Tuesday, October 4, 2011

Kien jum ta' sħana u ħedla!

Il-ħmistax t'Awwissu kien jum ta' sħana u ħedla. Kienet l-iktar ġurnata sħuna tas-sajf. It-temperatura kienet telgħet ħamsa u erbgħin grad. 
     
Tistgħu timmaġinaw xi sħana għamlet! Ma kelli aptit nagħmel xejn. Għamilt ġurnata l-baħar imma anki hemm kien hemm ix-xemx taħraq. Kienu diġà s-sagħtejn u nofs ta' wara nofsinhar u x-xemx kienet qed taqli iżjed minn qabel, għalhekk iddeċidejt li mmur lura d-dar. X'ħin wasalt mort nixgħel l-'air condition'. Intfajt fuq is-sodda u qgħadt nara film. F'daqqa waħda, kienu diġà saru t-tlieta u kwart. Qabadni ħafna ġuħ u mort nagħmel insalata għax kelli aptit xi ħaġa friska biex intaffi ftit mis-sħana li kelli fuqi. 

Kilt il-platt kollu u wara mort ninħasel għax kelli ħafna tidlik. Wara erġajt qbadt il-karozza biex immur sal-baħar u noqgħod hemm sa filgħaxija u niekol xi ħaġa hemm. Ma tantx kien hemm nies fuq il-bajja. 

Il-baħar kien ċar daqs il-kristall u mill-ewwel inżilt ngħum. Wara xi nofs siegħa rajt tifla ta' xi għaxar snin timxi fuq il-bajja. Jien ma tajtx kas u bqajt ngħum taħt is-sema kaħli, l-għasafar ikantaw qishom riedu jibdew igorru bis-sħana huma wkoll, taħt ix-xemx taħraq. Kont ħierġa 'l barra ġol-baħar imma f'daqqa waħda smajt ħoss kbir u dort biex nara jekk il-basket kienx għadu hemm. Il-basket kien hemm imma bqajt inħares biex nara x'ġara. Bdejt dieħla 'l ġewwa u rajt xi ħaġa mimduda mal-art u ndunajt li kienet dik it-tifla u ħassha ħass ħażin. Tlajt niġri u ħadtha l-isptar. Wara ftit ġiet f'tagħha u jien tlaqt għax qalet lit-tabiba biex iċemplu d-dar. 

X'ħin wasalt id-dar mort norqod għax kelli ngħas kbir. Illum kienet l-agħar ġurnata tas-sajf! 
     
                                                                      Martina Abdilla (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------


Ma nafx jekk ġilix esperjenzajtu palata ta' sħana f'jum wieħed. Ħa ngħidilkom, mhix xi ħaġa t'għaxqa kbira. Ejja ngħidu li mhix xi ħaġa ta' hena li kull min ikun ħdejk ikun qed jinten bl-għaraq. Jien għaddejt minnha! 


Qomt mal-għajta tas-serduq li kien hemm fl-għalqa ta' maġenbna. X'ħin qomt, nara li l-fann kien mitfi. Jien skantajt għax naħseb li ħadd ma jħalli l-fann mitfi f'nofs Lulju. Erġajt ppruvajt nixgħelu imma kollu kien ta' xejn għax mitfi kien u mitfi baqa'. Jien tlaqt niġri b'saqajja ma' dahri nfittex lil ommi biex nara x'kien ġara. Lil ommi sibtha fit-terrazzin qalb il-pjanti ta' kull kulur u f'nofshom kien hemm pjanta sabiħa tal-frawl li kienet ilha tinbed madwar sentejn. Kienet qiegħda ssaqqi. Saqsejtha għaliex il-fann kien mitfi u fi ftit kliem kienet qaltli li kien mar id-dawl. Dakinhar kienet għaddejja mewġa tas-sħana. Tistgħu taħsbu xi sħana kienet. F'ħakka t'għajn iddeċidejna li mmorru ngħumu sal-Għadira. 


L-Għadira kienet invażata bin-nies. Kulħadd jonfoħ, irewwaħ u jċafċaf. Sibna post għad-dell avolja kien hemm kważi kull m'hemm xemx. Krejna umbrella u kollha nżajna l-ħwejjeġ. Intfajna fil-baħar. Wara xi siegħa fl-ilma sabiħ u nadif tazza, tlajna biex nittrejqu daqxejn. Kellna ikel li ġeneralment tieħu miegħek ħdejn il-baħar. Kellna d-dulliegħ, bettiegħ u ħobż biż-żejt li fejn il-baħar jinżillek għasel. Wara li mlejna l-ħawsla erġajna morna ngħumu. Lagħbna naqra bil-ballun u rrelassajna daqxejn fuq il-'lilos'. Imma kull bidu għandu t-tmiem u erġajna tlaqna ura lejn id-dar. Tgħid hemm dawl?


Fl-aħħar wasalna lura u d-dawl kien hemm. Żbarazzajna, kilna ikla bnina, inħsilna u tlaqna lejn is-sodda. Xgħelna l-fann u rringrazzjajna 'l Alla li kellna d-dawl. 


                                                                     Analise Magri (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------


"Sħana, riħ isfel u gdim tan-nemus!" Fil-karozza ta' missieri li hija ta' lewn aħmar, hekk bdejna nkantaw flimkien. Din hija diska twila u pjuttost antika. Inkantawha biss meta tkun is-sħana li bil-kemm tissaportiha. 


F'dak il-jum, ix-xemx kienet qawwija ġmielha. Bdejt nistħajjilha ballun tan-nar li kull sekonda bdiet tersaq lejja. Kif jgħid il-qawl Malti: kienet ix-xemx taqli l-ankri. 


Flimkien mal-ġenituri tiegħi u ħija ż-żgħir konna sejrin sal-wied li kien tefgħa ta' ġebla 'l bogħod mid-dar tagħna. Minħabba l-fatt li kienet is-sħana, missieri kien issuġġerixxa li xorta mmorru bil-karozza. Aħna lkoll qbilna għax ma tantx kellna aptit nimxu. 


F'ħakka tgħajn wasalna l-wied. Kien hemm ftit nies mhux ħażin u kulħadd beda jqattar bl-għaraq. In-nies kollha kienu b'maktur f'idhom, jimsħu moħħhom u wiċċhom kollu. 


Kif bdejna neżlin mill-passaġġ dejjaq indunajna kif il-ħaxix kien kollu niexef u mejjet bil-għatx. Il-fjuri, fejn f'Mejju kienu miftuħin u b'kuluri vivaċi, issa donnhom spiċċaw bla kulur, magħluqin u bla ħajja. 


Aħna u neżlin rajna l-għelieqi li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu nexfin qoxqox. Rajna wkoll bidwi f'għalqa minnhom, li kellu siequ waħda fil-ħofra. Kien liebes qalziet li bla dubju kien imxammar sa rkopptejh. Il-qalziet kien ta' lewn blu u kien kollu mqatta'. Kien ukoll liebes qmis kannella ċara li kienet qisha ilha mixtrija minn żmien żemżem. F'saqajh ma kien liebes xejn iżda fuq rasu kellu kappell tat-tibna kbir, qisu dixx tal-landa. Ix-xwejjaħ kien aħmar nar u kien fih ħasra jaħdem f'dik ix-xemx, iżda l-għejxien tiegħu u tal-familja kien jiddependi fuqu. 


Waqafna ftit naraw x'kien qed jagħmel iżda s-sħana u x-xemx tiżreġ ma flaħnihiex. Ġegħlna lil missieri jdawwar denbu lura lejn id-dar. 


"Nixtri 'air condition' kieku kellu l-flus!" kompla l-kanzunetta missieri, li b'paċenzja kbira saq lejn id-dar. Qatt ma ħassejt daqshekk għejja f'ħajti. Dak kien vera jum ta' sħana u ħedla. 


                                                                   Diane Cutajar (Form 2.3)

Saturday, October 1, 2011

Il-50 anniversarju mill-mewt tal-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila

Dun Karm Psaila twieled fit-18 t'Ottubru,1871 u miet fit-13 t'Ottubru, 1961. Huwa magħruf sempliċiment bħala l-Poeta Nazzjonali ta' Malta. Ix-xahar ta' Ottubru, din is-sena jaħbat il-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali. Fost ħafna kitbiet eċċellenti, Dun Karm kiteb ukoll l-Innu Malti, fl-1945.



Dawn huma xi xogħlijiet li saru mill-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena fl-iskola St. Dorothy's, dwar il-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Prosit lil dawk kollha li pparteċipaw f'din l-attività.






Monday, September 26, 2011

Sena Ġdida!

Għeżiez studenti,

Nixtieq nilqa' lil kull waħda minnkom mill-ġdid fil-blogg Karta u Pinna. Erġajna sibna ruħna f'sena skolastika ġdida, sena mimlija tagħlim u sena mimlija esperjenzi ġodda. Nilqa' lill-istudenti tal-ewwel sena li għalihom il-blogg tal-Malti żgur huwa xi ħaġa ġdida! Nixtieq ninfurmakom li sħabkom tat-tieni sena diġà għamlu użu minn dan il-blogg u għoġobhom jaqsmu l-kitbiet tagħhom mal-oħrajn. Nispera li intom tagħmlu l-istess :)) ! Filfatt biex inħajjarkom ftit, nixtieqkom taqraw xi wħud mill-kitbiet li kitbu l-istudenti li s-sena l-oħra kienu fl-ewwel sena, bħalkom, biex b'hekk tieħdu idea tal-kitbiet li tistgħu toħolqu intom. Il-kitbiet m'hemmx għalfejn ikunu komponimenti li nagħtikom bħala xogħol għad-dar, iżda kull min irid jista' jibgħatli l-kitba kreattiva tiegħu fuq l-indirizz elettroniku: karta.u.pinna@gmail.com ! 

Lill-istudenti tat-tieni sena nixtieqilhom ukoll sena mill-isbaħ u nħeġġiġhom biex juru interess bħal ma wrew is-sena ta' qabel u sabiex ikomplu jaqsmu ma' ħaddieħor il-kitbiet tagħhom! 

Ms Deandra 

Friday, June 3, 2011

Kraxx


Malli l-Miss tfaċċat fil-klassi,
Qalet, “Ajma ħej, xi ġrali!
Tlift ix-xogħol ta’ sena sħiħa...
Il-kompjuter ikkraxxjali!"



“Kelli n-noti ta’ kull lezzjoni,
Kelli l-howmwerks ippjanati,
Kelli l-marki tagħkom kollha,
U anki x'copies għandi nagħti!"



“F’tebqa t’għajn sparixxa kollox,
Dehret stampa sewda biss,
Ġie t-technician, xengel rasu,
Qalli, ‘Ħeqq... m’hemmx x’tagħmel, Miss!’”



Martin Vella għolla sebgħu,
Qalilha, “Miss, din naf kif ġrat;
Żgur dabbart daqsxejn ta’ virus,
Kif kien 
ġralu s-Sur Muscat!”

“Skużi Miss, imma dan tort tiegħek,”
Qabżet tgħid Charmaine Mugliette,
“Int suppost li malli tlesti,
Tagħmel back up fuq diskett!”

“Il-papà dejjem jgħidlina,”
Qabel magħha John Brincat,
“Min qatt ma jissejvja xogħlu
Ikun veru traskurat!”

“Issa isktu,” l-Miss qaltilna,
Isa... oħorġu ktieb... bil-kwiet;
Irrid nara ’l kulħadd jaqra;
Għandi bżonn nofs ta’ nhar skiet!”

U jien fraħt, għax din il-biċċa
Qatt kont għadni ma rajt bħalha!
Kemm inħobbha lill-Miss tagħna!
Il-kompjuter ikkraxxjalha!

Monday, May 30, 2011

Ħ’Attard

F’Malta nsibu ħafna postijiet sbieħ, storiċi u anke rurali. Insibu wkoll ġonna u widien filwaqt li nsibu wkoll postijiet li jipprovdu divertiment. Jiena jogħġbuni l-irħula kwieti imma fl-istess ħin fejn il-poplu tar-raħal jkollu fejn jiltaqa’ u jissoċjalizza. Wieħed minn dawn l-irħula huwa Ħ’Attard fejn għandi l-pjaċir ngħid li noqgħod jiena mal-familja tiegħi.

Ħ’Attard jinsab fiċ-ċentru ta’ Malta. Hawnhekk insibu diversi ġonna żgħar u mxerdin imma imbagħad insibu wieħed kbir u magħruf  ħafna li huwa San Anton.  Ħ’Attard huwa magħruf ukoll għas-siġar taċ-ċitru. Għalhekk il-motto ta’ Ħ’Attard huwa “Iffjurit bil-ward imfewwaħ”. Il-palazz ta’ San Anton kien mibni mill-Granmastru Antoine De Paule fi żmien il-kavallieri. Huwa ġnien mimli fjuri kkuluriti u siġar kbar. Filfatt ħafna turisti jżuru dan il-ġnien. Fi żmien il-kavallieri l-Granmastru kien joqgħod fih imma issa l-President ta’ Malta intitolat li joqgħod hemm.

F’Ħ’Attard jinsabu erba’ widien li jagħtu għall-irħula tal-madwar; ‘Wied San Martin’, ‘Wied Inċita’, ‘Wied Irmiedi’, u ‘Wied is-Sewda’. Ħ’Attard huwa raħal antik ħafna u jmur lura għal żmien il-preistorja. Dan nafuh minn xi fdalijiet li nstabu ġewwa Ħ’Attard. Dan ir-raħal sar paroċċa fl-1575 u kellu l-ewwel kappillan fl-1579. F’dak iż-żmien Ħ’Attard kellu popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn sitt mitt persuna. Ħ’Attard tant kiber li llum għandu popolazzjoni ta’ iktar minn għaxart elef. Għalkemm fil-qalba tar-raħal hemm ħafna djar żgħar insibu diversi vilel u djar kbar mal-madwar.

Il-paroċċa ta’ Ħ’Attard li hi ddedikata lil Marija Assunta toffri għaqdiet tat-tfal, preadoloxxenti u żgħażagħ. Hemm ukoll żewġ korijiet tal-paroċċa, wieħed tat-tfal u l-ieħor tal-adulti. Diversi residenti jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet u jsibuh ta’ mezz fejn filwaqt li jagħtu servizz jiġu ffurmati spiritwalment u jissoċjalizzaw mal-oħrajn. Ħ’Attard dejjem kien, għadu u jibqa’ r-raħal favorit tiegħi.

                                                                               Ilona Vella (Form 2.3)

Wednesday, May 4, 2011

Poeżiji – Wirt Storiku Malti – Ir-Rebbieħa



Il-Bidu f’Għar Dalam – Liesel Charis Cuschieri (Form 1.1)
Tfexfex nixxiegħa ta’ xita fix-xlokk
‘Xxarrab ix-xtieli fix-xagħri tax-xlokk
Ippoppotami madwar l-orsijiet
Ċriev u ljunfanti jixorbu mill-wied.

Tfexfex nixxiegħa ta’ xita fix-xlokk
Tobrox u tkaxkar il-qiegħa u fejn tħokk
Għal sekli jitħaffer ‘il ġewwa taħt l-art
Għar kenni għall-bhejjem fis-sħana, fil-bard.

Kram paħ pam kullimkien
Art, bhejjem inbelgħu ġol-għar.
Kram paħ pam mal-widien
Fid-dlam kollox mar…

F’dalma midfuna jistrieħu fis-sliem
Bhejjem ta’ dari iltaqgħu mat-tmiem
M’għadhomx in-nixxiegħa, ċriev, orsijiet
Għar Dalam biss baqa’: storja fis-skiet.


Il-Passju – Rebecca Ellul, Deborah Saliba u Mariah Bugeja (Form 1.2)

Kemm nixtieq li jien ikbar,
Kemm nixtieq li għandi ż-żmien,
Ħalli nilgħab logħob ta’ dari,
Li kienu jilagħbu n-nanniet.

Il-passju logħba mill-isbaħ,
B’disa’ numri qrib xulxin,
Twaddab ġebla fuq kull numru,
U taqbiżhom fl-istess ħin.

Trid tibda numru wieħed,
Twaddab ġebla għal ġo fih,
Tibda taqbeż kaxxa, kaxxa,
U terġa’ lura minnufih.

Imma attenta għas-sinjali,
Dritt fl-art imħażżin,
Għax jekk int tirfes xi wieħed,
Ikollok tieqaf minnufih.

Mal-art kienu jħallu l-passju,
Biex l-għada kemm isibuh,
Iżda jekk tagħmel ix-xita,
Kienu jerġgħu ipinġuh!


Ġensna – Katrina Vella u Francesca Cachia (Form 1.3)

Ġensna, Art Twelidna,
Maħkuma mill-barranin,
Poter, ħakma u faqar,
Riduna lkoll hekk mitlufin.

Gwerer, ġlied bla heda,
Poplu xebgħan bla xogħol,
Kemm l-Għarab, Taljani, Franċiżi,
U Ingliżi jwehdu bla bżonn.

Il-poplu qalbieni Malti,
Quddiemu l-mewt ta’ kuljum,
Dera jidfen lil niesu, li mietu,
Bil-biża’, twegħir kemm ser idum?

Kanuni, sparar u faqar,
Tfal barra u rġiel bla xogħol.
Fortizzi u bereġ li bnewhom,
Le! Riedu biss lil Malta lkoll.

Sa fl-aħħar din artna tirrenja
Fl-elf disa’ mija disgħa u sebgħin,
Ġens ħieles u poplu kburi,
Li l-barrani kien ħalla din l-art.

Qatt aktar ma konna ser inkunu,
Minn xi barranin hekk maħkumin.
Riedu biss lil Malta tagħna,
Tibqa’ Malta biss tal-Maltin!


Pittura tas-Siluwett tal-Imdina – Rebecca Xerxen (Form 2.3)

Tant fiha tifsira,
Għal dawk li japprezzaw,
L-arti u l-pittura,
Żgur li iktar qed jaraw.

Jaraw iktar minn kulur iswed,
Fuq sfond ikkulurit,
Tidħol ferm l-immaġinazzjoni,
Tista’ tara dak li trid.

L-istorja tmur lura,
Eluf ta’ snin minn hawn,
Minn żmien il-Feniċi,
Ir-Rumani u San Pawl.

Fost ħafna rikezzi,
Kappelli ‘nbnew,
Palazzi antiki,
Ta’ qabilna ħallew.

Illum ġewwa l-Imdina,
Qisu waqaf il-ħin,
Jispikka s-silenzju,
U l-marka tas-snin.

Meta tara din l-arti,
Tħallik taħseb sew,
Fuq il-wirt ta’ pajjiżna
Li ta’ qabilna ħallew.


F’Inżul ix-Xemx f’Ħaġar Qim – Corinne Baldacchino, Michaela Debono, Mariah V. Farrugia u Kimberly Galea (Form 2.3)

Minn dari ftit passi ‘l bogħod,
Għalhekk Ħaġar Qim, f’inżul ix-xemx jien żort.

Ħafna flora u fawna rajt,
U għasafar jgħannu jiena smajt.
Dawn it-tempju tassew storiċi,
U fid-dinja żgur li uniċi.

Xemx u xita dawn jaqalgħu,
Iżda qatt u qatt ma waqgħu.

F’dan il-post issib ħafna turisti,
Dawn tempji li nbnew fi żmien in-Neolitiċi.

Magħmulin minn ġebliet kbar,
U ftit li xejn issib xi tnejn żgħar.

Lil mara l-ħoxna kienu jqimu,
U bosta drabi joffru xi sagrifiċċju.

Ħaġar qim f’inżul ix-xemx,
Ħlief dellijiet m’hemmx.

Ħafna ġebel mimdudin u weqfin.
Jien inħobb lil Ħaġar Qim!