Tuesday, October 15, 2013

Rakkont fl-ewwel persuna

Jien jisimni Cloe Bonello u għandi ħdax-il sena. Twelidt fis-sebgħa t'Ottubru fl-2002 għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta' filgħodu. Għandi xagħri kannella mġiegħed u għajnejja kannella skuri. Twila metru u tnejn u erbgħin ċentimenti. 

Il-kulur favorit tiegħi huwa l-ikħal u l-vjola. Ngħix f'raħal żgħir, jismu x-Xgħajra. Dan huwa qrid Ħaż-Żabbar u jgħixu madwar ħames mitt familja. Il-familja tiegħi hija magħmula minn erba' persuni: ommi, missieri, oħti l-kbira u jien. Għandi wkoll ħuta jisimha Flippers. Fil-ħin liberu nħobb nilgħab bil-kompjuter, nisma' l-mużika jew naqra xi ktieb. 

Nattendi l-iskola ta' Santa Dorotea f'Ħaż-Żebbuġ u qiegħda fl-ewwel sena tal-iskola sekondarja. Barra l-iskola għandi ġranet filgħaxija fejn immur il-katekiżmu, niżfen il-'ballet' jew immur għal-lezzjonijiet tal-għawm. Fi tmiem il-ġimgħa, wara li nlesti x-xogħol tad-dar nistrieħ wara ġimgħa ta' xogħol. L-aktar ħaġa li nħobb huwa: il-kant, iż-żfin u l-għawm. L-iktar ħaġa li ddejjaqni hi meta nasal tard għal xi appuntament importanti. 

L-ikel favorit tiegħi huwa t-tiġieġ il-forn bil-patata tqarmeċ bħal ma tħobb tagħmel in-nanna. La nikber nixtieq insir għalliema tal-primarja għax niggusta t-tfal iż-żgħar. Jekk tixtieq tkun taf iktar fuqi tista' tingħaqad miegħi fir-rikreazzjoni tal-iskola. 

Cloe Bonello (Form 1.3)
----------

Matul il-ġimgħa jkolli ħafna x'nagħmel għax immur l-iskola kuljum. Kull għalliema tagħtina ħafna xogħol għad-dar, għalhekk ikolli ħafna xogħol x'nagħmel. Meta jasal tmiem il-ġimgħa, ikolli iktar ħin biex nistrieħ iżda l-ħin jgħaddi malajr wisq. 

Fis-sajf kont inqum tard imma fix-xitwa jkolli nqum kmieni ħalli ma mmurx tard l-iskola u nibda l-lezzjonijiet fil-ħin. Fis-sajf kont inqum fis-sebgħa iżda fix-xitwa jkolli nqum fis-sitta ta' filgħodu għax nasal l-iskola fis-sebgħa u nofs u l-lezzjonijiet jibdew fit-tmienja. Għandi lezzjonijiet differenti kuljum. Is-suġġett favorit tiegħi huwa l-matematika. Matul il-ġimgħa nkun qed nistenna l-jum tat-Tlieta minħabba l-lezzjoni tal-'Home Economics', li jien tant inħobb. 

Wara l-ħin tal-iskola għandi ħafna attivitajiet għax jien inħobb nagħmel affarijiet differenti. Nhar ta' Tlieta mmur iż-żfin u anki nhar ta' Ġimgħa. Nhar ta' Erbgħa jkolli d-Duttrina u s-Sibt ikollu l-għawm. Jien inħobb immur iż-żfin. Fil-fatt immur darbtejn fil-ġimgħa! Nieħu gost għax nagħmlu ħafna 'stretching'. Inħobb ukoll l-għawm għax fis-sajf meta tkun ħafna sħana, l-ilma jkun frisk u fix-xitwa jkun sħun. Nieħu gost għax niltaqa' mal-ħbieb, waqt li nkunu qed nagħmlu l-isports flimkien. 

Fi tmiem il-ġimgħa dejjem nagħmlu affarijiet differenti. Is-Sibt dejjem ikolli l-għawm. Xi drabi mmorru mixja Tas-Sliema jew niltaqa' mal-ħbieb jew xi festa mal-familja. Nhar ta' Sibt inħobb norqod tard imma mbagħad il-Ħadd ikolli norqod kmieni għax l-għada rrid inqum kmieni. Nhar ta' Ħadd immorru l-quddies u wara jew immorru ġo restorant jew għand in-nanna, għall-ikla ta' nofsinhar. Jien inħobb inqatta' tmiem il-ġimgħa għax nistrieħ aktar. 

Inħobb is-sajf u anke x-xitwa għax fis-sajf nieħu gost nistrieħ u fix-xitwa nħobb nitgħallem l-iskola u niltaqa' iżjed ma' sħabi. Nixtieq li fix-xitwa kelli iżjed ħin biex nagħmel attivitajiet daqs is-sajf.

Martina Camilleri (Form 1.1)
----------

Jisimni Nicole Caruana u għandi ħdax-il sena. Noqgħod Ħal Luqa faċċata tal-ajruport l-antik. Jien kburija li ngħix Ħal Luqa għax qiegħed fiċ-ċentru ta' Malta. 

Twelidt nhar it-Tnejn, il-ħamsa u għoxrin ta' Marzu tas-sena elfejn u tnejn. Jien it-tieni fost żewġ subien li jisimhom Matthias u Mikhail. Meta kont iżgħar kont immur l-iskola primarja ta' Ħal Luqa, għall-ewwel sena, imma mbagħad bdejt immur l-iskola tad-Dorotej f'Ħaż-Żebbuġ. Issa bdejt l-iskola sekondarja u ninsab kuntenta ħafna. 

Matul il-ġimgħa, bħalissa ma tantx ikolli ħin nilgħab għax il-ġurnata vera naraha tgħaddi malajr. Xħin nasal lura d-dar mill-iskola, niekol, inlesti x-xogħol għad-dar, ninħasel, nipprepara l-basket għal l-għada, niekol u għalija il-ġurnata tkun spiċċat hawn. Bħalissa għandi ħajja tal-ġenn u vera qed ngħix kuntenta.

L-iktar ħaġa li togħġobni fil-ħajja ta' kuljum huwa s-sajf. Matul il-ġimgħa kollha jien immur l-iskola, nagħmel ix-xogħol tal-iskola, nistudja u mmur il-mużew. Nhar ta' Ġimgħa nipparteċipa fl-isport tal-ġinnastika. Ħafna minn sħabi tal-iskola jiġu u tgħidx kemm nieħdu gost flimkien. 

Imma insomma, bejn wieħed u ieħor issa sirt taf iktar dwari. Taf kif inqatta' u x'nagħmel matul il-ġurnata tiegħi. Sirt taf il-veru min u kif jien? 

Nicole Caruana (Form 1.2) 

Tuesday, October 8, 2013

Ottubru - Ix-xahar iddedikat għal Dun Karm

Dun Karm (It-18 ta’ Ottubru, 2013)  


“Ħobb, jekk jiswewlek, l-ilsna barranija, Iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.”

Uħud mill-poeżiji li kiteb:

L-Innu Malti

Lil din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha, 
Ħares, Mulej, kif dejjem Int ħarist; 
Ftakar li lilha bl-oħla dawl libbist.

Agħti, kbir Alla, id-dehen lil min jaħkimha, 
Rodd il-ħniena lis-sid, saħħa ’l-ħaddiem; 
Seddaq il-għaqda fil-Maltin u s-sliem.

Warda

Warda ħamra, bellusija 
xhur kien ili nistenniek:
“Meta tasal dik il-warda?” 
kont nistaqsi, fuq ix-xwiek.

Wasalt fl-aħħar, warda ħelwa,
u bi ġmielek jien tgħaxxaqt;
int ħallastni b’daħka waħda
ta’ kemm tlabt u ta’ kemm xtaqt.


Nar tat-Tiben?

L-imħabba tal-ilsien Malti 
mhix kbira daqskemm tidher; 
timla ta’ elf il-fomm,
imma ta’ għaxra s-sider.


L-imħabba tal-ilsien tagħna
jeħtieġ tiġi minn ġewwa, 
jekk irridu, kif jixraq, 
inkunu Maltin sewwa.


Ftit informazzjoni dwar ħajtu:

Dun Karm twieled Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871. Ommu kienet mara tad-dar u missieru kien baħri. Dun Karm ftit kien jarah lil missieru.

L-ewwel skola li mar fiha Dun Karm kienet l-Iskola Primarja tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ. Għalih dan kien l-isbaħ żmien! Huwa kien student bravu u baqa’ jistudja sakemm ordna qassis. Huwa kien jgħallem ukoll u l-istudenti tiegħu jiftakruh raġel dħuli u fuq tiegħu u f’ħin il-mistrieħ kien iħobb jintefa’ jdoqqilhom il-mandolina.

F’żgħożitu Dun Karm kien iħobb jikteb il-poeżiji. Ma kienx jikteb bil-Malti, imma bit-Taljan, kif kienet id-drawwa fost ħafna Maltin dak iż-żmien. Imma għodwa waħda, waqt li kien miexi l-Belt, iltaqa’ ma’ żewġ kittieba, il-Monsinjur Pawl Galea u Ġużè Muscat Azzopardi. Qalulu li kellhom jibdew joħorġu gazzetta bil-Malti, li kien jisimha Il-Ħabib, u stidnuh jiktbilhom xi poeżija sabiħa bil-Malti għall-ewwel ħarġa.

Dun Karm ma qalilhomx le, avolja kien għadu qatt ma kiteb xejn bil-Malti. Għall-ewwel ħabat se jaqta’ qalbu għax ma beda jiġih xejn f’moħħu u ma kienx jaf kif jista’ jikteb poeżija sabiħa bil-Malti. Imma mbagħad niżel għarkopptejh quddiem inkwatru tal-Madonna li kellu f’kamartu, u talabha tgħinu. Dik il-lejla stess, fl-1912, Dun Karm ta’ 41 sena, kiteb l-ewwel poeżija bil-Malti u semmieha: Quddiem Xbieha tal-Madonna.

Dun Karm stagħġeb kemm tista’ tikteb sabiħ bil-Malti, u minn dakinhar baqa’ jikteb il-poeżiji bil-Malti biss. Kiteb poeżiji fuq ommu, tfulitu, l-ambjent ta’ madwarna, u l-annimali. Kiteb ukoll il-ġmiel ta’ poeżiji reliġjużi u wħud minn dawn għadhom jitkantaw fil-knejjes tagħna bħall-Innu ta’ Filgħaxija, Nadurawk ja Ħobż tas-Sema, u Fil-Ħlewwa ta’ Mejju. Dun Karm kiteb ħafna poeżiji sbieħ fuq pajjiżna u ġrajjiet missirjietna. Imma fost l-akatar magħrufa jibqa’ l-kliem tal-Innu Malti, li kitbu meta kellu ftit aktar minn sittin sena.

Dun Karm għex ħajja kwieta, jaħdem u jikteb il-poeżiji, sakemm miet fit-13 ta’ Ottubru 1961, meta kellu kważi disgħin sena. 

Wednesday, October 2, 2013

Rakkont fil-preżent - Serqa kbira

Sa fl-aħħar saru s-siegħa u nofs u lanqas irrid nemmen li sejra lura d-dar, l-għaliex illum ħassejt ħafna sħana l-iskola. Issa qiegħda fuq il-vann u sejrin lura lejn is-Swieqi filwaqt li għaddejjin minn ġol-Bypass. Hawn ħafna traffiku u ma nafux x'ġara. 

It-traffiku miexi ftit ftit u bdew ġejjin ħafna u ħafna pulizija. Issa wasalna ħdejn il-Bank tal-HSBC ta' St. Andrews u naħseb li qed issir serqa. Milli nista' nara hemm ħafna ħallelin. Naħseb li hemm aktar minn ħdax-il persuna mgħammda u li qed tisraq minn dan il-bank. Il-pulizija qabdu lil dawn il-persuni u nimmaġina li ser jeħduhom l-għassa tal-pulizija. Ċerta li dawn il-persuni mhux ser jeħilsuha ħafif. Dawn żgur ser ikollhom sentenza ta' ħabs twila. 

Diġà saru s-sagħtejn u nofs u għadna lanqas wasalna d-dar. Ommi min jaf kemm qed tinkwieta għax mhux soltu naslu daqshekk tard. Għandi ġenn biex nidħol u ngħidilha x'rajt b'għajnejja. 

Saru t-tlieta u fl-aħħar wasalna d-dar. Ommi kienet diġà semgħet x'kien ġara għax kienu qed jirrappurtaw fuq l-aħbarijiet. 

Nirringrazzja 'l Alla li din il-ġurnata spiċċat b'wiċċ il-ġid. Nittama li dawk il-ħallelin ma jgħadduhiex lixxa. 

Shelby Degabriele (Form 2.3)
----------

Inqum bħas-soltu minn posti biex ninżel minn fuq ix-xarabank u mmur dritt lejn id-dar wara ġurnata skola. Wara ħames minuti nasal fit-triq tiegħi u ftit passi 'l bogħod nara karozza startjata u mingħajr pjanċa, quddiem ħanut tad-deheb. Mill-ewwel jidħolli suspett.

Minnufih jien nittawwal mill-ħġieġ tal-ħanut u jkolli nersaq viċin minħabba li l-ħġieġ jibda jirrifletti bix-xemx f'għajnejja. Nara żewġt irġiel b'wiċċhom mgħotti u b'arma f'idejhom. Jien ninħasad meta nara wkoll lil xi nies mimdudin fl-art u xi demm ukoll. X'nista' nagħmel? Niddeċiedi li mmur id-dar u ngħid kollox lil ommi. Hi tgħidli biex inċempel lill-pulizija. 

Dawn jiġu wara ftit ħin. Jien inkun fil-gallarija qed nara kollox. Il-pulizija jibdew ikellmu lill-ħallelin biex iċedu imma dawn ma joħorġux mill-ħanut. Jinstemgħu jgħidu li jekk mhux se jitilqu jibdew joqtlu lill-ostaġġi. Jgħidu wkoll li jridu jitilqu mingħajr ħadd ma jiġri warajhom. Il-pulizija ma jridux jisimgħu u għalhekk il-ħallelin jisparaw u jweġġgħu lil sid il-ħanut. Tgħidx kemm jibda jinstema' għajjat u biki!

Il-pulizija jkollhom iħallu lill-ħallelin joħorġu bil-basktijiet mimlija deheb u flus. Magħhom jieħdu wkoll mara biex żgur ma jisparawx fuqhom. L-ambulanza tieħu lill-midruba l-isptar waqt li l-pulizija tmur tiġri wara l-ħallelin. 

Fuq l-aħbarijiet tat-tmienja nisma' li l-ħallelin jinqabdu imma l-valur ta' għoxrin elf ewro deheb jibqa' ma jinstabx. Din hija waħda mill-akbar serqiet ta' din is-sena. 

Audrey Muscat (Form 2.1) 
----------

...Qiegħda niġri u niġri kemm niflaħ. Saqajja qed tuġagħni imma qed inkompli niġri. Niġri fid-dlam ta' billejl u mhu qed nara xejn. Insibni f'post stramb b'riħa ta' żibel u ħut nej. Nista' nisma' s-sireni tal-pulizija u passi ta' nies jiġru warajja. 

F'idi għandi d-djamant maġiku u f'moħħi dawk in-nies kollha li qtilt. Dort mal-kantuniera u nara ħafna pulizija ġejjin għalija. Niġri fid-direzzjoni l-oħra u nsib ruħi fi triq magħluqa. Il-pulizija jinsabu resqin iżjed u iżjed viċin tiegħi. Wieħed minnhom joħroġ xkubetta, inħares madwari u nara ħofra! Naqbeż għal rasi ġo fih. Bdejt nistordi u madwari nara oġġetti bħal kotba, platti, tazzi, lampi, klieb, siġar u ħafna iktar li bdew idiru. Nagħlaq għajnejja... u nħoss żiffa. Nisma' l-ilħna ta' tfal żgħar jidħku. 

Niftaħ għajnejja u għal mument ħsibt li kont mejjet. Inħoss it-taqtir tax-xita ma' wiċċi u t-tfal żgħar jiġru 'l bogħod minni. Meta nħares madwari nara villaġġ żgħir bid-djar li kellhom soqfa bid-djamanti. Sibt kenn taħt it-taraġ ta' dar kbira. L-għada filgħodu norok għajnejja biex nara sew fejn qiegħda. Meta stajt nara sew bdejt inħares madwari. 

Insib sbatax-il ruħ libsin l-uniformi ta' suldat li qegħdin iħarsu lejja. Quddiemi nara mara sabiħa b'għajnejn blu u maġiċi, b'xagħar isfar u twil, qiegħda tħares lejja wkoll. Imbagħad immiss il-but u nsib li d-djamat kien sparixxa! Mingħajr ma naf qiegħda fl-arja u qed nissakkar ġo gaġġa kbira bħal għasfur. Biża' kbira tinżel fuqi hekk kif nara li s-suldati qed jimmiraw l-ixkubetti lejja. 

Fid-daqqa u l-ħin idoqq l-arloġġ biex inqum għall-iskola u ninduna li hija biss ħolma tal-fantasija kollha tiegħi. Pero' skont il-gazzetta li hemm fuq il-mejda tal-kċina, jidher li l-'Pink Panther' ġiet misruqa! Inkompli naqra u nsib li l-persuna li serqet id-djamant hi...

Katrina Felice (Form 2.2) 






Tuesday, June 18, 2013

Wednesday, May 22, 2013

Rapport

Kamra tan-Nar li Tisplodi 

Ilbieraħ, fl-għaxra u nofs, splodiet kamra tan-nar waqt il-festa ta' San Ġużepp f'Ħal Għaxaq. Ġol-kamra kien hemm sitt irġiel, tnejn minnhom mietu u l-erbgħa l-oħra jinsabu fl-isptar 'Mater Dei', taħt osservazzjoni. 

L-inċidenti sar billi wieħed mill-irġiel ħalla sigarett imqabbad ħdejn it-tankijiet mimlijin porvli. Ħames minuti ara tfaċċa t-trakk tat-tifi tan-nar fejn laħqet inġemgħet folla kbira ta' nies. Wara ftit, waslu l-karozzi u l-muturi tal-pulizija li eżatt kif niżlu minn fuqhom, bdew jinvestigaw u jistaqsu xi mistoqsijiet fuq dak li kien ġara, biex jiġbru l-evidenza. 

Il-pulizija skopriet li s-sigarett ma waddbux wieħed li jaħdem fil-kamra tan-nar iżda kien waddbu xi ħaddieħor li kien miexi f'dawn l-inħawi. 

Valentina Borg (1.2) 
---------------------

Xarba Ġdida Bla Kaloriji

F'dawn l-aħħar xahrejn, 'O'WAT', kumpanija tal-ilma bdiet tipprova toħloq xarba bla kaloriji. Dan għamluh għax wara riċerka li għamlu xi xjentisti Maltin, sabu li ħafna ċittadini Maltin kienu qegħdin iżidu l-piż.

Din ix-xarba għandha wkoll bott speċjali. Speċjali l-għaliex jekk tordnah minn qabel, il-kumpanija tagħmillek ismek fuq il-bott. Hija msemmija għall-kumpanija u din ix-xarba la għandha kaloriji, la xaħam u lanqas zokkor, imma xorta waħda tagħtik l-enerġija. 

'O'WAT' issib tixtriha minn kull ħanut tal-merċa jew anki ħanut tal-ħelu. Din ix-xarba tinsab biss f'Malta u f'Għawdex. Issib tixtriha b'togħma tal-frawli, taċ-ċikkulata jew tal-vanilla.  

Kersty-Jo Zammit (Form 1.3)
---------------------
Ġurnata Ta' Suċċess 

Ġurnata ta' suċċess ġewwa l-iskola ta' St. Dorothy's, f'Ħaż-Żebbuġ. Din il-ġurnata ta' suċċess saret nhar it-Tlieta, l-14 ta' Mejju. It-tema kienet fuq il-bżonn tal-ilma fil-ġisem tagħna. 

L-istudenti għamlu spettaklu mimli żfin, kant u briju. L-istudenti ħadu gost juru t-talenti tagħhom fuq il-palk. Is-sala kienet mimlija daqs bajda bil-ġenituri tal-istudenti u l-għalliema kollha. Fl-aħħar tal-ispettaklu kienu ppremjati dawk l-istudenti li ġew l-ewwel, it-tieni u t-tielet f'xi suġġett u ġew mogħtija ċertifikat mill-kap tal-iskola. Ħadu wkoll ċertifikat dawk l-istudenti li matul is-sena ħadu sehem f'xi attivita' tal-iskola. Mid-daħka fuq fommhom stajt tara s-sodisfazzjon li kellhom wara ħafna qtigħ ta' qalb. 

Prosit kbira tmur lill-għalliema kollha li b'paċenzja kbira għinu ħafna lil dawn l-istudenti biex din il-ġurnata setgħet tkun ta' suċċess kbir. 

Jessica Caruana (Form 1.1) 

Monday, May 13, 2013

Komponiment Argumentattiv 2

L-iskola, bl-uniformi jew mingħajr uniformi? 

Illum il-ġurnata, ħafna tfal igergru għax għandhom bżonn jilbsu l-uniformi għall-iskola. Hawn min jiddejjaq għax ma togħġbux, min għax jiddejjaq li jkun bħall-oħrajn u hemm iktar raġunijiet għal dan. 

Fl-opinjoni tiegħi, l-uniformi hija komda ħafna għax m'għandekx bżonn toqgħod taħseb x'ħa tilbes kuljum! Jekk ma togħġobniex l-uniformi, ma jimpurtax għax kulħadd ikun liebes l-istess! Madanakollu, biex ngħid il-verita', togħġobni l-uniformi tiegħi għax komda u prattika. 

Jiena qatt ma gergirt, imma kieku kellna skola bla uniformi kienet tkun itqal għall-għalliema biex jitfgħallmu l-ismijiet u t-tfal faċilment ikunu jistgħu jaħarbu mill-iskola. Meta jmorru xi ħarġa, l-għalliema faċilment tista' tieħu xi tifla oħra bi żball. 

Bħal m'hemm il-ħażin, hemm it-tajjeb ta' skola bla uniformi. It-tfal jistgħ jesprimu ruħhom mill-ħwejjeġ li jilbsu, jistgħu wkoll jiġu bil-ħwejjeġ komdi skont x'attivita' jkollhom. Ħafna drabi ssib xi tfal li jilbsux addattat għall-iskola u dan għandu joħloq problema fid-dixxiplina tal-iskola. 

Billi t-tfal jistgħu jagħżlu x'jilbsu, waqt il-lezzjonijiet, il-persuna tista' aktar tibqa' ffukata fuq xiex inhi liebsa milli fuq il-lezzjoni. It-tfal jistgħu wkoll jaqbdu ma' xi tfal oħra minħabba l-ilbies tagħhom u dik tiġi forma ta' 'bullying'. 

Jiena, ma naqbilx li l-iskola tkun bla uniformi għax l-uniformi għalija hija importanti u tissimbolizza l-iskola li nkun qed nattendi. Iva, hemm bżonn ta' uniformi ġo skola, għalkemm ħafna nies ma jaqblux! 

Filippa Magro (Form 2.3)
----------------------

Illum ħa nkellimkom dwar jekk l-iskola tagħmilx sens li tkun bl-uniformi jew mingħajr uniformi. Dwar dan l-argument hemm ħafna opinjonijiet differenti, hemm min jaqbel u hemm min ma jaqbilx. 

Jiena, li kieku kelli nagħżel, naħseb li iktar immur man-naħa li l-iskola għandha tkun bl-uniformi. Hemm ħafna li ma jaqblux miegħi, imma naħseb hawn ħafna aktar raġunijiet għal dan l-argument. L-ewwel nies, tafu kemm hawn 'bullying' fl-iskejjel u naħsebli iktar ħa jiżdied għax kulħadd ħa jibda jgħid fuq waħda u oħra għax m'għandhomx flokk tad-ditta jew inkella għax l-istil tal-flokk jew qalziet huwa ikrah. 

Raġuni oħra hija li kull filgħodu trid toqgħod tara x'ser tilbes. Naħseb jiena ġieli smajtu lil xi għalliema tgerger għax kull filgħodu trid tara x'ser tilbes u li huwa addattat. Apparti minn hekk, aħna ż-żgħażagħ ma nkunux irridu nidhru dejjem bl-istess ħwejjeġ, inġiegħlu lil ommijietna jixtrulna kull darba tibdila ġdida. 

Naħseb li l-iktar raġuni valida hija li l-istudenti jridu jkunu jidhru libsin modesti u mhux jiġu b'xi xorts qasir wisq! Apparti minn hekk, l-għalliema qegħdin jittrenjawna għal meta ħa nikbru u nibdew naħdmu u jkollna l-uniformi. Apparti minn hekk, jekk ma jkollokx xi uniformi, ħa jkollok xi regolamenti li trid timxi magħhom żgur. 

Jiena ngħid li l-iskola għandha tkun bl-uniformi u li min ma jaqbilx miegħi nispera li kkonvinċejtkom li l-opinjoni tiegħi tagħmel aktar sens. 

Elenoir Castagna Micallef (Form 2.2) 
----------------------

L-opinjoni tiegħi hija li m'għandux ikun hemm skola waħda mad-dinja kollha bl-uniformi. Jiena naqbel li nilbsu dak li rridu għall-iskola, pero' jrid ikun ilbies diċenti. L-uniformi fl-opinjoni tiegħi, għandha tintuża biss għax-xogħol. 

L-ewwel nett, l-uniformi hija għolja fil-prezz u b'dak l-ammont ta' flus tista' tixtri żewġ pari 'jeans' u ħames flokkijiet. L-uniformi hekk jew b'hekk mhix komda u allura m'għandniex x'nambuha. Kieku nista', nilbes li rrid għall-iskola u hekk kulħadd ikun jista' jilbes l-istil ta' ħwejjeġ li jogħġbu u fuq kollox, li jixraqlu. Ejja ngħidu li qed tilbes l-uniformi u tqattagħlek id-dublett u ma jkollokx ieħor, x'tagħmel? Jekk ikollok l-uniformi trid tilbes it-tracksuit tal-iskola u tieħu nota, jekk ma jkollokx uniformi, tista' sempliċiment tilbes xi ħaġa oħra. 

Kieku ma kellix uniformi, kont inħossni aktar komda għax nilbes il-ħwejjeġ fuq xulxin kemm irrid. Ara, l-uniformi ma tista' tilbes xejn minn taħtha għax dak li tilbes jidher u ma ninsewx li ħafna uniformijiet għandhom drapp irqiq. Kieku l-uniformi ma teżiżtix, kieku l-iskola tkun kollha kkulurita bil-ħwejjeġ tal-istudenti u mhux kollha safra u blu bħall-uniformi tiegħi. L-iskola kulħadd ikun bl-istess ħwejjeġ mentri jekk il-kap tal-iskola jibdel ir-regolamenti jkun hemm kuluri differenti ġol-iskola ta' kuljum!

Jiena tajt l-opinjoni tiegħi, nispera li fhimtu l-punt tiegħi, li l-iskola għandha tkun bla uniformi. Nispera wkoll li biddiltilkom fehmitkom!

Annika Micallef (Form 2.1)

Tuesday, May 7, 2013

Komponiment argumentattiv

L-iskola, filgħodu jew filgħaxija?

Jiena nemmen li l-iskola għandha tibqa' ssir filgħodu għaliex filgħodu t-tfal ikollhom iktar ħeġġa u enerġija u ma naħsibx li wara ġurnata mimlija attivitajiet u impenji, l-istudenti ser ikollhom aptit iqattgħu sitt sigħat ta' skola. 

Issa l-istudenti draw b'din is-sistema għax filgħaxija nħalluh għad-divertiment, l-istudju u għall-attivitajiet l-oħra. Dan l-aħħar, waqt xi taħditiet fuq ir-rajdu smajt li qed jikkunsidraw li jtawlu l-ħinijiet tal-iskola. Dan naqbel miegħu għaliex naħseb li mhux qed ikun hemm biżżejjed ċans biex inlaħħqu mas-sillabu kollu u forsi b'hekk inkunu aktar komdi li nagħmlu x-xogħol aktar bil-kalma, u b'hekk xorta waħda, il-ħin ta' filgħaxija nħalluh għall-impenji tagħna. 

Ma nistax nimmaġina li filgħaxija nkunu għadna sejrin l-iskola għax żgur li nofs l-istudenti jispiċċaw ma jafux x'inhu jiġri waqt il-lezzjonijiet. Għalkemm jiena naħsibha b'dan il-mod ma jfissirx li kulħadd jaħsibha bħali. Jiena tkellimt ma' ħafna nies u qaluli li ma jaqblux miegħi għaliex jafu kemm hi diffiċli għall-istudenti li jqumu kuljum kmieni għall-iskola. Qaluli wkoll li jekk l-iskola tibda filgħaxija, l-istudenti jkollhom aktar ċans biex jistudjaw. Dan kollu huwa tajjeb imma jiena nibqa' naħseb li l-iskola għandha tkun filgħodu għaliex din is-sistema ilha hekk għal ħafna snin, imma sewwa jgħidu li l-baqra tinbiegħ kollha. 

Nispera li kont ċara fuq dan is-suġġett u li n-nies li qed jaqraw l-opinjoni tiegħi bdew jaħsbuha different jew għallinqas bdew iħarsu lejn din l-idea minn angolu differenti.

Kayce Camilleri (Form 2.1)
----------------------------

L-internet ħela ta' ħin?

L-internet jista' jkun ħela ta' ħin u kif ukoll jista' jkun bżonnjuż fil-ħajja li qed ngħixu fiha llum. Lanqas nimmaġina l-ħajja tiegħi mingħajr internet. 

Jiena nemmen li jekk l-internet jintuża għall-iskopijiet tajbin, jista' jkun użat bħala għodda utli. Aħna l-istudenti nużawh ħafna l-internet għar-riċerki tal-proġetti tal-iskola. Għalhekk, niffrankaw ħafna ħinni milli noqogħdu nqallbu fil-kotba u niffrankaw il-ħin milli nżuru xi librerija. Jiena ma naħsibx li l-internet jista' jkun ħela ta' ħin għax ħafna nies jiffrankaw il-ħin billi jħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, jixtru x-xirja ta' kuljum, jixtru l-ħwejjeġ, żraben u ħafna bżonnijiet oħra. Familji li għandhom qrabathom jgħixu 'l bogħod minnhom jistgħu jagħmlu kuntatt magħhom permezz tal-internet. 

Min-naħa l-oħra nemmen li l-internet jista' jkun ħela ta' ħin jekk tużah bla kontroll. Ħafna ħin fuq l-internet jista' jwassal għal nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku li jwassal għal tfal bl-obeżita'. Ħafna tfal qegħdin iqattgħu ħafna ħin prezzjuż jilagħbu u jiċċettjaw fuq l-internet minflok ma jaqraw u jistudjaw. Sfortunatament, fil-ħajja tal-lum mhux it-tfal biss jaħlu l-ħin fuq l-internet, iżda anki l-ġenituri. B'riżultat li l-familja mhux qed ikollha ħin ta' kwalita' flimkien li jiltaqgħu fuq il-mejda tal-ikel u jitkellmu bejniethom. Kif jgħidu, l-eżempju jkaxkar, għalhekk għandhom ikunu l-ġenituri li jagħtu l-eżempju lil uliedhom. Ngħid għalija jiena nipprova nsib ħin għal kollox u hekk għandu jkun. 

Jiena nemmen li fil-ħajja kollox għandu jsir b'bilanċ. Jekk l-internet jintuża kif suppost, m'għandux ikun ħela ta' ħin. 

Kathryn Ellul (Form 2.2)
---------    ----------    ---------

Għalija l-internet mhuwiex ħela ta' ħin. L-internet illum ħa minflok il-kotba u huwa iktar faċli biex tfittex l-informazzjoni fuqu milli mill-kotba. L-internet illum sar parti mill-ħajja, fl-uffiċini jkollhom l-internet, fl-iskejjel u anki d-dar. Forsi għal ċertu nies anzjani huwa meqjus bħala ħela ta' ħin għax ma jafux jużawh u ma jkollhomx bżonnu, iżda għalina l-internet huwa ħajjitna!

Meta jkollok l-internet id-dar, tkun tista' tagħmel minn kollox. Tista' ssib l-informazzjoni għall-iskola jew forsi tipprintja xi ritratti. Mingħajr internet ma tista' tagħmel xejn ħlief tfittx minn fuq il-kotba. Meta tfittex fuq l-internet tieħu inqas xogħol u ħin. Daż-żmien, it-tfal tal-lum b'affarijiet elettroniċi biss iħobbu jilagħbu, rari ssib tfal li jħobbu jaqraw xi ktieb! Jekk ikollok l-internet tkun tista' tilgħab xi logħob fuq il-kompjuter. 

Tista' tuża l-'Facebook', 'Skype' jew xi tip ieħor biex tkun tista' tiċċettja u fl-istess ħin tkun qed tieħu brejk mix-xogħol li tkun qed tagħmel. Veru li llum hawn ħafna nies li qed jivvizzjaw ruħhom bl-internet u l-'Facebook' Jista' wkoll juġgħak dahrek jew xi parti oħra ta' ġismek peress li ddum ħafna bilqiegħda, imma f'dak il-każ trid tibbilanċja l-affarijiet inti stess. Trid toħroġ fl-arja ta' barra wkoll u mhux toqgħod id-dar imwaħħal mal-kompjuter! Billi nużaw il-kompjuter, ma jfissirx li qed naħlu l-ħin. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu, pero' jekk l-anzjani u dawk li ma jafux juzaw l-internet jarawh li huwa ħela ta' ħin, għandhom jippruvw jużawh u forsi jieħdu pjaċir. Meta jkollox vizzju, jistgħu jiġru xi inċidenti, eżempju m'ilux, tifla erqet ġo banju għax ommha kienet fuq il-'Facebook'. Ma naħsibx li għandna nkunu daqshekk iffissati fuq l-internet, għax mhux sew. 

Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu, min jgħid li l-internet huwa ħela ta' ħin u min jgħid li mhuwiex. Hemm ħafna min jaqbel u hemm ħafna li ma jaqblux. Kulħadd ikollu xi passtemp f'ħajtu!

Yana Vella (Form 2.3)