Thursday, November 24, 2011

Ix-xwejħa, ġara tagħna.

    Fost il-ġirien tat-triq tagħna l-aktar li nammira hi Ċetta, ix-xwejħa armla ta' Żeppi l-iskarpan. Dejjem magħluqa ġewwa, ħlief għal meta toħroġ tixtri l-affarijiet ta' kuljum. 
      Meta toħroġ, dejjem taraha bil-libsa tal-wegħda li ħmaret biż-żmien u bil-ġewlaq safrani li naħseb li wirtitu mingħand l-antenati tagħha. Kull meta tkellimha dejjem b'dik id-daħka fuq fommha u l-ħin kollu tiċċajtha. Niggustaha ħafna meta titkellem b'dak l-aċċent Mqabbi. Dejjem tqum għall-ewwel quddies tal-ġurnata. Din Ċetta għandha għajnejha żoroq, wiċċha safrani u magħdur bl-inkwiet li ġarbet b'żewġha li kien miet fil-gwerra. Wiċċha kollu mkemmex, jixhed l-età tagħha u għalkemm ma tgħidx kemm għandha żmien, naħseb li qorbot it-tmenin.
     Għandha dar antika b'ċeru fdalijiet tal-antik. Ġod-dar għandha ħafna affarijiet tal-fidda u tad-deheb. Id-dar iżżommha xummiema. Ħafna drabi tistedinna għall-Milied u ġieli nistednuha. Tħobb issajjar ħafna u l-ikel tagħha dejjem bnin. Kull meta mmur għandha dejjem tħaddanni magħha  għax tqisni bħala bintha u dejjem wara xi ikla tajba, ma tonqosx xi naqra imbuljuta u xi naqra kafè tajba, kif taf tagħmel hi. Għandha ġnien daqs dinja, fih kull tip ta' pjanti. Għandha wkoll ħafna annimali bħal qtates, klieb, għasafar u ħafna oħrajn. Hi tgħid li din il-familja tagħha. 
    Ċetta għandha binha msiefer u rari jiġi Malta biex iżurha. Iżda dejjem jibgħatilha kartolina b'xi flus u xi ritratti tat-tfal li għandhom xi madwar sebgħa, tmien snin. Ċetta dejjem xtaqet li tmur tara lit-tfal tat-tfal tagħha. Għalkemm m'għandhiex ħafna ħbieb, xorta ssellem lil kull min tara. 
     Ċetta għandha qalbha tad-deheb u dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor bil-mod li tista'. Kemm hi ħelwa Ċetta tagħna! 

Kimberly Spiteri (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Eżatt faċċata tiegħi, toqgħod mara xwejħa mar-raġel tagħha. Dawn għandhom żewġt itfal kbar. Ix-xwejħa jisimha Ġola. Tħobb ħafna lit-tfal iż-żgħar. 
      Ġola hija qasira ħafna. Hi għandha xagħarha griż u għajnejha blu. Għandha karattru veru ħelu. Dejjem ikollha tbissima fuq wiċċha u taf iddaħħak lin-nies. Tgħidx kemm tħobb tirrakkonta xi stejjer ta' meta kienet għadha żgħira. Il-ħwejjeġ li tkun liebsa dejjem b'kuluri vivaċi. Ir-raġel tagħha wkoll. Bħal ma jgħidu, Alla jxebbaħ qabel ma jlaqqa'. Kull meta joħorġu mid-dar, dejjem ikunu puliti. 
      Ġola tħobb tħit. Għandha talent sabiħ għax hi tagħmel id-dvalji tal-bizzilla biċ-ċombini. Din is-sengħa jagħmluha fl-antik u ma tantx għadek issib minnhom illum il-ġurnata. Allura veru taffaxxinani. Hi tħobb tagħmel il-faċendi. Id-dar tagħha dejjem tkun pulita u kollox ikun f'postu. Għandha qalba tajba u kull meta tarani tistaqsini għandix bżonn xi ħaġa jew tagħtini xi ċikkulata. Tħobb toħroġ timxi għax għadha fuq ruħha. Meta ma jkollhiex x'tagħmel toħroġ barra u toqgħod bilqiegħda tistenna biex jgħaddi xi ħadd ħalli toqgħod tpaċpaċ miegħu. Mhux l-ewwel darba li taqbad tparla ma' xi ħadd li lanqas biss tafu jew tafha. 
      Tħobb ħafna lit-tfal għax tirrispettahom u anki lit-tfal tat-tfal, il-ħin kollu tbushom u tgħannaqhom magħha. Ġola tħobb tisma' r-radju kuljum u tgħid ir-rużarju miegħu. Ir-raġel tagħha jgħidu magħha. Ġola għandha karattru tal-ġenn u tingwalaha ma' kulħadd. Tħobb tgħin u tagħmel dak li tista' għal ħaddieħor. 
      Jien naħseb li kulħadd għandu jkun bħalha u vera nammiraha għal dak kollu li tagħmel. Ma nafx x'nagħmel mingħajrha! 


Marie Claire Scerri (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Xwejħa grazzjuża li toqgħod ma' ġenbna u għandha sitta u sittin sena; jisimha Maria Dolores. 
      Maria-Dolores għandha xagħarha abjad qottna, qisu silġ li għadu kemm waqa' mit-twieqi tal-ġenna, u maqtugħ qasir. Għajnejha kbar, kannella skuri b'linja ċelesti u madwarhom, li dejjem jagħtu l-emozzjonijiet tagħha ta' dak il-ħin. Tkun qisek qed tidħol ġo fiha permezz t'għajnejha u tara x'inhi tħoss. Għandha xofftejha żgħar, roża skuri, lewn il-frawli u kull darba li tidħak tifforma toqba fuq ħaddejha. Imneħirha dritt u pulit u l-kulur ta' wiċċha lewn id-deheb għax ħaditha x-xemx. Il-ferq ta' xagħarha dejjem tippettnah fuq in-naħa tal-lemin, u tħobb tilbes mill-aqwa kull fejn tmur. Maria Dolores ikollha tbissima fuq wiċċha. Hi mhijiex irqiqa stikka u miskina xi ftit ta' snin ilu taha attakk tal-qalb u allura ma tistax iċċaqlaq idejha tax-xellug.
      Doris (għax hekk ngħajtulha aħna fil-qasir) għandha familja kbira u li tieħu ħsiebha. Għalkemm m'għandhiex tfal u toqgħod waħedha, ġieli t-tfal tat-tfal ta' ħutha jmorru jorqdu għandha u jqattgħu xi żewġt iljieli wara xulxin hemmhekk. Erba' darbiet f'ġimgħa, il-familjari tagħha jmorru jżuruha u ġieli jsajrulha xi dixx imqarrun jew xi borma brodu sħuna, jew anki ġieli xi kejk tal-lewż. Din ix-xwejħa dejjem kuntenta u ma tgergirx, u tagħmel minn kollox biex tferraħ lin-nies. Dejjem tieqaf issellmilna meta tarana, u tixtrilna xi biċċa ċikkulata. Doris dejjem tgħid li qalbha kbira biżżejjed għal kulħadd u tixtieq tgħin lil kull min hu fil-bżonn. 
     Għażilt li nitkellem fuq din ix-xwejħa partikolari għax ilsienha taz-zokkor. Hi vera ġeneruża u twajba u qisha anġlu miexja fuq l-art! 


Liesel Cuschieri (Form 2.3)

2 comments:

  1. Ghamilt xoghol sabih hafna Liesel! Nhobb kif tiddeskrivi l-mara. Ghamlet sew Miss Deandra li poggiet l-komponiment fuq il-blog. Prosit!!

    ReplyDelete