Wednesday, November 13, 2013

Rakkont Umoristiku

Meta ntilef in-nannu.

In-nannu dejjem b'xi praspura. Ġieli mar ġo ħanut tal-irġiel biex jixtri rigal lin-nanna. Ġieli ma jindunax liema hija d-dar tiegħu! Dan għaliex in-nannu għandu d-dimensja imma din il-praspura tal-lum oriġinali!

Temmnuni li ntilef fid-dar tiegħu stess?! Iva, l-istess waħda li ilu jgħix fiha aktar minn ħamsin sena! Nhar is-Sibt filgħaxija, in-nannu fettillu ried imur il-knisja. Oħti ddeċidiet li timxiha miegħu. Fit-triq, indunat li fetaħ ħanut ġdid tal-moda u waqt li kienet qiegħda tistgħaġeb, in-nannu kompla miexi u jgedwed waħdu. Oħti ma ndunatx u saħansitra daħlet tixtri l-ħwejjeġ!

Ġiet lura d-dar u ħadd ma ta kasha. Qagħdet tħares quddiem il-mera. Kollha konna mitlufin fil-programm ta' 'Mrs. Bouquet'!

Dħalna norqdu u addio n-nannu u l-quddies. Kollha konna mifqugħin bid-daħk u konna b'nifisna maqtugħ. Konna qisna xrobna xi xarba. Bdejna nixxenglu 'l hawn u 'l hemm bid-daħk! Dħalna norqdu imma ma stajtx norqod. Kemm kienet togħġobni 'Mrs Bouquet'! Komplejt nogħxa u fid-daqqa u l-ħin qisha xegħlitili bozza f'rasi, ftakart fin-nannu. Mort inqajjem lill-ġenituri u kulħadd beda jfittex fid-dar biex jara jekk kienx ġie n-nannu. Xħin kont qiegħda quddiem dik il-gwardarobba ta' ġol-kuritur, smajt xi ħaġa tiċċaqlaq ġo fiha. 

"Ħalliel, ma, ħalliel, pa, għinuni!" werżaqt jien. 

"Ħalli nara!" u niżlet ma' missieri fejni. Xħin ftaħt il-gwardarobba, ħareġ in-nannu b'qalziet ġo rasu u bi flokk f'kull sieq! Indunajna li kien tilef it-triq fid-dlam u minflok mar ġo kamartu, daħal ġol- gwardarobba! Naħseb stħajjel ruħu jilgħab dress-up bħali!

Nibqgħu niftakruha din il-praspura tan-nannu. Il-problema hi li n-nannu biss mhux ħa jibqa' jiftakarha! 

Katya Saliba (Form 2.1)
----------

Meta ssakkart barra.

Kien il-Ħamis, il-ġurnata li fiha nnaddfu d-dar. Qomna kmieni biex inlestu kemm jista' jkun malajr. L-ewwel ftaħna t-twieqi kollha sabiex titperreċ id-dar. Xħin konna qegħdin infarfru, ċemplet il-qanpiena tal-bieb ta' barra.

Kien il-pustier u ried 'il-mamà biex tiffirmalu ittra rreġistrata. Din ħarġet b'ta' fuqha senduqa. F'daqqa waħda, l-inka tal-pinna tiegħu spiċċatlu, u allura l-mamà għajtitli biex innewlilha waħda minn ġewwa. Bla ma qgħadt naħseb, ħriġt b'pinna f'idi. Bil-kurrent li kien għaddej, instabar il-bieb ta' barra! Aħna ma kellniex ċavetta u missieri kien qiegħed imsiefer minħabba x-xogħol. 

Peress li aħna ngħixu ħdejn l-Università, kien hemm ħafna studenti għaddejjin u l-mamà waqqfet lil wieħed. Hi staqsietu biex isellifha l-mowbajl imma hu qal li l-mowbajl tiegħu kien spiċċa bla ċarġ. Il-mamà waqqfet 'il-ieħor u aħna domna nippruvaw nikkonvinċuh li din ma kinitx ċajta. Fl-aħħar ċeda u l-mamà ċemplet 'il Ġanni, ir-raġel li jgħinna bix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fid-dar. Bl-akbar kumbinazzjoni tal-akbar kumbinazzjonijiet, bdiet nieżla x-xita. Ġanni dam xi kwarta biex wasal u kellna nistkennu taħt il-gallarija. Fl-aħħar wasal u dan beda jaqla' l-ħadid tal-iżgħar tieqa biex jien inkun nista' nidħol u niftaħ lill-mamà. Beda jisvita l-viti minn mal-ħajt meta waqagħlu vit ġod-drejn. Fl-aħħar lesta x-xogħol   jien dħalt u ftaħtilhom il-bieb. Ġanni qagħad jistenna d-dar magħna sakemm waqfet ix-xita.

Meta wasal lura l-papà, ħa qatgħa meta sab lil Ġanni jsewwi l-ħadid tat-tieqa tal-kamra tas-sodda tiegħi. Daħal jiġri u staqsa 'l-mamà x'kien ġara u l-mamà qaltlu li kienet storja twila ħafna, u li tirrakkontahielu aktar tard. 

Mikela Mejlaq (Form 2.2) 
----------
Meta mort ħajk u seħbitek ġiet bit-takkuna.

Tlik, Tlak, Tlik, Tlak...

Ma stajtx nemmen 'l għajnejja hekk kif rajt lil Mariża ġejja tiżżegleg 'l hawn u 'l hemm; tlik, tlak, tlik, tlak, fuq żarbun b'takkuna għolja. Kif waslet viċin tiegħi, Mariża saqsietni għalxiex kont qed niskanta biha. Għidtilha li ma bsartx li kienet ser tiġi l-ħajk b'takkuna. 

Għalxejn ippruvajt nikkonvinċiha tmur tbiddel iż-żarbun. Tlaqna għal għonq it-triq. 

Fil-bidu kollox kien ward u żahar. It-toroq li jiħduk minn Ħal Safi għaż-Żejtun kienu mudlama u mhux lixxi. Mariża bdiet iżżommni lura għax xejn ma kien faċli li timxi b'dik it-takkuna. 

F'ħin minnhom, xi ħbieb li kienu warajna werżqu f'widnejna. Qalu li raw fatat. Fis-satra ta' dak il-lejl kollox tistenna! Jien u Mariża blajnieha sal-gerżuma. Mariża qabżet u spiċċat rasha 'l isfel u t-takkun 'l fuq! Xħin rajtha minxura fl-art, xtaqt ninfaqa' nidħak, però l-ħarsa t'għajnejha wrietni li kellha bżonn l-għajnuna. Għentha tqum mill-art. 

Mariża bdiet izzappap. Indunajna li takkuna minnhom kienet inqalgħet minn postha. F'dik il-kundizzjoni, ma stajtx naħseb kif Mariża setgħet twassal sal-ġibjun taż-Żurrieq. 

L-għalliema li kienet magħna ġiet tara x'kien ġara. Ma tantx issuġġeritilna soluzzjonijiet sbieħ. Mariża kellha tiddeċiedi u kellha tagħmel dak li ma xtaqitx. Bid-dmugħ f'għajnejha kellha taqsam it-takkuna taż-żarbuna l-oħra biex tkompli timxi. 

Jien u Mariża żammejna takkuna kull wieħed b'tifkira ta' dal-ħajk. Illum il-ġurnata meta nħares lejn it-takkuna li qalgħet tant inkwiet, tnissilli tbissima fuq fommu. 

Marta Zammit (Form 2.3)











Thursday, November 7, 2013

Storja t'Avventura

Spiss kont naħseb għalfejn ommi kienet tgħidli biex ma ninżilx fil-kantina. Meta kont iżgħar, ommi kienet tbeżżagħni bil-fatat iżda llum il-ġurnata naf li dan mhux vera.

Darba waħda z-zija kellha bżonn tixtri u ommi marret magħha. Il-mamà ħasbet biex il-kuġina tilgħab miegħi u m'oħti. Jien għidt 'il-kuġina dwar il-kurżità tal-kantina. Il-kuġina stagħġbet għax lanqas kienet taf li għandna kantina u allura qaltli biex ninżlu. Oħti ma ħaditx gost li konna se niksru l-kelma tal-mamà iżda ġiet għax hi wkoll kellha kurżit
à. Inżilna b'rogħda kbira fuqna. Kif xegħlna t-torċ smajna ħoss qawwi li ħasadna. 

Sibna rwieħna ġo dinja kompletament differenti. Ma stajniex nemmnu li minflok bnedmin kien hemm aljeni. Kienu tassew strambi. B'gazz kbir, oħti marret tkellimhom. Jiena u l-kuġina rsaqna lura iżda dan għamlilna sinjal li ried isir ħabib magħna. 

F'daqqa waħda ġew mal-elf aljen imdawrin magħna iżda aħna ma fdajniehomx. Dawn l-aljeni kienu ġew mill-vettura spazjali. Aħna bżajna ħafna u tlaqna niġru. Bla ma nafu kif, sibna rwieħna ġol-kantina. Aħna smajna lill-mamà u liz-zija jgħajtulna u dak il-ħin irrealizzajna fejn qegħdin. Kif tlajna mill-kantina ħbatna m'ommi! Din staqsietni fejn konna u aħna għidnielha l-verità.

Bil-kastig tgħallimna li għandna nobdu 'l-ġenituri. Aħna bqajna nitkellmu fuq l-esperjenza u żgir li m'aġna ħa ninsewha qatt. 

Natalia Mangion (Form 1.3)
----------

Kien il-Ħadd filgħodu, meta kont qiegħda fuq il-kompjuter nara l-eluf t'imejls li kienu daħluli matul il-ġimgħa, meta smajt ħoss ikrah u stramb ħiereġ mill-kompjuter u...

Bdejt inħoss bħal qisha buffura riħ f'wiċċi. Għalaqt għajnejja għax bdejt nibża', u meta ftaħthom, sibt ruħi f'post qisu tal-ispazju. Bdejt nara ħafna wajers kullimkien, u kull fejn bdejt inħares bdejt nara qishom envelops bi stampa ta' "@" fuqhom qed itiru fis-sema. Rajt ħafna nies qosra, għajnejhom griżi u wiċċhom abjad karti. Dehru qishom ilhom jaħdmu s-snin bla waqfien u kienu għajjenin ħafna. L-envelops itiru fis-sema, mid-dehra kienu normali għalihom, għaliex lanqas biss ħarsa lejhom meta għaddew minn quddiemhom ma taw, u għamlu ħoss kbir. 

Mimlija kurżità rsaqt lejn waħda mara li kienet għadha kif ħarġet minn xi kamra, tibki. Jien staqsejtha x'kien ġara, u hi qaltli li kienet tilfet ix-xogħol tagħha bħala system operator. Jien għidtilha li ma kellhiex għalfejn tinkwieta għaliex Alla jxiegħel 'il battal. 

Wara bdejt naħseb fuq x'kienet qaltli dik il-mara. "System operator x'jaħbat?" bdejt insaqsi lili nnifsi, "Mela jien fejn spiċċajt?" Wara, bdejt naħseb fl-envelops u l-wajers u fejn kont qabel ma ġejt hawn. Indunajt li kont dħalt fid-dinja tal-kompjuters, iżda dik is-sekonda rajt dawl qawwi u ...

Amber Pillow (Form 1.1)


----------

Darba waħda kien hemm tifel jismu Anton, waħdu f'kamartu u kien qiegħed jaqra ktieb. Dan kien ktieb interessanti jismu "Id-Dinja tal-Ħelu".

Waqt li kien qed jaqra l-ewwel kapitlu, qam ħafna riħ u dawl isfar jgħajjat. F'ħakka t'għajn sab ruħu ġod-dinja tal-ħelu. Beda jara ħafna djar tal-ħelu, bil-ġuġu, ċikkulata, perlini u ħafna aktar tipi ta' ħelu. Ħares lejn is-sema u s-sħab kienu tal-candy floss. Beda miexi lejn stand li kienet qed tbiegħ l-imqaret u l-prinjolata u xtara żewġt imqaret. Waqt li kien qed jiekol għajjatlu nanu u mar ħdejh. Dan ħadu d-dar tiegħu u saqsieh diversi mistoqsijiet.

In-nanu sajjarlu soppa taċ-ċikkulata u sakemm kielha rrakkontalu storja fuq id-"Dinja tal-Ħelu" u fuq Marija, l-ewwel persuna li sabitha. Wara daru dawra mal-villaġġ li kienu fih. Urieh ħafna affarijiet sbieħ u tajbin. Laqqgħu ma' sħabu u saru ħbieb kbar imma ma tantx damu flimkien għax reġa' qam ħafna riħ u dawl u sab ruħu fuq is-sodda f'kamartu bil-ktieb f'idu, fl-aħħar paġna. Dawwar il-paġni ta' qabel u ra lin-nanu u sħabu, kif ukoll lil Marija. 

Għal Anton din l-avventura kienet esperjenza ġdida li żgur ma jinsa qatt. X'kien dak ir-riħ qawwi u dawl li wassal lil Anton fid-"Dinja tal-Ħelu"? 

Anthea Camilleri (Form 1.2)