Wednesday, January 18, 2017

Komponiment Deskrittiv

Meta nkun ma niflaħx, dejjem noħlom ħolm stramb dwar tifla mqarba. Din id-darba, ma kinitx differenti.

It-tifla, xagħarha iswed u għandha toppu fuq kull naħa, kienet mimlija fjuri ta' kull lewn. Hi raqdet bi ktieb f'idha u kellha tbissima ta' tifla mqarqċa. Il-wardiet ta' wiċċha kienu ħomor nar u saqajha waħda kienet fuq is-siġra u l-oħra mdendla għal isfel. It-tifla kienet liebsa flokk isfar u bi strixxi suwed u fuqha kellha libsa oranġjo b'tikek bojod. Iż-żarbun kien qisu papoċċ tas-sodda bis-suf griż fuqu.

Is-siġra li raqdet fuqha kienet għolja iktar mis-sħab. Is-sħab kien qisu tajjar, abjad karti u qisu kkuttunat. Minflok weraq, is-siġra kellha ħelu mdendel ma' kull zokk, li kellhom forma ta' qalb. Ix-xemx kienet wara s-siġra liebsa kappell u tixgħel iktar mix-xemx t'Awwissu. 

Mad-dawra tas-siġra kien hemm ħafna ħbula mdawrin bi ċrieki b'ħafna ċfuf waqt li l-ħabel beda jdur. Iċ-ċfuf bdew ibiddlu l-kulur tagħhom minn ċari għal skuri. Wara t-tifla kien hemm il-fjuri li wkoll ibiddlu l-kulur kull ftit sekondi u dawn bdew iduru mil-lemin għax-xellug. Il-fjuri kienu jkantaw diski ħelwin li jġegħluk torqod.

Kif qomt mir-raqda, tant għoġbitni din il-ħolma li ddeċidejt li npinġi pittura tagħha u nwaħħalha mal-ħajt tal-kamra tas-sodda. Din l-istampa vera kienet ikkulurita. 

Tiffany Agius (Form 2.2)
-----

Kien il-Ħadd waranofsinhar u ma kelli xejn x'nagħmel. Mort infittex lil oħti, Emily, biex nilagħbu flimkien, imma ma stajt insibha mkien. Fl-aħħar, ħriġt barra fil-ġnien u rajtha hemm.

Żgur li ma kinitx ser tismagħni għax kienet tidher li kienet rieqda raqda fil-fond fuq is-siġra l-kbira. Naħseb li kienet qed taqra xi storja ħelwa għax kellha tbissima fuq wiċċha u l-ktieb kien wiċċu 'l isfel iserraħ fuq żaqqha. Milli jidher kienet ilha hemm għax kellha ħaddejha ħomor bix-xemx. Emily kienet liebsa flokk irrigat u libsa fuqu bin-nofs komma, li kienet tiegħi meta kont iżgħar. Kellha qalziet skur minn taħt u żarbun li kien jidher komdu ħafna. 

Is-siġra li kienet mixħuta fuqha Emily hija l-favorita tagħna t-tnejn. Meta konna żgħar, pinġejnilha z-zokk bil-fjuri bojod ta' kull qies. Dawn jagħtuha dehra ta' siġra maġika. Iz-zokk il-kbir huwa bħal mgħawweġ fit-tond, għalhekk jien u oħti nħobbu nistrieħu xi ftit fuqu kultant. Dan l-istess zokk għandu ħerġin minnu ħafna friegħi żgħar li tant huma mdawrin li nistħajjilhom nokkli. Magħhom hemm imdendlin bl-ispaga, ħafna qlub ta' lwien differenti. Dawn dendilniehom jien u oħti biex inżejnu s-siġra. 

Insomma, vera siġra tal-ħolm! Issa ħa nara x'ħa nivvinta biex inqajjem lil oħti u noħdilha postha.

Jade Trapani (Form 2.1)
-----

Jiena ġejt mogħtija stampa. Din l-istampa qabditni suspans kbir, bdejt nimmaġina ħafna affarijiet u qanqlet fija sens ta' kurżità.

F'dan ir-ritratt qiegħda nara tifla li fl-opinjoni tiegħi mhijiex kbira fl-età, għalhekk jiena ma ntihiex aktar minn għaxar snin. Minkejja li tinsab rieqda hija mhijiex liebsa ħwejjeġ tas-sodda, imma liebsa libsa pulita. Din it-tifla tidher trankwilla u fil-paċi. Hi kienet qiegħda taqra ktieb fuq zokk ta' siġra u marret għajnha biha. Hi qiegħda fis-sħab waħedha, xagħarha miġbur pulit f'żewġ malji.

Din it-tifla kienet id-dar u darba waħda ddeċidiet li toħroġ fil-ġardina tagħha, rari toħroġ fil-ġardina. Xħin ħarġet intefgħwet fuq zokk kbir faċċata tax-xemx u qagħdet taqra ktieb. Ftit wara li bdiet taqra marret għajnha biha. Hi bdiet toħlom u bdiet tara l-maħbub tagħha li tant kienet xtaqet u li kellu l-apparenza tiegħu kif xtaqitha hi. Hi bdiet tara ħafna qlub imdawrin madwarha u xtaqet ittir bil-ferħ li bdiet tħoss ġewwa qalbha.

Din l-istampa hija speċjali għalija għax jiena wkoll għandi ġnien u ġieli qattajt sagħtejn ma' xi zokk ta' siġra naqra ktieb. Marret għajni bija u għalhekk inqabbel ruħi ma' din it-tifla. 

Gabriella Mercieca (Form 2.3)

Tuesday, January 17, 2017

Il-'Boathouse' taċ-Ċirkewwa

Ommi xtratli 'boathouse,'
Tinsab ġewwa ċ-Ċirkewwa,
Niftakar fiha u tant hi sabiħa,
Li jiġu jżuruha anki l-għedewwa.

Tidħol fiha u ssib il-kċina,
Iddur max-xellug u ssib vetrina,
Ibqa' għaddej dritt u ssib il-kamra tas-sodda,
E bilħaqq, għax insejt ngħid, missieri għandu kamra għall-għodda.

Fil-kamra tas-sodda hemm erba' sodod,
Bejniethom issib żewġ lampi bojod.

Il-kċina fiha forn u kuker,
Fiha kexxun kollu frieket, skieken u kuċċarini,
U meta ddoqq il-qanpiena meta tasal id-dar,
tagħmillek ħoss tal-kanarini.

Ħa jkolli nħallikom illum,
Nispera li għoġbitkom din il-poeżija.
E bilħaqq! Jekk tridu 'boathouse' bħal din,
Morru saqsu lil Elija. 

Martina Cortis (Form 2.2)

Tuesday, January 10, 2017

Reklam

Lara Fenech (Form 1.1)


Anthea Wright (Form 1.2)

Rachel Mifsud (Form 1.3)

Wednesday, December 21, 2016

Ittra elettronika

Għażiża Maria,

Kif inti? Skużani li ma bgħattlekx mill-ewwel imma bħalissa mħabbta bix-xogħol tal-iskola u bl-istudji, bħas-soltu!

Vera ħadt gost meta fl-aħħar ittre għedtli li skont it-tobbam il-'pneumonia' kważi telqitlek għal kollox! Probabbilment ħa jkollok toqgħod xi ftit iktar jiem l-isptar ħalli tibda tiekol sew terġa'. 

Bħala klassi ħadna lezzjoni sħiħa nagħmlulek xi ħaġa sabiħa kull wieħed (anki Ms. Susan!). Meta nista' nġibhomlok? Kont qed naħseb jekk inġibhomx għada. Kuljum qegħdin nitolbu għalik. Jien għedtilha kemm-il darba li probabbilment inti tkun għajjiena minħabba l-mediċina li qed tieħu, imma xorta waħda tathomli biex intihomlok!Issa ser ikolli nħallik.

Tislijiet,

Stephanie.

Stephanie A. Borg (Form 2.1)
-----

Għażiża kuġina,

Bonġu. Ilna aktar minn xahrejn ma naraw lil xulxin. Ilbieraħ irċivejt l-ittre li bgħattli inti. 

Nibda billi ngħidlek li mmissajtek ħafna. Ilna ma niltaqgħu u t-tnejn li aħna noqogħdu Malta aħseb u ara kieku le! Jien vera ninsab kuntenta għax ix-xahar li għadda xtrajt kelb tar-razza Shih Tzu, kieku taf kemm hu ħelu! Jien lill-kelb xtrajtlu ħafna affarijiet. Insomma, intom kif intom? Hemmhekk kollox sew? Żidtu xi annimal jew? Naħseb annimali ieħor jonqosha z-zija Rosanna! Biżżejjed għandha ħamest itfal, żewġt iklieb u tliet għasafar. Aħna ħa narawkom fil-festi tal-Milied jew sejrin xi mkien ieħor?

Grazzi ħafna tal-ittre li bgħattli. Nispera li narawkom malajr kemm jista' jkun. Jekk tista' erġa' ibgħatli ittra. Sellili għal kulħadd. 

Tislijiet,

Nirvana.

Nirvana Chircop (Form 2.3)
-----

Bonġu Tereża,

Kif int? Naf li għedtli li ma tridx tkellimni imma qed inħossni ħażin ħafna minħabba l-mod li waqafna nitkellmu.

Irrid ngħidlek li jiddispjaċini li fil-prajvit poġġejt ħdejn Nina u mhux ħdejk imma int ma kellekx aptit titkellem miegħi wara u għalhekk qatt ma stajt ngħidlek għaliex poġġejt ħdejn Nina. Poġġejt ħdejha għax ħabibtha, Jenny kienet ma tiflaħx u għalhekk hi kienet waħedha. Ħsibt li kellek lil Zoe imma nsejt li kienet imsiefra. Naf li għamilt ħażin imma inti l-unika ħabiba li nħobb daqs oħti.

Jekk ma taħfirlix verament ħa nibki. Nispera li taħfirli u li tikteb lura jew iċċempilli!

Dejjem tiegħek,

Hanna.

Hanna Felice (Form 2.2)


Tuesday, December 6, 2016

Poeżija

Mixja bla ħsieb,
Ommi, jien u ż-żewġt iħbieb.
Għasafar ipespsu aħna smajna,
X'natura, kif iċċassajna!

Ir-Rabat wasalna, 
U pastizz kilna.
Jien xrobt kikkra kafè,
U ommi ħadet belgħa te.

Iltqajna ġol-Imdina,
Mal-kuġini u l-parrina.
Irkibna ċeklem il-karozzin,
U sellimna lill-Mostin. 

Imxejna sa San Ġiljan,
U ltqajna ma' raġel jismu Marjan.
Wasalna x-Xemxija,
U għamlet ħalba xita tal-ħamrija!

Żorna l-Melliħin,
u tawna ikel bnin.
Vista għamilna lill-Madonna,
Fis-Santwarju aħna morna.

Il-vapur qbadna,
Lejn Għawdex tlaqna.
Xi ġmiel naturali!
X'baħar kaħlani!

Ħadt gost x'mixja alenija!
U nixtieqkom taħsbu fija.
Illejla norqdu x-Xewkija,
u ntfajt nikteb din il-poeżija. 

Ann Marie Briffa (Form 1.3)
-----

Mixja f'Għawdex aħna morna,
It-tieqa tad-Dwejra, aħna żorna,
Kien żmien is-sajf, kollox sabiħ:
Nieklu l-ħawħ u d-dulliegħ.

Imxejna saċ-Ċittadella,
Induru dawra durella,
Tlajna fit-toroq dojoq,
Rajna ħafna fjuri bojod.

Ħadna ġelat,
F'daqqa waħda beda r-ragħad. 
Bdejna niġru għall-karozza,
Imbagħad bis-saħħa t'Alla,
Ħarġet qawsalla. 

Kien Awwissu,
Rajna għasfur itir fil-għoli,
Xtaqt immissu,
Kien kollu kuluri,
U deher ħafna kburi.

Morna sal-Ġgantija,
Kemm huma sbieħ it-tempji!
U kemm eżempji tal-ħila,
Tan-nies ta' qabilna,
Żgur imxejna triq twila,
Biex wasalna x-Xewkija.

Kemm imxejna u ħadt gost,
ġurnata mill-isbaħ
Żgur nerġa' mmur dak il-post!
Il-gżira tat-tliet għoljiet,
Mimlija bi ġmiel ta' bliet.

Ella Aquilina (Form 1.2) 
-----

Nhar il-Ħadd li għadu kemm għadda,
dawra mort man-nannu Nin,
sa Għawdex ħadna lkoll b'tal-linja,
lili u 'l-kuġini ċkejknin.

Il-vapur ilkoll irkibna,
miċ-Ċirkewwa sal-Imġarr,
u l-ġurnata aħna bdejna,
bil-pastizzi mingħan tal-bar.

Minn hemm morna nżuru d-Dwejra,
fejn ritratti ħadna mhux ftit,
u bil-mixi tlajna ta' Pinu,
għall-quddies u bħala rit.

Iċ-ċkejknin il-ġuħ qabadhom,
u għalhekk morna Marsalforn,
jiena ħadt għaġin mill-aqwa,
u n-nannu ħa patata l-forn.

L-aħħar stadju qabel tlaqna,
il-presepju ħaj jien żort,
u ritratt għall-okkażjoni,
aħna ħadna fuq il-pont.

Din il-mawra ma tantx ninsa,
għax gost ħadna u mhux ftit,
man-nannu Nin kulħadd igawdi,
u kulħadd jagħmel dak li jrid. 

Christa De Giovanni (Form 1.1)


Thursday, November 24, 2016

Storja tad-daħk

Meta ntilef in-nannu

X'jagħmillek iż-żmien la tixjieħ! Miskin in-nannu li jaf x'jiġifieri. L-istorja kollha bdiet meta jien kelli biss seba' snin.

Darba waħda, il-Ħadd, jien u l-familja tiegħi konna ddeċidejna li mmorru dawra sa Sant'Anton. Missieri ċempel lill-ġenituri anzjani tiegħu biex iħajjarhom jiġu magħna. It-tnejn li huma ma qalux le u f'ħakka t'għajn rajthom wara l-bieb. Malli kulħadd lesta, qbadna t-triq għal San Anton.

Wara xi nofs siegħa, wasalna u kulħadd niżel mill-karozza. Dħalna ġewwa u jien u ħija kellna seba' mitt sena biex immorru niġru u nduru ġol-labirint. Malli dħalna ġo fih, jien u ħija qgħadna flimkien għax ma ridniex nintilfu. In-nannu ddeċieda li jiġi magħna wkoll, imma billi jien u ħija bdejna niġru 'l quddiem, in-nannu ma bediex ilaħħaq magħna u f'kemm ilni ngħidlek, ma baqax jidher wara dawk il-ħitan għoljin tal-ħaxix aħdar.

F'daqqa waħda bdejna nisimgħu l-għajjat tiegħu hu u jipprova jfittixna, imma jiena u ħija ma konniex nafu x'ħa naqbdu nagħmlu. Wara ftit, smajna lil ommna tipprova tgħidlu minn fejn għandu jgħaddi biex forsi jsibna. Aħna ma ċċaqlaqniex minn fejn konna, biex forsi xi darba, jasal in-nannu u jarana. Fl-isfond, stajt tisma' lin-nanna tgħajjat u tippanikja. Fl-istess ħin, jien u ħija konna ħa ninfaqgħu bid-daħk!

Fl-aħħar tfaċċa n-nannu, b'nifsu maqtugħ u aħmar nar. Wara dik il-battikata kbira, it-tlieta li aħna bdejna mexjin lura lejn l-entratura bl-għajnuna t'ommi. Wara din, in-nannu qatt ma' reġa' daħal magħna ġol-labirint!

Martina Vella (Form 2.1)
-----
Meta ssakkart barra

F'ġurnata bellezza tas-sajf, wara li kont ilni neqred li rrid li nagħmlu t-twieqi 'double glazed,' kienu ġejjin il-'Window Brothers' sabiex iwettqu xewqti għax bħal ma jgħid il-Malti, ejta li tgħajjex fiha, delliha u sewwiha. Fid-disgħa waslu u kaxkru l-apparat tqil kollu li kellhom bżonn. Fil-ħdax bdew it-tieqa tal-bejt u hawn ġratli waħda tinkiteb.

Mario, wieħed mill-ħaddiema, qalli biex noħroġ fuq il-bejt sabiex ngħinu billi ngħidlu kif tidher minn barra, bl-użu tas-sinjali. Hekk kif ħriġt, Mario sakkar il-bieb tal-bejt, niżel isfel u xorob kikkra te sħuna, paċpaċ ftit u għen lill-oħrajn, iżda lili nesieni hemm barra. B'kumbinazzjoni tal-akbar kumbinazzjonijiet, il-ġara ħaslet il-gallarija tagħha u l-ilma kollu li użat waqa' fuqi mill-pajp li jiġi fuq il-bejt tiegħi. Ippruvajt inwerżaq kemm niflaħ iżda fl-aħħar qtajt qalbi! Sirt qisni fellus li kien għadu kemm qasam l-Imsida wara ħalba xita qawwija. Ix-xemx tikwi bdiet taħraqli l-ġilda u ħassejtni qisni ħanżir li qiegħed jinxtewa, issa stajt nifhem eżatt x'ikun qed iħoss dak il-povru annimal!

Fl-aħħar, wara tliet sigħat u nofs fuq il-bejt, waħdi, imxarrba u fix-xemx, ġie lura u xħin dħalt ġewwa ħassejt il-frisk tad-dell ma' ġildti u ħassejtni fis-seba' sema. Xħin rani Marjo jidħak kemm jifħal u xħin rajtu jidħak bija aktar inħraqt, ħassejt id-duħħan ħiereġ minn widnejja u kelli aptit inwaddablu xi ħaġa għal wiċċu iżda bħal ma jgħid il-qawl Malti, bil-kwiet u bil-kalma tirbaħ l-arma u kelma żejda fuq ġieħ issir mitħna tar-riħ.

Qabel ma telqu, skużaw ruħhom ta' dak li ġara u għallinqas tawni skont ta' għaxra fil-mija. Anzi ggwadanjajt xi ħaġa minn dik it-trawma! 

Kaya Camilleri (Form 2.2)
-----
Iċ-ċajta li għamilna lill-għalliema tal-Malti

Ma nafx jekk qattx kellna ħarġa bħal tal-lum. Bħal ma jagħmlu kull sena fi żmien il-Milied, l-għalliema joħduna ċ-ċinema. Jiena u sħabi Martina, Mikela, Gabriella u Kerrie ċempilna lil xulxin biex niftehmu dwar l-ikel li ħa nieħdu magħna.

L-għalliema tal-Malti kienet responsabbli tal-istudenti tat-tieni sena ma' għalliema oħra. Fit-tmienja u nofs ġiet għalina x-xarabank biex naraw il-film tad-disgħa u nofs. Kulħadd kien ferħan ħafna. Fit-triq bdejna niftehmu fuq iċ-ċajta li konna ħa nagħmlu. Kien hemm min ma bediex jaqbel ma' din iċ-ċajta għax qalu li ħa naqalgħuha. Kważi kulħadd beda jaqbel u ftehmna li ċ-ċajta ħa ssir xorta waħda.

Kif wasalna, l-għalliema tal-Malti bdiet tgħoddna biex tara li kulħadd kien qiegħed hemm. Madankollu sabet ħamsa neqsin. Minn dak il-ħin, kull għalliema bdiet tgħodd l-istudenti għal diversi drabi. Kien kollu ta' xejn! Wara, l-għalliema kollha bdew jistaqsu lill-istudenti u anki ġewwa ċ-ċinema imma r-risposta kienet dejjem li ħadd ma kien rahom. Imma fejn kienu marru? L-għalliema bdew jgħidu li forsi baqgħu l-iskola għax insejniehom? Wara ħmistax-il minuta tfaċċaw.

F'idejhom kellhom kartuna li kien hemm miktub il-kelma 'ċajta' fuqha. Dawn bdew jgħajtu, "Ċajta!" Qalulna li kienet tad-daħk imma għall-għalliema ma kinitx. Iċ-ċamata qlajnieha kollha kemm aħna! 

Kelsey Schembri (Form 2.3)

Wednesday, November 16, 2016

Storja t'Avventura

Darba waħda, tifla ċkejkna jisimha Ella bdiet iżżejjen id-dar għall-Milied ma' ommha Emma u ma' missierha Adam. Waqt li bdiet tiftaħ il-kxaxen, sabet ktieb qadim li probabbli kien tal-bużnanna tagħha Lara. Il-bużnanna kienet toqgħod fl-istess dar. 

Mimlija sa ruħ ommha bil-kurżità, Ella qabdet dan il-ktieb u ħallietu fil-kamra tagħha biex tara x'kien fih. Kif kienet qiegħda tqalleb il-paġni, rat li dan il-ktieb kien ktieb t'avventura sħiħa li darba l-bużnanna Lara kienet esperjenzat ħafna snin ilu.

F'daqqa waħda, filwaqt li Ella kienet qiegħda tħares lejn stampa ta' foresta, rat dawl qawwi ħiereġ mill-ktieb u Ella, mistgħaġba għall-aħħar, ħassitha dieħla fil-ktieb. Għalqet għajnejha għax bdiet tibża'. Kif fetħet għajnejha, ma riditx temmen għax kienet sabet ruħha fl-istess foresta li kien hemm fil-ktieb. 

Kif ħassitha aħjar, Ella bdiet miexja fis-silġ għax kienet ix-xitwa. Fil-bogħod rat kastell fuq għolja u bdiet miexja 'l hemm. Taħt siġra rat prinċipessa li qaltilha li fil-kastell kien hemm saħħara li kienet ser tibdilha f'kelba jekk ma tiżżewwiġx lit-tifel tagħha li kien krudil. Il-prinċipessa li kien jisimha Sabrina, talbitha tgħinha. 

Ella telqitilha lejn il-kastell. Ella sabitu msakkar imma f'daqqa waħda l-kanċell iswed u ppuntat beda jinfetaħ waħdu. Ella daħlet u mxiet tul is-swali tal-kastell imma f'daqqa waħda, dehru għexieren ta' suldati bil-lanza f'idejhom li mxew magħha fuq kull naħa. Għaddew minn ħafna swali twal u mżejnin b'għamara u tapiti. 

Fl-aħħar waslu ġo sala kbira u fuq kien tad-deheb u l-fidda. Kien hemm mara mill-isbaħ, liebsa lbies fin magħmul mill-ħarir. Din kienet is-saħħara. Hija sejħet lil Ella b'isimha u Ella, kważi tirtogħod, resqet bil-mod lejha. X'ġara wara, hu s-suġġett ta' storja oħra...

Emma C. Gatt (Form 1.3)
-----

Marta kien imissha tmur tgħin lin-nanna fit-tindif tad-dar. Kif daħlet mill-bieb ta' barra nannitha għamlitilha kikkra te u newlitilha biċċa biex tnaddaf biha. Wara li xorbot it-te, Marta ddeċidiet li tibda tfarfar il-librerija. 

Wara li kienet qed tfarfar, Marta bdiet tara xi kotba li kienu jidhru antiki. Waqfet ħdejn vetrina enormi li kienet tgħatti l-ħajt. Bdiet tirranġa xi kotba li kienu mgħawġin. 

Marta ndunat li kien hemm ktieb 'il barra aktar mill-oħrajn. Hi mbuttatu 'l ġewwa u l-ixkaffa bdiet tiċċaqlaq. Marta resqet lura bil-biża'. Din l-ixkaffa resqet waħedha u feġġ passaġġ. 

Bdiet timxi ġol-passaġġ u daħlet ġo għar. F'daqqa waħda waqgħet il-kesħa xxoqq il-għadam. Kien hemm dlam ċappa u skiet taqtgħu b'sikkina. Ma kien hemm l-ebda sinjal ta' ħajja. 

Fid-distanza, Marta rat dawl ħiereġ minn vażun il-ġmiel tiegħu. Bil-mod il-mod, Marta resqet aktar viċin tal-vażun. Marta qabditu u ċekċkitu sabiex tipprova tiskopri x'kien hemm fih. F'daqqa waħda ħareġ spirtu minn ġol-vażun u ħa l-forma ta' raġel.

L-ispirtu qal, "Jien nista' naqtagħlek tliet xewqiet kull darba li tiġi tarani." Marta veru ħadet pjaċir meta semgħet dan. Ma damitx ma bdiet issemmilu x'riedet. 

La mmur id-dar nixtieq li nsib xadina fil-kamra tiegħi lesta biex tilgħab miegħi. Malli noħroġ minn hawn nixtieq li n-nanna tatini l-ħelu u nixtieq li fit-triq xi ħadd jagħtini l-flus."

L-ispirtu xejjer idejh u sparixxa. Marta reġgħet lura għal-librerija. Hemmhekk sabet lin-nanna b'ħafna ħelu f'idejha u meta kienet fit-triq mara tatha ħamsin ewro. Malli waslet id-dar, telgħet tiġri għall-kamra tagħha u sabet xadina fuq is-sodda mdawra bil-ġugarelli.

Marta għoġobha wisq ix-xogħol u bdiet tmur iktar ta' spiss biex tfarfar għand in-nanna u kull darba kienet tagħti titwila lill-ġenju ta' ġol-vażun. 

Tereża Zammit (Form 1.1)
-----

Il-Ħadd li għadda filgħodu, jien u l-familja tiegħi morna piknik. Peress li kienet ġurnata sabiħa, il-papà ħadna sal-Ġnejna fejn għandna garaxx. Billi r-riħ kien frisk, il-ftit nies li kien hemm stajt tgħoddhom fuq subgħajk. 

Wara li kilna, jien u oħti tlabna lill-ġenituri biex immorru passiġġata n-naħa tal-blat. Ġara li waqt li konna mixjin, rajna vapur antik tal-qlugħ riesaq fuq ix-xatt. Meta wasal naqra viċin sibna li fuqu kellu ħafna pirati. Dak il-ħin, immaġinajt li kienu ġejjin għall-ġlied. Bil-qatgħa li kelli fuqi, għedt lil oħti biex nistaħbew għax it-tnejn konna mwerwrin. Ma stajniex immorru lura għax konna mxejna biċċa sewwa. Meta l-vapur ġie max-xatt, bdew niżlin minnu ħafna pirati armati bil-pistoli u x-xwabel. Bdew tilgħin 'il fuq inkiss inkiss biex jattakkaw razzett fil-quċċata ta' għolja. F'daqqa waħda, smajna leħen jgħajjat 'cut' bl-Ingliż; kien id-direttur tal-film. Xħin jien u oħti ħriġna mill-moħba, stajna naraw kameras, dwal u grupp ta' nies li kienu qed jgħinu. Ħadna r-ruħ meta ndunajna li kienu qed jiġbu film u ma kinux vera pirati. 

Billi kellna seba' mitt sena biex ngħidu kollox lill-ġenituri, tlaqna minn hemm. Ħaffifna kemm stajna, imma qgħadna attenti minħabba li l-art kienet imħarbta. Tant kienet avventura stamba, li l-ġenituri lanqas riedu jemmnuna għall-ewwel.

Mariah Farrugia (Form 1.2)