Thursday, February 26, 2015

Rakkont fit-tielet persuna

Lara u Sara, bniet tewmin ta' ħdax-il sena, qishom kelb u qattus, il-ħin kollu jiġġieldu. Kienu jitlewmu fuq kollox; dwar ta' min huma l-ġugarelli l-ġodda, dwar x'ħa jilbsu għal xi okkażjoni speċjali u l-aktar dwar l-ikel li għandha ssajjar ommhom. Fuq ħaġa waħda biss kienu jaqblu, l-imħabba li kellhom lejn il-ħemster. 

It-tnejn kienu jiftehmu kif għandhom jindukraw lill-ħemster iċ-ċkejken, lewn id-deheb li kellhom fil-gaġġa kbira fil-kċina. Imma xi kultant ix-xitan iħobb ideffer denbu. Hekk kif waslu mill-iskola, Sara bħas-soltu ppruvat titma 'l-ħemster, iżda dan ma deherx fil-gaġġa. Sara sejħet lil oħtha biex tistaqsi jekk kinitx messitu hi. 

F'radda ta' salib bdew iwaħħlu f'xulxin, jiġġieldu u jibku. Wara li kkalmaw xi ftit, Lara ndunat li kien hemm toqba fil-qiegħ tal-gaġġa. Bdew iqallbu l-kxaxen, il-bibien tal-armarju, il-bieba tal-kuker u tal-friġġ, qalb il-borom u l-kzazel, fost il-fliexken tal-luminata u tal-ilma minerali, iżda l-ħemster ma nstab imkien!

Sara waqfet taħseb ftit. Saqsiet lil oħtha jekk kienx baqa' xi ftit ġobon tal-ħakk li tant kien iħobb igerrem il-ħemster. Lara malajr indunat x'kellha f'moħħha oħtha. Fetħet beraħ il-bieba tal-gaġġa u poġġiet biċċa ġobon fiha. It-tewmin staħbew wara l-purtiera u ma damux jistennew. Il-ħemster ħareġ minn rokna li kien hemm fil-kċina u dritt daħal fil-gaġġa u beda jgerrem xi ħaġa. 

Fil-pront, Lara għalqet il-bieba u t-toqba tal-gaġġa. It-tewmin ma laħqux bdew jifirħu għax instema' l-bieb ta' barra jinfetaħ u ommhom dehret quddiem il-kċina. Ommhom saret ħamra nar u ma felħitx tlissen kelma. Xħin rat il-ħerba li kienu ħallew fil-kċina. 

Lara u Sara għamlu ġimgħa sħiħa mingħajr ġlied, għax kellhom inaddfu l-kċina u jaħslu l-platti kuljum wara l-iskola. Tiskanta xi kwiet kien hemm fid-dar. 

Myra Camilleri (Form 1.1) 
----------
Darba waħda kien hemm żewġ tfajliet żgħar; Mireille u Maria. Dawn kienu kuġini, iżda ftit kienu jqattgħu ħin flimkien. Darba waħda, in-nanna ddeċidiet li fil-vaganzi tal-Karival imorru ġurnata għandha. 

Meta waslu, in-nanna qaltilhom li ppreparat l-għaġina biex flimkien joqogħdu jsajru. Għoġbithom l-idea li joqogħdu jsajru flimkien għaliex il-ġenituri tagħhom ma kinux iħalluhom jaqilgħu l-ħmieġ. In-nanna ħalliethom kwieti u marret tonxor fuq il-bejt. Fejn kienu jafu li kienu ser jagħmlu ħafna praspar jinkitbu għand in-nanna? 

Marru jiġru ġol-kċina u sabu biċċa għaġina kbira u ftit ċikkulata. Mireille dewbet iċ-ċikkulata sakemm Maria fetħet l-għaġina. Fid-daqqa u l-ħin, Maria waqqgħet l-għaġina mal-art u meta ġabruha ndunaw li l-art kienet kollha titjir. Mireille ġabet biċċa tal-art u meta ħaslet, Maria żelqet u weġġgħet daharha. Miskina Maria, lanqas felħet tiċċaqlaq! Sa fl-aħħar irnexxielhom ilestu ftit pastini u tefgħuhom fil-forn. Xħin ġiet, in-nanna tgħidx kemm għajtet magħhom u għamlet ftit ingwent fuq dahar Maria. Ftit minuti wara, ftakru li kienu tefgħu l-pastini fil-forn! Xħin fetħu l-forn, iddiżappuntaw ruħhom għax il-pastini kienu nħarqu!

In-nanna ċemplet lil omm Maria biex joħduha għand it-tabib. Dan qalilha biex toqgħod jumejn fis-sodda. Minn dakinhar 'l hemm ma baqgħux isajru waħedhom. 

Mariah Sapiano (Form 1.2)
----------
Intagħżlu, intagħżlu biex jaħdmu ġo kċina! Dan wara li ħaddiema ta' restorant tkeċċew wara n-nuqqas ta' dixxiplina li wrew. 

Tonu u Pawlu, żewġ impjegati ġodda, sabu ruħhom ġo kċina mimlija mbarazz. Ommi ma, x'biża'! Kellhom jibdew mill-ġdid, jiżbarazzaw, inaddfu, jippustjaw u jorganizzaw. Dan kien ix-xogħol il-ġdid ta' Pawlu u Toni, iż-żewġ ħaddiema ġodda tal-kantina ta' Żeppi, magħruf ħafna għall-ikel bnin fiċ-ċentru taż-Żurrieq. 

Bdew billi żbarazzaw, ħaslu l-platti u tefgħuhom f'posthom. Ħaslu l-kċina, l-armarji u saħansitra l-art. Kienet biċċa xogħol diffiċli ħafna. Wara dan il-ħasil kollu, il-kċina ta' Żeppi kienet imqaxxra bi fwieħa li toqtlok. 

Insomma, kienet esperjenza ta' xogħol ġdid. Kienet kerha ħafna, iżda min qatt ħaseb li Pawlu u Toni kellhom iqattgħu ħajjithom jaħdmu hemm? 

Esperjenza kerha li għall-ewwel dehret impossibbli, iżda bil-paċenzja li ħadu fil-bidu tal-karriera, kienet il-frott tal-futur tagħhom. Għadda ħafna żmien u li kienet dehret esperjenza tal-waħx, kienet imsarrfa f'esperjenza ta' opportunità ta' xogħol. Qatt taqta' qalbek meta tiġi ħażina, xi darba tiġik tajba! Toni u Pawlu kienu saru l-aqwa koki fil-kantina ta' Żeppi. Bil-paċenzja tagħmel kollox u tirnexxi.

Ruth Attard (Form 1.3)