Wednesday, January 24, 2018

Ittra informali

"Prinċipessa Żgħira,"
Triq tal-Ajżar,
Ħal Safi,
SFI 1161

Is-17 ta' Jannar, 2018

Għażiża Courtney,

Kif inti l-ewwel nett? Jiena ninsab tajba ħafna. Qiegħda niktiblek din l-ittra sabiex ngħidlek jekk tridx li l-ġimgħa d-dieħla niltaqgħu biex nistudjaw flimkien. 

Fl-opinjoni tiegħi, dan il-mezz ser jgħinna, biex nifhmu aħjar is-suġġett u jekk xi waħda minna jkollha xi problema, inkunu nistgħu ngħinu lil xulxin. Jekk trid, it-Tnejn li ġej wara l-iskola, ibqa' ġejja għandi, nagħmlu x-xogħol tal-iskola u wara noqogħdu nistudjaw fil-kamra tiegħi. 

Nispera li taċċetta din l-istedina għax naħseb li jekk naħdmu flimkien immorru tajjeb. Nistenna risposta mingħandek.

Dejjem tiegħek,
Kimberley.

Kimberley Abdilla (Form 1.1)

Wednesday, January 17, 2018

Komponiment deskrittiv

Kulħadd għandu l-metodi differenti ta' kif jaqra, imma Lisa għandha l-mod speċjali tagħha. Meta taqra, Lisa tidħol wisq fl-istorja. 

Lisa hija tifla li għandha madwar għaxar snin. Xagħarha iswed u dejjem marbut. Il-wardiet ta' wiċċha dejjem ħomor u dejjem bi tbissima fuq wiċċha l-aktar meta tkun qed taqra xi ktieb. Dejjem b'xi libsa qisha nanna u bil-bwiez tas-suf. Hija tifla kwieta u dejjem waħedha. Meta titkellem magħha tinduna li hija intelliġenti. 

Meta taqra Lisa dejjem tidħol b'ruħha u ġisimha fl-istorja, speċjalment meta tkun qed taqra ħrafa. Hawnhekk Lisa qrat dal-ktieb u qed timmaġina lilha nnifisha fuq siġra twila, twila u fuq din is-siġra hemm ħafna fjuri stampati. Fuq is-siġra hemm Lisa rieqda bil-ktieb fuqha. Dis-siġra tant hi twila li tista' tara s-sħab taħtha. Is-sħab qishom ħelu artab kbar iduru fl-arja, li jekk toqgħod fuqhom tkun qisek qiegħda fuq il-qoton. 

Il-fjuri li hemm mas-siġra huma kollha kuluri qishom lellux. Mis-siġra ħerġin ħafna friegħi u minnhom ħiereġ ħafna ħelu f'forom ta' qlub. Il-qlub kollha kuluri u skont il-kulur, it-togħma. Wara s-siġra hemm sħabha kbira imma din differenti għax fin-nofs għandha l-kulur. 

Din hija storja waħda biss minn dawk kollha li qrat. F'kull storja Lisa timmaġina xi ħaġa differenti.

Michaela Camilleri (Form 2.3) 

------

F'dan ir-ritratt, qed nara tifla rieqda fuq siġra mimlija qlub u disinni. Jien ser insemmiha Alice. Din it-tifla għandha bejn wieħed u ieħor tmien snin. Għandha xagħarha iswed tuta u għandha wiċċha tond bi ftit nemex. Il-karnaġġjon t'Alice huwa abjad karti. F'din l-istorja jiena u l-immaġinazzjoni tiegħi ser nispjegaw kif spiċċat f'din id-dinja mimlija siġar u ferħ. 

Alice kienet qiegħda d-dar. Kienet spiċċat mill-istudju kollu tagħha u ddeċidiet li taqra l-ktieb favorit tagħha. Marret fil-kamra tas-sodda u bdiet taqra. Alice kienet tifla intelliġenti ħafna, kellha mneħirha dejjem ġo ktieb. Kienet taqra kotba ta' kull forma u għamla. Tħobbhom b'qalbha kollha! Did-darba, Alice qed taqra ktieb tal-fantasija li jismu "Snow White." 

Meta waslet f'nofs il-ktieb, raqdet. Bdiet toħlom fuq affarijiet tal-fantasija, li jiġifieri ma jiġrux fil-ħajja vera. F'din il-ħolma, hi qiegħda miexja ġo foresta iżda din ma kinitx foresta tas-soltu. Hemmhekk, kif tħares 'il fuq tara qawsalla kbira ħafna li qisha tagħti l-kulur lis-siġar kollha. Is-siġar mhumiex tas-soltu. Dawn is-siġar għandhom il-kuluri u d-disinni fuqhom. Hemm waħda blu, waħda ħamra u anke waħda roża. Tgħidx kemm qiegħda għall-kwiet!

Alice qiegħda tidher tielgħa ma' siġra roża u din taħseb li rieqda fuqha iżda hi biss ħolma. Wara ftit sigħat, Alice qamet u stenbħet li din kienet ħolma li ma setgħetx torqod. Nispera li xi darba nkun nista' mmur fuq avventura bħal din. 

Ella Aquilina (Form 2.2)

Tuesday, December 12, 2017

Poeżija - Mixja

Hekk kif toħroġ ġo darek,
tara n-nies jimxu madwarek. 
Min fit-triq min mal-bankina,
min jiġri qisu xadina.

Kulħadd jimxi bla paċenzja. 
Jekk iridu jistennew, 
il-karozzi jridu jieqfu,
lil kulħadd issa ġennew.

Ejja mexxi ħalli naslu, 
xemx u xita anke riħ. 
Illum nimxu f'temp imħawwad, 
għada nimxu f'temp sabiħ. 

Fejn irridu sew wasalna, 
imbażwrin u għajjenin.
Għandna bżonn nixorbu l-ilma, 
għax bil-għatx aħna mejtin. 

Marta Casha (Form 1.1)

Monday, December 11, 2017

Ittre

Lil: sara.abela@gmail.com
Mingħand: anthea.wright@gmail.com
Suġġett: L-isptar

Għażiża Sara,

Kif int? Naf li bħalissa mhuwiex l-aħjar żmien għalik, minħabba li qiegħda l-isptar għall-operazzjoni ta' sieqek. Jien għalhekk qed niktiblek din l-ittra elettronika forsi nferrħek xi ftit. 

Allura Sara, x'qegħdin jagħmlulek hemm? Qed jittrattawk sew? Jekk le, għidli ta' u niġi jien stess! Kif inhu l-ikel? Tajjeb jew le? Meta kienet marret ommi qaltli li lanqas tazza misħun ma jafu jagħmlu!

Insomma, nispera li ġegħeltek tidħak ftit u jekk ikollok bżonn xi ħaġa tiddejjaqx tgħidli. Meta nista' niġi narak? Nistenna mingħandek. 

Il-ħabiba tiegħek, 

Anthea. 

Anthea Wright (Form 2.3)
-----

Lil: rebecca.c@gmail.com
Mingħand: rixa.mifsud@gmail.com
Suġġett: Xogħol għad-dar

Għażiża Rebecca,

L-ewwel ħaġa, kif inti? Nispera li tinsab tajba. Mhux soltu li m'intix qed tkun fil-klassi u ngħidlek il-verità hemm wisq silenzju mingħajrek. F'din l-ittre ħa ngħidlek x'għamilna l-iskola.

Insomma, ma tantx hemm xi ngħid għax m'għamilna xejn speċjali. Fil-matematika kellna ħafna lezzjonijiet ħielsa u fil-Franċiż l-għalliem ġabar it-testijiet tagħna u jrid tiegħek malajr kemm jista' jkun. Kif taf, fil-lezzjonijiet l-oħra kellna xi testijiet imma għallinqas kienu ħfief.

Nispera li tiġi lura magħna l-iskola. Nispera li tfieq malajr. Sellili għall-familja tiegħek.

Il-ħabiba tiegħek,
Rachel

Rachel Mifsud (Form 2.2) 

Tuesday, November 21, 2017

Storja Umoristika

Meta morna Ħajk u Seħibti ġiet bit-Takkuna

Għodwa waħda kien it-Tnejn. Jennifer, waħda mill-ħbieb tal-qalb tiegħi ċemplitli biex is-Sibt ta' wara fil-ħamsa u kwart immorru ħajk. Jiena mill-ewwel għedt iva iżda għedtilha wkoll biex nistiednu lil Paula tiġi magħna.

Paula hija tifla ħelwa immens iżda ħa ngħidlek, xi kultant teqred ukoll. L-aktar ħaġa li tħobb hija l-moda. It-tlieta li aħna konna eċitati! Fl-aħħar is-Sibt wasal u l-ħamsa u kwart daqqu. Paula ovvjament damet sa tmiem id-dinja biex tasal! Meta fl-aħħar waslet kien laħaq kiber il-ħaxix kollu ta' madwarna. Malajr indunajna għalfejn damet għax ġiet b'takkuna twila daqs lasta ta' xkupa, xagħarha u l-irtokk kienu bħal meta tkun qisha sejra xi tieġ ta' xi ħadd demmu blu u ħafna aktar dandin. 

Lanqas ilħaqna mxejna passejn li ma sabitx ħofra, waqgħet u lwiet saqajha. Tgħidx kemm karbet bl-uġigħ u gergret. 'Addio' l-maskara li tefgħet fuq għajnejha għax kollu fuq ħaddejha spiċċa tant kemm għamlet għaġeb u bkiet. Kien qisu miet xi ħadd! Kienu għaddew ħames minuti biss u kont diġà ddejjaqt bix-xenati li għamlet. F'ħin minnhom għaddiet waħda mara minn ħdejna u jiena stħajt minflok Paula. Kulħadd beda jidħak b'dak iż-żarbun redikolu li kienet liebsa Paula. 

Insomma, fl-aħħar morna d-dar u naħseb li jiena u anki Jennifer naqblu li qatt m'aħna ser immorru ħajk ma' Paula. Ninsabu ċerti li żgur terġa' tagħmel xi waħda minn tagħha! 

Lara Fenech (Form 2.3) 
------
Meta Ntilef in-Nannu

Kien is-Sibt filgħodu. In-nannu Charlie kien sejjer il-Buskett bil-mixi. Waqt li kien miexi bil-kwiet ma ndunax li kien ħa triq b'oħra u spiċċa Ħad-Dingli. Hu baqa' miexi sakemm induna li xi ħaġa kienet ħażina. Din mhix it-triq li s-soltu jieħu, beda jgħid bejnu u bejn ruħu. Ħares madwaru u nduna li kien f'post differenti milli ħaseb. 

Issa n-nannu Charlie beda jinkwieta għax lanqas kien jaf fejn kien. Forsi kien għadu r-Rabat? Jew forsi sab ruħu xi mkien in-naħa l-oħra tad-dinja? Kien intilef waħda u sewwa u ma kienx jaf x'ser jaqbad jagħmel. Issa veru li ż-żmien isajjar il-bajtar imma dan il-qawl ma kienx jgħodd għan-nannu Charlie. 

Kompla miexi u sab ruħu għand tal-ħobż, daħal u staqsa 'l-furnar minn fejn kellu jgħaddi biex imur il-Buskett. Hi qaltlu biex meta joħroġ imur fuq ix-xellug imma meta n-nannu ħareġ mar fuq il-lemin. Spiċċa mar minn quddiem il-knisja u spiċċa ħdejn il-grawn tal-futbol. In-nannu issa qata' qalbu u ċempel lil ibnu biex jiġi għalih biex iwasslu l-Buskett. In-nannu ddeskriva fejn kien u ibnu qallu li kien ġej. 

Iben in-nannu ġie bil-karozza ħdejn il-grawnd tal-futbol. In-nannu daħal ġol-karozza u marru l-Buskett. In-nannu irringrazzjah u wara li telaq ibnu mar ġol-Buskett u qgħad hemmhekk għall-kwiet. 

Demetria Bugeja (Form 2.2)

Sunday, November 19, 2017

Vjaġġ għal Mars

Mela darba kien hemm xjentist jismu Marjo li kellu xewqa li jivvjaġġa ġol-ispazju, imma sfortunatament, dix-xewqa qatt ma setgħet isseħħ għax Marjo kien jiżen 'il fuq minn mija u għoxrin kilo!

Iva, qrajt sew. Kien oħxon ħafna! U taf għaliex? Marjo jiekol sitt ċikkulati 'Mars' kuljum! (Kemm iħobb dak il-karamel jinħall ġo ħalqu!) Kemm-il darba pprova jagħmel dieta imma qatt ma rnexxietlu. Darba fost l-oħrajn, naħseb li kiser ir-rekord tad-dinja u kiel tużżana ċikkulati 'Mars' iżda l-għada ġrat xi ħaġa inkredibbli.

Meta qam filgħodu, ħass ġismu jirtab aktar u aktar matul il-ħin, sakemm imbagħad ħares lejn il-mera u ħa l-akbar xokk ta' ħajtu u ħassu ħażin.

Sab ruħu f'ambjent differenti. Lemaħ qishom fosos fl-atmosfera, seba' blalen ġganteski. Wara, irrealizza li l-fosos kienu stilel u l-blalen kienu pjaneti. Kien liebes ilbies abjad u tqil ħafna, u f'rasu kien liebes elmu. Fejn kien ma setax jimxi imma jifflowtja biss seta', u kien ġo dinja differenti ħafna mid-dinja tagħna. Kien ġod-dinja tal-ispazju fejn tant xtaq imur hu. Ma damx wisq ma qabdu l-ġuħ, imma hemm ikel ma kienx hemm u kien diġà jaqbad jirrabja, waqa' u ħabat rasu ma' sieq is-sodda.

Malajr intebaħ li l-vjaġġ li kien għamel sal-pjanetà Mars ma kien xejn għajr ħolma sabiħa. 

Michaela Zammit (Form 1.1)