjaċir li rajtha b'saħħitha u fuq tagħha u li l-ħruq ta' ġol-pulmun kien għaddielha! Namra u Fifi kienu qed jiġru wara xulxin bħas-soltu, eżempju: Fifi ħadet il-papoċċ ta' Namra, jew Fifi ħadet l-għadma ta' Namra... dejjem hekk għaddejjin. In-nanna talbitni nitwilha s-srievet u nerfagħhomlha. Ħadet pjaċir li kont qed nagħmel xi ħaġa ta' ġid mhux dejjem nintelaq quddiem it-televixin. Wara li kien lest kollox, in-nanna ntefgħet torqod għax kellha ngħas fuqha! Allavolja nsiet tieħu l-pilloli xorta kienet qed tonħor u tgħeżżeż snienha bħas-soltu. Jiena ftakart fl-istedina tal-bandli mingħand sħabi, ħarist lejn in-nanna u ddeċidejt li mmur sal-bandli. Jien ippjanajt li nerġa' mmur lura lejn id-dar tan-nanna ftit ħin qabel tqum. Dak il-ħin stess tlaqt nimxi mixja lejn il-bandli u bdejt nhewden li mhux se ninqabad, mhux se ninqabad... x'jista' jiġri? Tefa' ta' ġebla 'l bogħod minni rajt lit-tfal  'l sħabi u tgħidx kemm kienu qed jieħdu pjaċir! B'hekk qsamt it-triq bla ma ħarist u f'daqqa waħda nara trakk daqs dinja ġej għal fuqi u sibt ruħi mal-art. Wara ftit nisma' s-sirena tal-ambulanza ġejja u sibt ruħi ġo kamra żgħira. Kif ftaħt għajnejja sibt lin-nanna u ommi bilqiegħda b'wiċċ iffrustrat tat-tnejn li huma! In-nanna qaltli u spjegatli kif Namra u Fifi għamlu miżbla d-dar u li jien kelli nieħu ħsiebhom u mhux immur il-bandli.
     Ommi qaltli li ma kontx se nara televixin għal xahrejn! Dakinhar tgħallimt il-lezzjoni li qatt m'għandi nagħmel il-kontra ta' li jgħiduli! Allavolja ma kien ġrali xejn gravi kont naf li dakinhar kont għamilt waħda tinkiteb!

Sara Marston (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
    Kienet ġurnata sajfija f'Awwissu ta' sentejn ilu. Jien kont bil-vaganzi tas-sajf. Kont qiegħda waħdi d-dar għax missieri kien diġà telaq għax-xogħol u ommi kienet marret iżżur lin-nanna għax kienet ma tiflaħx. 

     Qomt f'xit-tmienja u nżilt fil-kċina. Ħadt ftit ħalib u biċċtejn ħobż mixwi. Wara ftit tal-ħin il-qattus mar ħdejn il-bieb tal-bitħa u beda jingħi biex jurini li ried joħroġ. Ftaħtlu l-bieb u ħareġ jiġri , u tela' fuq siġra għolja li għandna f'nofs il-ġnien biex jipprova jaqbad l-għasafar. 

     Wara xi nofs siegħa nisma' lill-qattus jgħajjat u jingħi. Ħriġt niġri fil-ġnien u nara li l-qattus kienet weħlitlu siequ ma' zokk tas-siġra u spiċċa mdendel rasu 'l isfel. Bdejt nixxabbat maz-zokk biex nipprova nilħqu, iżda kien kollu għalxejn għax kien fl-għoli wisq. 

     Mort niġri fil-garaxx biex insib sellum. Jien u għaddejja mill-kuritur nolqot mejda u minn fuqha waqa' vażun li tant kien għal qalb ommi u dan spiċċa f'mitt biċċa. Bqajt ħierġa dritt fil-ġnien. Tlajt fuq is-sellum u bdejt nissara biex nipprova neħles lill-qattus. Fil-pront minn ġewwa nisma' lil ommi tgħajjat. Kienet ġiet lura u sabet il-vażun imkisser mal-art. Bil-qatgħa li ħadt iċċaqlaq is-sellum minn taħti u waqa'.

     Il-qattus niżel jiġri mas-siġra u jien spiċċajt imdendla maz-zokk. Biex infittex ninżel qabel ma tinduna ommi,  tlaqt idejja u bqajt nieżla għal isfel. Tgħidx kemm bdejt inwaħwaħ, għax waqajt fuq pjanta tal-kaktus li kellu missieri u spiċċajt b'idejja t-tnejn mimlijin xewk. 

     Din il-ġurnata qatt m'jien se ninsieha. Kont għamilt waħda tinkiteb u mhux biss imlejt idejja kollha xewk, iżda qlajtha mingħand ommi għax kissirt il-vażun u mingħand missieri għax kissirtlu l-pjanta tal-kaktus! 

Elise Brincat (Form 2.3)

1 comment: