Monday, May 30, 2011

Ħ’Attard

F’Malta nsibu ħafna postijiet sbieħ, storiċi u anke rurali. Insibu wkoll ġonna u widien filwaqt li nsibu wkoll postijiet li jipprovdu divertiment. Jiena jogħġbuni l-irħula kwieti imma fl-istess ħin fejn il-poplu tar-raħal jkollu fejn jiltaqa’ u jissoċjalizza. Wieħed minn dawn l-irħula huwa Ħ’Attard fejn għandi l-pjaċir ngħid li noqgħod jiena mal-familja tiegħi.

Ħ’Attard jinsab fiċ-ċentru ta’ Malta. Hawnhekk insibu diversi ġonna żgħar u mxerdin imma imbagħad insibu wieħed kbir u magħruf  ħafna li huwa San Anton.  Ħ’Attard huwa magħruf ukoll għas-siġar taċ-ċitru. Għalhekk il-motto ta’ Ħ’Attard huwa “Iffjurit bil-ward imfewwaħ”. Il-palazz ta’ San Anton kien mibni mill-Granmastru Antoine De Paule fi żmien il-kavallieri. Huwa ġnien mimli fjuri kkuluriti u siġar kbar. Filfatt ħafna turisti jżuru dan il-ġnien. Fi żmien il-kavallieri l-Granmastru kien joqgħod fih imma issa l-President ta’ Malta intitolat li joqgħod hemm.

F’Ħ’Attard jinsabu erba’ widien li jagħtu għall-irħula tal-madwar; ‘Wied San Martin’, ‘Wied Inċita’, ‘Wied Irmiedi’, u ‘Wied is-Sewda’. Ħ’Attard huwa raħal antik ħafna u jmur lura għal żmien il-preistorja. Dan nafuh minn xi fdalijiet li nstabu ġewwa Ħ’Attard. Dan ir-raħal sar paroċċa fl-1575 u kellu l-ewwel kappillan fl-1579. F’dak iż-żmien Ħ’Attard kellu popolazzjoni ta’ ‘l fuq minn sitt mitt persuna. Ħ’Attard tant kiber li llum għandu popolazzjoni ta’ iktar minn għaxart elef. Għalkemm fil-qalba tar-raħal hemm ħafna djar żgħar insibu diversi vilel u djar kbar mal-madwar.

Il-paroċċa ta’ Ħ’Attard li hi ddedikata lil Marija Assunta toffri għaqdiet tat-tfal, preadoloxxenti u żgħażagħ. Hemm ukoll żewġ korijiet tal-paroċċa, wieħed tat-tfal u l-ieħor tal-adulti. Diversi residenti jiffurmaw parti minn dawn l-għaqdiet u jsibuh ta’ mezz fejn filwaqt li jagħtu servizz jiġu ffurmati spiritwalment u jissoċjalizzaw mal-oħrajn. Ħ’Attard dejjem kien, għadu u jibqa’ r-raħal favorit tiegħi.

                                                                               Ilona Vella (Form 2.3)

Wednesday, May 4, 2011

Poeżiji – Wirt Storiku Malti – Ir-Rebbieħa



Il-Bidu f’Għar Dalam – Liesel Charis Cuschieri (Form 1.1)
Tfexfex nixxiegħa ta’ xita fix-xlokk
‘Xxarrab ix-xtieli fix-xagħri tax-xlokk
Ippoppotami madwar l-orsijiet
Ċriev u ljunfanti jixorbu mill-wied.

Tfexfex nixxiegħa ta’ xita fix-xlokk
Tobrox u tkaxkar il-qiegħa u fejn tħokk
Għal sekli jitħaffer ‘il ġewwa taħt l-art
Għar kenni għall-bhejjem fis-sħana, fil-bard.

Kram paħ pam kullimkien
Art, bhejjem inbelgħu ġol-għar.
Kram paħ pam mal-widien
Fid-dlam kollox mar…

F’dalma midfuna jistrieħu fis-sliem
Bhejjem ta’ dari iltaqgħu mat-tmiem
M’għadhomx in-nixxiegħa, ċriev, orsijiet
Għar Dalam biss baqa’: storja fis-skiet.


Il-Passju – Rebecca Ellul, Deborah Saliba u Mariah Bugeja (Form 1.2)

Kemm nixtieq li jien ikbar,
Kemm nixtieq li għandi ż-żmien,
Ħalli nilgħab logħob ta’ dari,
Li kienu jilagħbu n-nanniet.

Il-passju logħba mill-isbaħ,
B’disa’ numri qrib xulxin,
Twaddab ġebla fuq kull numru,
U taqbiżhom fl-istess ħin.

Trid tibda numru wieħed,
Twaddab ġebla għal ġo fih,
Tibda taqbeż kaxxa, kaxxa,
U terġa’ lura minnufih.

Imma attenta għas-sinjali,
Dritt fl-art imħażżin,
Għax jekk int tirfes xi wieħed,
Ikollok tieqaf minnufih.

Mal-art kienu jħallu l-passju,
Biex l-għada kemm isibuh,
Iżda jekk tagħmel ix-xita,
Kienu jerġgħu ipinġuh!


Ġensna – Katrina Vella u Francesca Cachia (Form 1.3)

Ġensna, Art Twelidna,
Maħkuma mill-barranin,
Poter, ħakma u faqar,
Riduna lkoll hekk mitlufin.

Gwerer, ġlied bla heda,
Poplu xebgħan bla xogħol,
Kemm l-Għarab, Taljani, Franċiżi,
U Ingliżi jwehdu bla bżonn.

Il-poplu qalbieni Malti,
Quddiemu l-mewt ta’ kuljum,
Dera jidfen lil niesu, li mietu,
Bil-biża’, twegħir kemm ser idum?

Kanuni, sparar u faqar,
Tfal barra u rġiel bla xogħol.
Fortizzi u bereġ li bnewhom,
Le! Riedu biss lil Malta lkoll.

Sa fl-aħħar din artna tirrenja
Fl-elf disa’ mija disgħa u sebgħin,
Ġens ħieles u poplu kburi,
Li l-barrani kien ħalla din l-art.

Qatt aktar ma konna ser inkunu,
Minn xi barranin hekk maħkumin.
Riedu biss lil Malta tagħna,
Tibqa’ Malta biss tal-Maltin!


Pittura tas-Siluwett tal-Imdina – Rebecca Xerxen (Form 2.3)

Tant fiha tifsira,
Għal dawk li japprezzaw,
L-arti u l-pittura,
Żgur li iktar qed jaraw.

Jaraw iktar minn kulur iswed,
Fuq sfond ikkulurit,
Tidħol ferm l-immaġinazzjoni,
Tista’ tara dak li trid.

L-istorja tmur lura,
Eluf ta’ snin minn hawn,
Minn żmien il-Feniċi,
Ir-Rumani u San Pawl.

Fost ħafna rikezzi,
Kappelli ‘nbnew,
Palazzi antiki,
Ta’ qabilna ħallew.

Illum ġewwa l-Imdina,
Qisu waqaf il-ħin,
Jispikka s-silenzju,
U l-marka tas-snin.

Meta tara din l-arti,
Tħallik taħseb sew,
Fuq il-wirt ta’ pajjiżna
Li ta’ qabilna ħallew.


F’Inżul ix-Xemx f’Ħaġar Qim – Corinne Baldacchino, Michaela Debono, Mariah V. Farrugia u Kimberly Galea (Form 2.3)

Minn dari ftit passi ‘l bogħod,
Għalhekk Ħaġar Qim, f’inżul ix-xemx jien żort.

Ħafna flora u fawna rajt,
U għasafar jgħannu jiena smajt.
Dawn it-tempju tassew storiċi,
U fid-dinja żgur li uniċi.

Xemx u xita dawn jaqalgħu,
Iżda qatt u qatt ma waqgħu.

F’dan il-post issib ħafna turisti,
Dawn tempji li nbnew fi żmien in-Neolitiċi.

Magħmulin minn ġebliet kbar,
U ftit li xejn issib xi tnejn żgħar.

Lil mara l-ħoxna kienu jqimu,
U bosta drabi joffru xi sagrifiċċju.

Ħaġar qim f’inżul ix-xemx,
Ħlief dellijiet m’hemmx.

Ħafna ġebel mimdudin u weqfin.
Jien inħobb lil Ħaġar Qim!



Monday, April 25, 2011

Kompetizzjoni tal-Poeżija – Wirt Storiku Malti

Nixtieq  inħabbar ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tal-poeżija, pero qabel nixtieq ngħid prosit lil kull min ħa sehem. Kienet tassew diffiċli biex nagħżel il-poeżiji rebbieħa l-għaliex kollha kemm huma kienu tassew sbieħ u li ma jkollok aptit tieqaf taqrahom qatt! Kif għidtilkom fil-klassi, ir-rebbieħa ser ikunu qegħdin jaqraw dawn il-poeżiji waqt ‘Achievement Day’.
Ir-rebbieħa huma:
  • ‘Il-Bidu f’Għar Dalam’ – Liesel Charis Cuschieri (Form 1.1)
  • ‘Il-Passju’ – Rebecca Ellul, Deborah Saliba u Mariah Bugeja       (Form 1.2)
  • ‘Ġensna’ – Katrina Vella u Francesca Cachia (Form 1.3)
  • ‘F’Inżul ix-Xemx f’Ħaġar Qim’ – Corinne Baldacchino, Michaela Debono, Mariah V. Farrugia, Kimberly Galea (Form 2.3)
  • ‘Pittura tas-Silwett tal-Imdina’ – Rebecca Xerxen (Form 2.3)
Il quddiem ser intella' dawn il-poeżiji fuq il-blogg sabiex b’hekk kulħadd ikun jista’ jaqra dak li kitbu r-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni.
                                                                                                 Ms Deandra

Il-Ħbieb

Imn’Alla Alla tana l-ħbieb,
U mhux ta’ min jittrattahom bħall-klieb.
Jien mhux waħda għandi, imma mitejn,
U mingħajrhom ma nkunu xejn.
Għalhekk nirringrazzja lil Alla għal kull mument.
                                   Cathia Scicluna (Form 2.1)

Tuesday, April 19, 2011

Jiena u sħabi sibna teżor

F’tarf ir-raħal kien hemm dar. Kien jgħix ġo fiha raġel xiħ għakka li kellu l-flus. Iżda, darba waħda ma baqax joqgħod hemm. Ħadd ma jaf x’ġara minnu u għalhekk iddeċidejna li nesploraw dik id-dar antika.

Kellna niltaqgħu quddiem id-dar fl-għaxra ta’ filgħaxija b’torċ, ħabel u kull tip ta’ għodda bżonnjuża. Il-qamar kien qed jiddi u ma stajtx tisma’ ħoss wieħed. Meta ftaħna l-bieb beda jżaqżaq u qalbna għamlet tikk għax ħsibna li kien ser jismagħna xi ħadd. Bdejna nitilgħu t-taraġ u dħalna ġo kamra mdaqqsa mimlija daqs bajda bl-affarijiet. F’ħin minnhom, Rachel daret biex tkellimni u laqtet vażun antik li kien fuq gradenza. Dan inkiser f’mitt biċċa u minnu waqat ċavetta. Ilkoll kellna ħsieb wieħed,li nsibu kexxun jew kaxxa li kien jew kienet magħluqa b’dik iċ-ċavetta. Meta qtajna qalbna nżilna t-taraġ u ppruvajna nsibu passaġġ jew taraġ għall-kantina. Dħalna ġol-kċina u rajna bieb żgħir. Rebecca ndunat li kien miftuħ, fetħitu u bdiet nieżla t-taraġ li kien warajh. Ilkoll konna fuq ix-xwiek biex naraw x’insibu isfel!

Meta nżilna spiċċajna ġo kamra dlam ċappa. Xgħelna t-torċ u wara xi minuta nfittxu sibna senduq! Kien iswed kollu u mimli trabb. Rachel ħarġet iċ-ċavetta mill-but u bil-mod, il-mod fetħet is-senduq. L-erbgħa li aħna konna fuq ix-xwiek biex insiru nafu x’hemm ġewwa fiha. Rajna ħafna flus u deheb! Tfajna l-flus ġol-basktijiet li ġibna magħna u ddeċidejna li nagħmlu rapport għand il-pulizija. Meta wasalna quddiem l-għassa tal-pulizija ħsibna li ħa jgħajtu magħna iżda Rebecca għamlet il-qalb u ċemplet il-qanpiena.

Dawn laqgħuna u skantaw meta raw dawk il-flus kollha. Għamlu rapport bil-miktub u xi jiem wara ċemplulna li l-anzjan instab u li rringrazzjana mill-qalb għax kellu bżonn il-flus peress li kellu d-dimensja u nesa fejn poġġiehom. Qalulna li ħallielna xi ammont żgħir tal-flus li sibna. X’gost!

                                                                        Miriana Attard (Form 1.2)

Saturday, April 16, 2011

                            L-Għid it-Tajjeb lil kulħadd!
                                                                            
                                                                                              Ms Deandra

Thursday, April 14, 2011

Djalogu bejn żewġ ġirien

Ġurnata waħda, Maria ħarġet biex tixtri ftit ħobż. Eżatt kif ħarġet iltaqgħet mal-ġara tagħha, Kristina.
“Bonġu Kristina!” għajtet Maria, “Kif inti dalgħodu?”
“Mhux daqshekk tajba, Maria,” weġbitha Kristina.
“Mela x’ġara?” staqsietha Maria, “Imxi miegħi s’għand il-furnar…”
Waqt li kienu sejrin għand il-furnar, Maria bdiet tkellem lil Kristina u bdiet tistaqsieha għalfejn kienet imdejqa.
“Allura jekk ma ħarablekx il-kelb, x’ġara?” staqsiet Maria.
“Il-bieraħ reġa’ ġie David s’għandi. Ried imur il-bandli u jien ħadtu. Waqt li kien qed jiġri waqa’ u weġġa’ idu. Ċempilt lil ommi u ħaditu l-isptar. Wara qaltli li kien kiser idu! Issa żgur li ma jafdawnix miegħu iżjed!” infaqgħet tibki Kristina wara li qalet dan kollu lil Maria.
“Toqgħodx tinkwieta, Kristina. Dawn l-affarijiet jiġru lil kulħadd,” qaltilha Maria.
“X’taħseb li rrid nagħmel, Maria? Tgħid jerġgħu jafdawni?” staqsiet Kristina.
“U żgur! Kif diġà għidtlek, dawn l-affarijiet jiġru lil kulħadd. Issa wara li joħroġ mill-isptar jerġa’ jiġi għandek u terġa’ tieħdu sal-bandli u tkompli tieħu gost miegħu. Issa tara!” qaltilha Maria.
Maria dejjem kienet tieħu gost tgħin lin-nies.
“Grazzi Maria,” qaltilha Kristina, u telqu għand il-furnar.
                                                               Justine Xuereb (Form 2.1)