Wednesday, October 2, 2013

Rakkont fil-preżent - Serqa kbira

Sa fl-aħħar saru s-siegħa u nofs u lanqas irrid nemmen li sejra lura d-dar, l-għaliex illum ħassejt ħafna sħana l-iskola. Issa qiegħda fuq il-vann u sejrin lura lejn is-Swieqi filwaqt li għaddejjin minn ġol-Bypass. Hawn ħafna traffiku u ma nafux x'ġara. 

It-traffiku miexi ftit ftit u bdew ġejjin ħafna u ħafna pulizija. Issa wasalna ħdejn il-Bank tal-HSBC ta' St. Andrews u naħseb li qed issir serqa. Milli nista' nara hemm ħafna ħallelin. Naħseb li hemm aktar minn ħdax-il persuna mgħammda u li qed tisraq minn dan il-bank. Il-pulizija qabdu lil dawn il-persuni u nimmaġina li ser jeħduhom l-għassa tal-pulizija. Ċerta li dawn il-persuni mhux ser jeħilsuha ħafif. Dawn żgur ser ikollhom sentenza ta' ħabs twila. 

Diġà saru s-sagħtejn u nofs u għadna lanqas wasalna d-dar. Ommi min jaf kemm qed tinkwieta għax mhux soltu naslu daqshekk tard. Għandi ġenn biex nidħol u ngħidilha x'rajt b'għajnejja. 

Saru t-tlieta u fl-aħħar wasalna d-dar. Ommi kienet diġà semgħet x'kien ġara għax kienu qed jirrappurtaw fuq l-aħbarijiet. 

Nirringrazzja 'l Alla li din il-ġurnata spiċċat b'wiċċ il-ġid. Nittama li dawk il-ħallelin ma jgħadduhiex lixxa. 

Shelby Degabriele (Form 2.3)
----------

Inqum bħas-soltu minn posti biex ninżel minn fuq ix-xarabank u mmur dritt lejn id-dar wara ġurnata skola. Wara ħames minuti nasal fit-triq tiegħi u ftit passi 'l bogħod nara karozza startjata u mingħajr pjanċa, quddiem ħanut tad-deheb. Mill-ewwel jidħolli suspett.

Minnufih jien nittawwal mill-ħġieġ tal-ħanut u jkolli nersaq viċin minħabba li l-ħġieġ jibda jirrifletti bix-xemx f'għajnejja. Nara żewġt irġiel b'wiċċhom mgħotti u b'arma f'idejhom. Jien ninħasad meta nara wkoll lil xi nies mimdudin fl-art u xi demm ukoll. X'nista' nagħmel? Niddeċiedi li mmur id-dar u ngħid kollox lil ommi. Hi tgħidli biex inċempel lill-pulizija. 

Dawn jiġu wara ftit ħin. Jien inkun fil-gallarija qed nara kollox. Il-pulizija jibdew ikellmu lill-ħallelin biex iċedu imma dawn ma joħorġux mill-ħanut. Jinstemgħu jgħidu li jekk mhux se jitilqu jibdew joqtlu lill-ostaġġi. Jgħidu wkoll li jridu jitilqu mingħajr ħadd ma jiġri warajhom. Il-pulizija ma jridux jisimgħu u għalhekk il-ħallelin jisparaw u jweġġgħu lil sid il-ħanut. Tgħidx kemm jibda jinstema' għajjat u biki!

Il-pulizija jkollhom iħallu lill-ħallelin joħorġu bil-basktijiet mimlija deheb u flus. Magħhom jieħdu wkoll mara biex żgur ma jisparawx fuqhom. L-ambulanza tieħu lill-midruba l-isptar waqt li l-pulizija tmur tiġri wara l-ħallelin. 

Fuq l-aħbarijiet tat-tmienja nisma' li l-ħallelin jinqabdu imma l-valur ta' għoxrin elf ewro deheb jibqa' ma jinstabx. Din hija waħda mill-akbar serqiet ta' din is-sena. 

Audrey Muscat (Form 2.1) 
----------

...Qiegħda niġri u niġri kemm niflaħ. Saqajja qed tuġagħni imma qed inkompli niġri. Niġri fid-dlam ta' billejl u mhu qed nara xejn. Insibni f'post stramb b'riħa ta' żibel u ħut nej. Nista' nisma' s-sireni tal-pulizija u passi ta' nies jiġru warajja. 

F'idi għandi d-djamant maġiku u f'moħħi dawk in-nies kollha li qtilt. Dort mal-kantuniera u nara ħafna pulizija ġejjin għalija. Niġri fid-direzzjoni l-oħra u nsib ruħi fi triq magħluqa. Il-pulizija jinsabu resqin iżjed u iżjed viċin tiegħi. Wieħed minnhom joħroġ xkubetta, inħares madwari u nara ħofra! Naqbeż għal rasi ġo fih. Bdejt nistordi u madwari nara oġġetti bħal kotba, platti, tazzi, lampi, klieb, siġar u ħafna iktar li bdew idiru. Nagħlaq għajnejja... u nħoss żiffa. Nisma' l-ilħna ta' tfal żgħar jidħku. 

Niftaħ għajnejja u għal mument ħsibt li kont mejjet. Inħoss it-taqtir tax-xita ma' wiċċi u t-tfal żgħar jiġru 'l bogħod minni. Meta nħares madwari nara villaġġ żgħir bid-djar li kellhom soqfa bid-djamanti. Sibt kenn taħt it-taraġ ta' dar kbira. L-għada filgħodu norok għajnejja biex nara sew fejn qiegħda. Meta stajt nara sew bdejt inħares madwari. 

Insib sbatax-il ruħ libsin l-uniformi ta' suldat li qegħdin iħarsu lejja. Quddiemi nara mara sabiħa b'għajnejn blu u maġiċi, b'xagħar isfar u twil, qiegħda tħares lejja wkoll. Imbagħad immiss il-but u nsib li d-djamat kien sparixxa! Mingħajr ma naf qiegħda fl-arja u qed nissakkar ġo gaġġa kbira bħal għasfur. Biża' kbira tinżel fuqi hekk kif nara li s-suldati qed jimmiraw l-ixkubetti lejja. 

Fid-daqqa u l-ħin idoqq l-arloġġ biex inqum għall-iskola u ninduna li hija biss ħolma tal-fantasija kollha tiegħi. Pero' skont il-gazzetta li hemm fuq il-mejda tal-kċina, jidher li l-'Pink Panther' ġiet misruqa! Inkompli naqra u nsib li l-persuna li serqet id-djamant hi...

Katrina Felice (Form 2.2) 






Tuesday, June 18, 2013

Wednesday, May 22, 2013

Rapport

Kamra tan-Nar li Tisplodi 

Ilbieraħ, fl-għaxra u nofs, splodiet kamra tan-nar waqt il-festa ta' San Ġużepp f'Ħal Għaxaq. Ġol-kamra kien hemm sitt irġiel, tnejn minnhom mietu u l-erbgħa l-oħra jinsabu fl-isptar 'Mater Dei', taħt osservazzjoni. 

L-inċidenti sar billi wieħed mill-irġiel ħalla sigarett imqabbad ħdejn it-tankijiet mimlijin porvli. Ħames minuti ara tfaċċa t-trakk tat-tifi tan-nar fejn laħqet inġemgħet folla kbira ta' nies. Wara ftit, waslu l-karozzi u l-muturi tal-pulizija li eżatt kif niżlu minn fuqhom, bdew jinvestigaw u jistaqsu xi mistoqsijiet fuq dak li kien ġara, biex jiġbru l-evidenza. 

Il-pulizija skopriet li s-sigarett ma waddbux wieħed li jaħdem fil-kamra tan-nar iżda kien waddbu xi ħaddieħor li kien miexi f'dawn l-inħawi. 

Valentina Borg (1.2) 
---------------------

Xarba Ġdida Bla Kaloriji

F'dawn l-aħħar xahrejn, 'O'WAT', kumpanija tal-ilma bdiet tipprova toħloq xarba bla kaloriji. Dan għamluh għax wara riċerka li għamlu xi xjentisti Maltin, sabu li ħafna ċittadini Maltin kienu qegħdin iżidu l-piż.

Din ix-xarba għandha wkoll bott speċjali. Speċjali l-għaliex jekk tordnah minn qabel, il-kumpanija tagħmillek ismek fuq il-bott. Hija msemmija għall-kumpanija u din ix-xarba la għandha kaloriji, la xaħam u lanqas zokkor, imma xorta waħda tagħtik l-enerġija. 

'O'WAT' issib tixtriha minn kull ħanut tal-merċa jew anki ħanut tal-ħelu. Din ix-xarba tinsab biss f'Malta u f'Għawdex. Issib tixtriha b'togħma tal-frawli, taċ-ċikkulata jew tal-vanilla.  

Kersty-Jo Zammit (Form 1.3)
---------------------
Ġurnata Ta' Suċċess 

Ġurnata ta' suċċess ġewwa l-iskola ta' St. Dorothy's, f'Ħaż-Żebbuġ. Din il-ġurnata ta' suċċess saret nhar it-Tlieta, l-14 ta' Mejju. It-tema kienet fuq il-bżonn tal-ilma fil-ġisem tagħna. 

L-istudenti għamlu spettaklu mimli żfin, kant u briju. L-istudenti ħadu gost juru t-talenti tagħhom fuq il-palk. Is-sala kienet mimlija daqs bajda bil-ġenituri tal-istudenti u l-għalliema kollha. Fl-aħħar tal-ispettaklu kienu ppremjati dawk l-istudenti li ġew l-ewwel, it-tieni u t-tielet f'xi suġġett u ġew mogħtija ċertifikat mill-kap tal-iskola. Ħadu wkoll ċertifikat dawk l-istudenti li matul is-sena ħadu sehem f'xi attivita' tal-iskola. Mid-daħka fuq fommhom stajt tara s-sodisfazzjon li kellhom wara ħafna qtigħ ta' qalb. 

Prosit kbira tmur lill-għalliema kollha li b'paċenzja kbira għinu ħafna lil dawn l-istudenti biex din il-ġurnata setgħet tkun ta' suċċess kbir. 

Jessica Caruana (Form 1.1) 

Monday, May 13, 2013

Komponiment Argumentattiv 2

L-iskola, bl-uniformi jew mingħajr uniformi? 

Illum il-ġurnata, ħafna tfal igergru għax għandhom bżonn jilbsu l-uniformi għall-iskola. Hawn min jiddejjaq għax ma togħġbux, min għax jiddejjaq li jkun bħall-oħrajn u hemm iktar raġunijiet għal dan. 

Fl-opinjoni tiegħi, l-uniformi hija komda ħafna għax m'għandekx bżonn toqgħod taħseb x'ħa tilbes kuljum! Jekk ma togħġobniex l-uniformi, ma jimpurtax għax kulħadd ikun liebes l-istess! Madanakollu, biex ngħid il-verita', togħġobni l-uniformi tiegħi għax komda u prattika. 

Jiena qatt ma gergirt, imma kieku kellna skola bla uniformi kienet tkun itqal għall-għalliema biex jitfgħallmu l-ismijiet u t-tfal faċilment ikunu jistgħu jaħarbu mill-iskola. Meta jmorru xi ħarġa, l-għalliema faċilment tista' tieħu xi tifla oħra bi żball. 

Bħal m'hemm il-ħażin, hemm it-tajjeb ta' skola bla uniformi. It-tfal jistgħ jesprimu ruħhom mill-ħwejjeġ li jilbsu, jistgħu wkoll jiġu bil-ħwejjeġ komdi skont x'attivita' jkollhom. Ħafna drabi ssib xi tfal li jilbsux addattat għall-iskola u dan għandu joħloq problema fid-dixxiplina tal-iskola. 

Billi t-tfal jistgħu jagħżlu x'jilbsu, waqt il-lezzjonijiet, il-persuna tista' aktar tibqa' ffukata fuq xiex inhi liebsa milli fuq il-lezzjoni. It-tfal jistgħu wkoll jaqbdu ma' xi tfal oħra minħabba l-ilbies tagħhom u dik tiġi forma ta' 'bullying'. 

Jiena, ma naqbilx li l-iskola tkun bla uniformi għax l-uniformi għalija hija importanti u tissimbolizza l-iskola li nkun qed nattendi. Iva, hemm bżonn ta' uniformi ġo skola, għalkemm ħafna nies ma jaqblux! 

Filippa Magro (Form 2.3)
----------------------

Illum ħa nkellimkom dwar jekk l-iskola tagħmilx sens li tkun bl-uniformi jew mingħajr uniformi. Dwar dan l-argument hemm ħafna opinjonijiet differenti, hemm min jaqbel u hemm min ma jaqbilx. 

Jiena, li kieku kelli nagħżel, naħseb li iktar immur man-naħa li l-iskola għandha tkun bl-uniformi. Hemm ħafna li ma jaqblux miegħi, imma naħseb hawn ħafna aktar raġunijiet għal dan l-argument. L-ewwel nies, tafu kemm hawn 'bullying' fl-iskejjel u naħsebli iktar ħa jiżdied għax kulħadd ħa jibda jgħid fuq waħda u oħra għax m'għandhomx flokk tad-ditta jew inkella għax l-istil tal-flokk jew qalziet huwa ikrah. 

Raġuni oħra hija li kull filgħodu trid toqgħod tara x'ser tilbes. Naħseb jiena ġieli smajtu lil xi għalliema tgerger għax kull filgħodu trid tara x'ser tilbes u li huwa addattat. Apparti minn hekk, aħna ż-żgħażagħ ma nkunux irridu nidhru dejjem bl-istess ħwejjeġ, inġiegħlu lil ommijietna jixtrulna kull darba tibdila ġdida. 

Naħseb li l-iktar raġuni valida hija li l-istudenti jridu jkunu jidhru libsin modesti u mhux jiġu b'xi xorts qasir wisq! Apparti minn hekk, l-għalliema qegħdin jittrenjawna għal meta ħa nikbru u nibdew naħdmu u jkollna l-uniformi. Apparti minn hekk, jekk ma jkollokx xi uniformi, ħa jkollok xi regolamenti li trid timxi magħhom żgur. 

Jiena ngħid li l-iskola għandha tkun bl-uniformi u li min ma jaqbilx miegħi nispera li kkonvinċejtkom li l-opinjoni tiegħi tagħmel aktar sens. 

Elenoir Castagna Micallef (Form 2.2) 
----------------------

L-opinjoni tiegħi hija li m'għandux ikun hemm skola waħda mad-dinja kollha bl-uniformi. Jiena naqbel li nilbsu dak li rridu għall-iskola, pero' jrid ikun ilbies diċenti. L-uniformi fl-opinjoni tiegħi, għandha tintuża biss għax-xogħol. 

L-ewwel nett, l-uniformi hija għolja fil-prezz u b'dak l-ammont ta' flus tista' tixtri żewġ pari 'jeans' u ħames flokkijiet. L-uniformi hekk jew b'hekk mhix komda u allura m'għandniex x'nambuha. Kieku nista', nilbes li rrid għall-iskola u hekk kulħadd ikun jista' jilbes l-istil ta' ħwejjeġ li jogħġbu u fuq kollox, li jixraqlu. Ejja ngħidu li qed tilbes l-uniformi u tqattagħlek id-dublett u ma jkollokx ieħor, x'tagħmel? Jekk ikollok l-uniformi trid tilbes it-tracksuit tal-iskola u tieħu nota, jekk ma jkollokx uniformi, tista' sempliċiment tilbes xi ħaġa oħra. 

Kieku ma kellix uniformi, kont inħossni aktar komda għax nilbes il-ħwejjeġ fuq xulxin kemm irrid. Ara, l-uniformi ma tista' tilbes xejn minn taħtha għax dak li tilbes jidher u ma ninsewx li ħafna uniformijiet għandhom drapp irqiq. Kieku l-uniformi ma teżiżtix, kieku l-iskola tkun kollha kkulurita bil-ħwejjeġ tal-istudenti u mhux kollha safra u blu bħall-uniformi tiegħi. L-iskola kulħadd ikun bl-istess ħwejjeġ mentri jekk il-kap tal-iskola jibdel ir-regolamenti jkun hemm kuluri differenti ġol-iskola ta' kuljum!

Jiena tajt l-opinjoni tiegħi, nispera li fhimtu l-punt tiegħi, li l-iskola għandha tkun bla uniformi. Nispera wkoll li biddiltilkom fehmitkom!

Annika Micallef (Form 2.1)

Tuesday, May 7, 2013

Komponiment argumentattiv

L-iskola, filgħodu jew filgħaxija?

Jiena nemmen li l-iskola għandha tibqa' ssir filgħodu għaliex filgħodu t-tfal ikollhom iktar ħeġġa u enerġija u ma naħsibx li wara ġurnata mimlija attivitajiet u impenji, l-istudenti ser ikollhom aptit iqattgħu sitt sigħat ta' skola. 

Issa l-istudenti draw b'din is-sistema għax filgħaxija nħalluh għad-divertiment, l-istudju u għall-attivitajiet l-oħra. Dan l-aħħar, waqt xi taħditiet fuq ir-rajdu smajt li qed jikkunsidraw li jtawlu l-ħinijiet tal-iskola. Dan naqbel miegħu għaliex naħseb li mhux qed ikun hemm biżżejjed ċans biex inlaħħqu mas-sillabu kollu u forsi b'hekk inkunu aktar komdi li nagħmlu x-xogħol aktar bil-kalma, u b'hekk xorta waħda, il-ħin ta' filgħaxija nħalluh għall-impenji tagħna. 

Ma nistax nimmaġina li filgħaxija nkunu għadna sejrin l-iskola għax żgur li nofs l-istudenti jispiċċaw ma jafux x'inhu jiġri waqt il-lezzjonijiet. Għalkemm jiena naħsibha b'dan il-mod ma jfissirx li kulħadd jaħsibha bħali. Jiena tkellimt ma' ħafna nies u qaluli li ma jaqblux miegħi għaliex jafu kemm hi diffiċli għall-istudenti li jqumu kuljum kmieni għall-iskola. Qaluli wkoll li jekk l-iskola tibda filgħaxija, l-istudenti jkollhom aktar ċans biex jistudjaw. Dan kollu huwa tajjeb imma jiena nibqa' naħseb li l-iskola għandha tkun filgħodu għaliex din is-sistema ilha hekk għal ħafna snin, imma sewwa jgħidu li l-baqra tinbiegħ kollha. 

Nispera li kont ċara fuq dan is-suġġett u li n-nies li qed jaqraw l-opinjoni tiegħi bdew jaħsbuha different jew għallinqas bdew iħarsu lejn din l-idea minn angolu differenti.

Kayce Camilleri (Form 2.1)
----------------------------

L-internet ħela ta' ħin?

L-internet jista' jkun ħela ta' ħin u kif ukoll jista' jkun bżonnjuż fil-ħajja li qed ngħixu fiha llum. Lanqas nimmaġina l-ħajja tiegħi mingħajr internet. 

Jiena nemmen li jekk l-internet jintuża għall-iskopijiet tajbin, jista' jkun użat bħala għodda utli. Aħna l-istudenti nużawh ħafna l-internet għar-riċerki tal-proġetti tal-iskola. Għalhekk, niffrankaw ħafna ħinni milli noqogħdu nqallbu fil-kotba u niffrankaw il-ħin milli nżuru xi librerija. Jiena ma naħsibx li l-internet jista' jkun ħela ta' ħin għax ħafna nies jiffrankaw il-ħin billi jħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, jixtru x-xirja ta' kuljum, jixtru l-ħwejjeġ, żraben u ħafna bżonnijiet oħra. Familji li għandhom qrabathom jgħixu 'l bogħod minnhom jistgħu jagħmlu kuntatt magħhom permezz tal-internet. 

Min-naħa l-oħra nemmen li l-internet jista' jkun ħela ta' ħin jekk tużah bla kontroll. Ħafna ħin fuq l-internet jista' jwassal għal nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku li jwassal għal tfal bl-obeżita'. Ħafna tfal qegħdin iqattgħu ħafna ħin prezzjuż jilagħbu u jiċċettjaw fuq l-internet minflok ma jaqraw u jistudjaw. Sfortunatament, fil-ħajja tal-lum mhux it-tfal biss jaħlu l-ħin fuq l-internet, iżda anki l-ġenituri. B'riżultat li l-familja mhux qed ikollha ħin ta' kwalita' flimkien li jiltaqgħu fuq il-mejda tal-ikel u jitkellmu bejniethom. Kif jgħidu, l-eżempju jkaxkar, għalhekk għandhom ikunu l-ġenituri li jagħtu l-eżempju lil uliedhom. Ngħid għalija jiena nipprova nsib ħin għal kollox u hekk għandu jkun. 

Jiena nemmen li fil-ħajja kollox għandu jsir b'bilanċ. Jekk l-internet jintuża kif suppost, m'għandux ikun ħela ta' ħin. 

Kathryn Ellul (Form 2.2)
---------    ----------    ---------

Għalija l-internet mhuwiex ħela ta' ħin. L-internet illum ħa minflok il-kotba u huwa iktar faċli biex tfittex l-informazzjoni fuqu milli mill-kotba. L-internet illum sar parti mill-ħajja, fl-uffiċini jkollhom l-internet, fl-iskejjel u anki d-dar. Forsi għal ċertu nies anzjani huwa meqjus bħala ħela ta' ħin għax ma jafux jużawh u ma jkollhomx bżonnu, iżda għalina l-internet huwa ħajjitna!

Meta jkollok l-internet id-dar, tkun tista' tagħmel minn kollox. Tista' ssib l-informazzjoni għall-iskola jew forsi tipprintja xi ritratti. Mingħajr internet ma tista' tagħmel xejn ħlief tfittx minn fuq il-kotba. Meta tfittex fuq l-internet tieħu inqas xogħol u ħin. Daż-żmien, it-tfal tal-lum b'affarijiet elettroniċi biss iħobbu jilagħbu, rari ssib tfal li jħobbu jaqraw xi ktieb! Jekk ikollok l-internet tkun tista' tilgħab xi logħob fuq il-kompjuter. 

Tista' tuża l-'Facebook', 'Skype' jew xi tip ieħor biex tkun tista' tiċċettja u fl-istess ħin tkun qed tieħu brejk mix-xogħol li tkun qed tagħmel. Veru li llum hawn ħafna nies li qed jivvizzjaw ruħhom bl-internet u l-'Facebook' Jista' wkoll juġgħak dahrek jew xi parti oħra ta' ġismek peress li ddum ħafna bilqiegħda, imma f'dak il-każ trid tibbilanċja l-affarijiet inti stess. Trid toħroġ fl-arja ta' barra wkoll u mhux toqgħod id-dar imwaħħal mal-kompjuter! Billi nużaw il-kompjuter, ma jfissirx li qed naħlu l-ħin. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu, pero' jekk l-anzjani u dawk li ma jafux juzaw l-internet jarawh li huwa ħela ta' ħin, għandhom jippruvw jużawh u forsi jieħdu pjaċir. Meta jkollox vizzju, jistgħu jiġru xi inċidenti, eżempju m'ilux, tifla erqet ġo banju għax ommha kienet fuq il-'Facebook'. Ma naħsibx li għandna nkunu daqshekk iffissati fuq l-internet, għax mhux sew. 

Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu, min jgħid li l-internet huwa ħela ta' ħin u min jgħid li mhuwiex. Hemm ħafna min jaqbel u hemm ħafna li ma jaqblux. Kulħadd ikollu xi passtemp f'ħajtu!

Yana Vella (Form 2.3)

Wednesday, April 24, 2013

Djalogu bejn żewġ persuni

"Illum immur indoqq taħt it-tieqa ta' Lucy," qal bejnu u bejn ruħu Xandru. 

"Bonġu Luc," qal Xandru bid-daħka. 

"Nispera li mhux ġej xi skoss storbu dalgħodu!" qalet bin-nervi Lucy. 

"Le, sabiħa tiegħi, jien mużika allegra nħobb indoqq!" wieġeb Xandru.

"Mela mhux storbjuża wkoll!" gergret Lucy waqt li għalqet it-tieqa. 

"Kemm hi antipatka din Lucy," qal Xandru waqt li rħielha jdoqq u jċapċap. 

Minn wara t-tieqa nstema' t-twerżiq ta' tarbija żgħira u Xandru xejn ma ħa pjaċir. 

"Marelli, diġa' qamet Nina, kollu tort ta' dak il-broxk!" gergret Lucy. "Nirranġak jien! Ara x'għamiltli kemm int kattiv! Qajjimtli lil Nina!" tenniet Lucy kollha nervi. 

"Mela t-triq tiegħek?" wieġeb Xandru.

"Ħa nurik ta' min hi t-triq jien," qalet bis-suppervja Lucy waqt li tefgħet barmil ilma fuq ras Xandru. 

"Ara x'għamilt Lucy! Xarrabt lili u lill-vjolin!" qal Xandru. 

"Aħjar għalik u għall-vjolin tiegħek. Darb'oħra terġax tersaq 'l hawn!" gergret Lucy hi u tagħlaq it-tieqa u t-tifla kompliet twerżaq fuqha. 

Demi Magrin (Form 1.2)


------------------------
Waqt li kien hemm ix-xemx tixwi quddiem il-gallarija, Marija f'dak il-ħin tant sabiħ kienet qed tħit xi ħaġa żgħira għat-tarbija tagħha. 

"X'gost hawn hawnhekk fil-paċi," qalet Marija waqt li ħarset 'il barra mill-gallarija. 

F'dak il-waqt, is-sieħeb ta' qabel ta' Marija kien qed jipprepara biex imur għand Marija għax wara li kien telaqha li kien għadu jħobbha. 

Marija kienet kienet id-dar tikkontempla waħedha filwaqt li sajret xi ħaġa għaliha u għal bintha, qalet bejnha u bejn ruħha. "Mulej kif ġibtni hekk? Dejjem id-dar waħdi mat-tifla filwaqt li r-raġel dejjem ix-xogħol." Meta kienet kważi ħa tibki, b'leħen miksur qalet, "Din it-tifla lanqas kważi taf min hu missierha." Marija qalbet l-ikel, kielu u wara li żbarazzat, imliet barmil bl-ilma biex taħsel l-art imma fil-pront it-tifla tagħha ħassitha ma tiflaħx.

F'dak il-waqt wasal David, is-sieħeb ta' Marija. Qagħad taħt it-tieqa ta' Marija, ħareġ il-vjolin u beda jdoqq u jkanta, "O Marija tant sabiħa, jiddispjaċini, nitolbok ħudni lura." David baqa' jdoqq u jirrepeti l-istess ħaġa. 

Minn ġewwa Marija bdiet tisma' kollox u ma ħadet xejn gost għax għalkemm kienet ħabbitu, issa hi kienet iżżewġet lil Robert. Ħarġet fit-tieqa u qaltli, "Mur, itlaq, m'għandekx x'tambini!" David ma waqaftx u t-tarbija bdiet tibki u togħxa. Għalhekk Marija tant iddejqet li qabdet il-barmil bl-ilma u tefgħatulu. 

David bir-rabja staqsieha, "Għalfejn għamiltli hekk, Marija?"

Marija qaltli, "Għax dejjaqtni, itlaq 'l hemm, ħallini, jien m'għadnix inħobbok!"

Nicole Schembri (Form 1.3) 
------------------------

Ta' kull nhar ta' Sibt filgħaxija, Rita, xebba ta' tletin sena, kienet tħobb tmur tiekol ġewwa restorant f'Tas-Sliema. 

"Il-lejla t-tajba sinjura, fiex nista' naqdik?" staqsa l-wejter bi tbissima. 

Rita weġbitu, "Nixtieq nordna platt bebbux bl-arjoli." 

"Trid tixrob xi ħaġa?" reġa' staqsa l-wejter.

"Iva, tazza luminata," kompliet Rita.

Sakemm il-wejter ġab l-ikel, Rita qagħdet tisma' l-mużika. 

"Hawn hu l-bebbux," qal il-wejter. 

"Grazzi xi jfuħ," kompliet Rita. 

"L-ikla t-tajba," qal il-wejter lil Rita. 

"Grazzi ħafna!" kompliet Rita. 

"Wejter, wejter," gergret Rita bir-rabja waqt li kienet qed tiekol. 

"X'ġara sinjura?" stagħġeb il-wejter maħsud hekk kif ra l-bebbuxu jimxi fuq il-mejda. 

"Dan x'ikel hu!" esklamat Ritra bir-rabja li kellha fuqha. 

"Skużani ħafna, mhux it-tort tiegħi," qal il-wejter iddispjaċut. "Agħti ċans ħalli mmur nordnalek platt bebbux ieħor," kompla l-wejter. 

"Tordnali xejn, grazzi xorta waħda, issa m'għandix aptit niekol," kompliet Ritra hekk kif ħarġet mir-restorant u marret id-dar imdejqa. 

Naomi Zammit (Form 1.1)

Thursday, April 11, 2013

Rapport f'gazzetta

It-Tnejn, l-1 t'April, 2013

Qatla l-Mosta
Raġel instab mejjet ġo dar abbandunata.

Corinne Gatt

Raġel bl-isem ta' Oliver Borg ta' tlieta u għoxrin sena, ġie rrapportat nieqes fl-għoxrin ta' Marzu u nstab mejjet ġo dar abbandunata ġewwa l-villaġġ tal-Mosta.

Skont sorsi, il-familja rrapportati nieqes għand il-pulizija u minn hemm bdew it-tfittxijiet għal Oliver. Il-familja ta' Oliver qalet lis-sorsi tagħna li hu dak il-lejl telaq minn dar għax kellu xi festin tal-ħabib tiegħu li jgħix il-Mosta. 

In-nies tal-post irrapportaw li semgħu sparar u raw lil persuna b'maskla sewda tiġri wara raġel. Dan ir-raġel kien Oliver u biex jipprova jaħrab daħal ġo dar abbandunata. Hu ma ndunax li dan ir-raġel kellu arma tan-nar u sparalu. Il-pulizija għadhom qed jinvestigaw dan il-ħoss stramb li ħadd ma jaf għaliex ġara, ħlief il-qattiel u l-vittma. 


__________________________________
Is-Sibt, it-13 t'April, 2013

Serqa
Serqa ħdejn ħanut tal-merċa. 

Michela Agius

Raġel ta' sittin sena - Victor Grech, mar jixtri mingħand ħanut tal-merċa 'G & G' fir-raħal ta' Ħ'Attard fi Triq Victor Vassallo. Sakemm mar jixtri, n-neputija - Sarah Azzopardi, baqgħet ġol-karozza tistennieh. Hekk kif Grech kien ħiereġ mill-ħanut, raġel qabeż fuqu u telaq jiġri bil-basket tal-ikel li kien għadu kif xtara. Sarah li kienet rat x'ġara, daqqet il-ħorn tal-karozza u bdiet twerżaq kemm tiflaħ. Il-bejjiegħ tal-ħanut ħareġ barra biex jara x'inqala u telaq jiġri wara l-ħalliel u qabdu. Mara li rat kollox x'kien ġara ċemplet l-ambulanza u l-pulizija. Grech ittieħed l-isptar 'Mater Dei'. Għalkemm ma kellux ġriehi gravi, ħaduh l-isptar xorta waħda għall-osservazzjoni. Il-ħalliel - Nathan Galea, ta' tnejn u għoxrin sena, ġie arrestat. L-ispettur Joe Bonnici u s-Surġent Marjo Michallef mill-għassa tar-raħal ta' Ħ'Attard qegħdin jinvestigaw l-inċident.


__________________________________
Il-Ħamis, il-21 ta' Marzu, 2013

L-Isplużjoni fil-Kamra tan-Nar fil-Mosta
It-traġedja li ħalliet tnejn mejta. 

Britney Bondin

Ilbieraħ, l-għoxrin ta' Marzu, splużjoni f'kamra tan-nar seħħet fil-Mosta. Din it-traġeda seħħet fit-tlieta ta' wara nofsinhar. F'din l-isplużjoni nstabu żewġ persuni mejta. 

Fit-tlieta ta' wara nofsinhar, wieħed mill-ħaddiema kien qed jipprepara xi affarijiet għall-festa ta' Santa Marija. F'daqqa waħda l-kamra splodiet. It-theżżiża nħasset mill-inħawi tal-Mosta u postijiet oħrajn. Nies ta' dawn l-inħawi ċemplu lill-pulizija u l-paramediċi biex jiġu. Meta ġew il-paramediċi ħadu lill-midruba l-isptar għall-kura. 

In-nies li mietu kienu, Ġanni Sammut ta' għoxrin sena u Pawlu Sultana ta' wieħed u tletin sena. Pawlu ħalla warajh lil martu Lina u bintu Marija. Il-familja ta' Ġanni kienet ilha taħdem fil-kamra tan-nar għal iktar minn għoxrin sena.