Thursday, February 21, 2013

Ittra informali lill-ħabiba dwar sorpriża li kelli.

                                                                                                 7, "Blossom",
                                                                                                 Triq Fredrick Borg, 
                                                                                                 Iklin, IKL 1443

                                                                                                 Il-15 ta' Frar, 2013

Għażiża Martina,

Mhux ħa taqta' x'sorpriża kelli t-Tnejn filgħodu! Ħsibti qed nimmaġina. 

Mela, kont qed noħlom dwar meta dħalt ġo dar li titkexkex meta tħares lejha. Meta dħalt fiha rajt mostri ta' kull tip u ħafna affarijiet tal-biża'. Bdejt nara pitturi ta' nies antiki u meta bdejt nimxi, għajnejhom kienu qishom qed jimxu miegħi. Bdejt nimxi u nimxi u kull pass li ħadt beda jkun aktar ħafif. F'daqqa waħda rajt kamra u fiha kien hemm spirtu mimli demm ġej għalija! 

Jien werżaqt kemm flaħt... meta f'daqqa waħda ħassejt nifs tqil. Qomt ħesrem u quddiemi rajt kelb żgħir u tgħidx kemm kien ħelu! 

Ommi u missieri poġġewh hemm għal għeluq snini. Kemm fraħt! Int kellek sorpriża sabiħa wkoll? Jekk iva, iktibli lura. 

Dejjem tiegħek,
Katrina. 

Kartina Felica (Form 1.1) 


-----------------------
                                                                                                 125, "Salome",
                                                                                                 Triq G.M Callus, 
                                                                                                 Żurrieq, Żurrieq 1443

                                                                                                 L-20 ta' Frar, 2013

Għażiża Erika,

Kemm ili ma narak! Kieku taf x'sorpriża kelli meta ġejt mill-iskola lbieraħ! Jiena u ħija dħalna ġewwa d-dar u rajna l-isbaħ għasfur fid-dinja!

L-għasfur kien ta' kulur aħdar bi ftit roża fuq wiċċu. Denbu kien aħmar nar u ikħal u kellu munqar isfar. Xi darba għandek tiġi għandi ħalli tarah! Ħija semmieh 'Pepi'. Jiena u ħija minn dejjem xtaqna li jkollna annimal domestiku, allura tista' timmaġina kemm fraħna. 

Meta rajt l-għasfur, l-ewwel ħaġa li għamilt staqsejt lil ommi x'ħajjarha li ġġibilna annimal domestiku. Wara s-snin kollha teqred li l-annimali domestiċi iġibu l-ħmieġ, u dak il-qrid kollu li jeqirdu l-ommijiet. Ommi qaltli li ħajritha l-ħabiba li tiġi tgħinha tnaddaf. 

Insomma, aħna lkoll ferħanin li għandna lil Pepi. Għalissa l-għasfur hu kemxejn kwiet u jibża' minnha, imma dalwaqt ikantalna xi diska! 

Dejjem tiegħek,
Joelle. 

Joelle Farrugia (Form 1.2)


-----------------------
                                                                                          16, Triq N. Copernicus,
                                                                                          Kortin, Mellieħa, MLĦ 2631
                                                                                           
                                                                                          Id-19 ta' Frar, 2013

Għażiża Krista,

Kemm ilna ma niktbu lil xulxin. Smajt li ġibt kelb id-dar. X'semmejtu? Kemm ilu għandek? Ta' liema razza hu? Tgħidx kem għandi x'ngħidlek! In-nanna tiegħi ġabet qattus żgħir u semmietu Jamie. 

Mela taf xi ġrali bħall-bieraħ ġimgħa? Kien għeluq snini u jien ma ridt xejn kbir biex niċċelebrah imma ommi riedet iddeffes sorpriża fl-organizazzjoni tal-ġurnata ta' għeluq snini.

Jien għidtilha dak li xtaqt imma xejn ma ġara minn dak li ridt. Waslet il-ġurnata u jien kien mingħalija li ser niltaqa' ma' xi ħbieb minn tiegħi. Inti tafhom u dawn huma Martina, Jessica u Emma. 

Imma minflok, ommi fettlilha tistieden il-klassi sħiħa! Veru ħadt pjaċir! Kemm xtaqt li kont hemm magħna! Kulħadd sella għalik! Nispera li ma ndumx ma narak.

Dejjem tiegħek,
Kristina.

Kristina Pace (Form 1.3)
                                                                                              

Wednesday, February 13, 2013

Ittra formali lill-kap tal-iskola


                                                                                                 89, "Getsemani",
                                                                                                 Triq Santa Marija, 
                                                                                                 Ħal Qormi, QRM 2666

                                                                                                 It-12 ta' Frar, 2013

Kunvent ta' Santa Dorotea,
Triq l-Imdina, 
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 3146

Għażiża Sor Doreen Cuschieri,


Jiena studenta tat-tieni sena fis-sekondarja fl-iskola tiegħek. Ilni nattendi din l-iskola minn meta kelli erba' snin. Kieku ma ġejtx hawnhekk ma kontx nagħmel ħbieb għeżież bħal m'għandi issa. Kuljum nieħdu gost nitgħallmu affarijiet ġodda u ngawdu l-kumpanija ta' xulxin f'din l-iskola kbira, arjuża u spazjuża li għandna. 

Jekk tippermettili nagħmel xi żewġ suġġerimenti sabiex intejbu xi affarijiet. Pereżempju jien niddejjaq ħafna illi l-brejk tagħna huwa qasir u bilkemm ikolli ċans nitkellem ma' sħabi. Hemm bżonn li l-uniformi tas-sajf tkun magħmula minn drapp iktar ħafif għax inħossu ħafna sħana. Nixtieq li nużaw il-pixxina aktar ta' spiss għax bilkemm ikollna ċans nużawha meta tibda s-sħana. 

L-affarijiet tajbin ta' din is-sena skolastika kienu li qsamtna fi gruppi żgħar għal ċerti suġġetti. Din kienet t'għajnuna kbira għalija, speċjalment fil-Matematika. Nieħu gost jekk tħallini fl-istess klassi ma' sħabi għax niġi l-iskola iżjed għal qalbi. Nirringrazzjak ta' kollox. 

Tiegħek, 
(firma) 
Clara Warr

(Form 2.3)


-------------------------

                                                                                                 32, "AndyAnn",
                                                                                                 Triq iz-Zakak, 
                                                                                                 Il-Mosta, MST 4422

                                                                                                 It-22 ta' Jannar, 2013

Sor D. Cuschieri,
Skola ta' Santa Dorotea,
Triq l-Imdina, 
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 1437.

Għażiża kap tal-iskola,

Nittama li tinsab tajba. Inti dejjem għent biex l-iskola tagħna tkun u tibqa' l-aħjar skola li hawn f'Malta. Nixtieq nirringrazzjak, f'ismi u f'isem sħabi, tax-xogħol iebes li tagħmel ta' kuljum għalina u għall-iskola tagħna. Nirringrazzjawk ukoll talli torganizzalna avvenimenti importanti li aħna qatt m'aħna ser ninsew. 

Nirringrazzjawk ukoll talli torganizzalna attivitajiet sportivi, kif ukoll attivitajiet fejn l-istudenti tal-iskola jieħdu gost u jiddevertu ma' sħabhom. Aħna nifhmu li x-xogħol li tagħmel inti għalina mhux faċli, għalhekk aħna rriduk tkun taf li x-xogħol li tagħmel huwa apprezzat ħafna minna l-istudenti. Grazzi ta' kollox! 


Tiegħek, 
(firma) 
Shania Zammit

(Form 2.1)
------------------------

                                                                                                 "Il-Familja Mqaddsa",
                                                                                                  Triq l-Ifran, 
                                                                                                  Ħal Qormi, QRM 2480

                                                                                                  Il-11 ta' Frar, 2013

Sor Doreen Cuschieri,
"Il-Kunvent tas-Sorijiet tad-Dorotej,"
Triq l-Imdina, 
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 0106.

Għażiża Sor Doreen Cuschieri, 

Nispera li kollox sew. Qed niktiblek din l-ittra biex nirringrazzjak ta' dak kollu li tagħmel għal din l-iskola tant sabiħa, tal-pixxina kbira, taċ-ċentru sportiv u tal-opportunitajiet kollha li ttina. Nixtieq nirringrazzjak għall-għalliema brillanti li bgħattilna li tant iħobbuna u jieħdu ħsiebna. Jiena qiegħda fit-tieni sena tas-sekondarja u ma jiddispjaċini xejn li qiegħda f'din l-iskola. 

Grazzi wkoll tat-'tuck shop' u tal-ikel u x-xorb li tipprovdu. Il-ħarġiet ma jonqsux; il-postijiet kollha li żorna, il-Belt Valletta, l-Imdina u ħafna oħrajn. Nirringrazzjak minn qalbi tal-laboratorji sbieħ u moderni li għandna. L-esperjenzi li jkolli ġol-iskola qed jidhru li ma jieqfu qatt!

Tiegħek,
(firma) 
Claire DeBattista

(Form 2.2)

Wednesday, January 23, 2013

Rakkont fit-tielet persuna

Lejla waħda, il-Ġimgħa li għaddiet, il-familja Borg kienet miġbura d-dar. Għall-ħabta tat-tmienja, wara li kiel kulħadd, inqala' argument bejn it-tfal. Xi storbju! 

Il-mama' kienet taħdem il-ġurnata kollha, waqt li l-papa' kien jasal tard mix-xogħol u Lara u Luke ma ridux jaħslu l-platti jew jiżbarazzaw, l-argument saħan sewwa u kompla fi ġlieda bl-idejn sakemm qam jiġri l-papa' minn fuq is-sufan u fajjar daqqtejn lil Luke. It-tifel waqa' mal-art u ħabat rasu ma' siġġu. Il-mama' bdiet tgħajjat mal-papa' filwaqt li ġabret lit-tifel mill-art, Lara telqet tiġri f'kamritha. 

Ir-raġel u l-mara ma waqfux jillitikaw u Luke infexx jibki. Fir-rabja tal-mument is-Sur Borg kisser żewġ platti u martu tfixklet u waqgħet fil-ħġieġ. Luke mar jiġri fuq ommu, u missieri baqa' jsabbat. Kien fadal turtiera pizza li waqgħet mal-art u nqelbu xi fliexken ukoll. Il-kuker kien għadu mixgħul u bdiet taqbad il-biċċa tal-platti! Omm Luka kienet pronta u tfietha u ħarġet tiġri minn hemm ġew. 

X'diżastru ħallew warajhom! L-argument ma kellux jikber daqshekk fuq il-ħasil tal-platti. Fi kwarta kienu jlestu kollox! Lara ħarġet minn kamritha u bdiet tnaddaf hi. Għarfet l-iżball! 

Aimee Bartoli (Form 1.2)


----------------------------

Nathan kien qiegħed jara t-televixin meta t-telefown daqq. Fil-pront, Nathan qam iwieġbu. Kienet nanntu Luċija. Luċija kellha bżonnu biex joħdilha ħsieb id-dar sakemm hi tmur għall-vista l-isptar. Huwa qalilha "iva" għax ma kellux pjanijiet oħra għal dakinhar. 

L-għada meta kien qiegħed jipprepara biex imur għand in-nanna rċieva messaġġ mingħand sħabu li kien jgħid, "Nathan, għandek x'tagħmel illum? Trid immorru sal-Belt naraw film mal-klikka?" Hu weġibhom li se jkun għand in-nanna u li ma jistax imur. 

Waqt li Nathan kien qiegħed għand nanntu, ħabbat il-bieb. Xħin fetaħ il-bieb ra ċorma nies. Kienu sħabu li ġew iżommulu kumpanija u donnhom ma ġewx idhom f'idhom, anzi kienu mgħobbijin sa ruħ ommhom! Min kellu l-pakkett tal-krisps, min bil-pizza, min bil-fliexken tal-luminata u ħasbu għall-mużika wkoll. Lanqas laħaq fetaħ il-bieb li ma daħlux kollha ġewwa u rħewlha lejn il-kċina. 

Nathan beda jara platti ħerġin mill-armarju, krisps fuq it-tapit, turtieri biex isaħħnu l-pizza, tazzi maħmuġin, titjir ma' kullimkien u biex tgħaxxaq kollox, bdew jissuttaw l-ikel lil xulxin. Kien hemm rebus sħiħ. Il-kċina ta' nanntu kienet qisha l-Belt fl-Assedju l-Kbir! 

Nathan stħajjilha vulkan lil nanntu xħin sabuha fil-bieb tal-kċina. Lanqas biss semgħuha dieħla bl-istorbju li kien hemm.

Nathan sar abjad karti xħin sab lil nanntu ma' wiċċu! Mar jimla' l-bramel għax kien jaf li mhux ħa joħroġ qabel ma jnaddaf il-ħmieġ li qalgħu!

Maria Spiteri (Form 1.3)


----------------------------

Nina kienet tifla ta' erbatax-il sena li ma kellhiex ħutha, imma kellha qattusa jisimha Ginger. Ginger kienet qattusa kwieta u obbidjenti. Kienet tmur wara l-bieb tistenna lil Nina tiġi mill-iskola u xħin tasal kienet tmur titfissed magħha. Hekk kif Nina kienet tlesti mill-istudju, hi kienet tmur tilgħab ma' Ginger.

Kienet il-ġurnata meta Nina għalqet żmienha, meta ommha ddeċidiet li tagħmlilha festin żgħir fid-dar tagħhom u tistieden xi ftit kuġini. Għal xi l-erbgħa ta' wara nofsinhar bdew ġejjin xi nies, fosthom Ronnie u Rita, il-kuġini favoriti tagħha. Ma naqasx li Ginger ikun hemm ukoll. Ronnie kien iħobbhom l-annimali u beda jmelles lil Ginger u jtih xi ftit ħobż biż-żejt u ż-żebbuġ. Ma kienx jaf li Ginger kienet allerġika għaż-żebbuġ. 

Nina marret tpoġġi ftit ħdejn Ronnie, fejn qagħdu jitkellmu ftit, b'Ginger rieqed fuq ħoġortu. Il-festin spiċċa u kulħadd mar id-dar imma Ginger kienet tidher ma tiflaħx sew. Nina poġġietha fil-qoffina tagħha biex tistrieħ u filgħodu tqum aħjar. Filgħodu marret l-iskola u ħalliet lil Ginger rieqda. Xħin irritornat, Nina ħadet l-akbar qatgħa ta' ħajjitha. Sabet lil Ginger mejta... qalbha ma kinitx qed tħabbat... kienet kiesħa silġ! Hi ċemplet lit-tabiba u din ħaditha fil-klinika tagħha. Wara li eżaminata skopriet li kienet mietet b'kawża tal-ħobż li kien tagħha Ronnie fil-festin.

L-għada filgħodu Ronnie ġie b'kaxxa taż-żraben f'idu. Nina fetħet il-kaxxa u sabet ferħ ta' qattusa. Ronnie qalilha li t-tabiba kienet sabet dan il-ferħ ġo żaqq Ginger. Hi ddeċidiet li żżommu l-ferħ u semmietu Fluffy. Kull meta kienet tħares lejn Fluffy kienet tiftakar fix-xorti ħażina li missitha Ginger, dakinhar ġol-kċina. 

Kelsey Abela (Form 1.1)

Wednesday, January 16, 2013

Komponiment deskrittiv

Il-Ħolma


F'din l-istampa hawn tifla ċkejkna b'wardtejn ħomor peprin. Din qed tistrieħ fuq zokk oħxon u twil mimli natura. Din it-tfajla qed tistrieħ fuq dan iz-zokk fis-sema. 

Meta wieħed iħares lejn din l-istampa sempliċi tista' tħoss il-paċi u s-serenità li qiegħda fiha t-tifla. Hija liebsa ħwejjeġ komdi qishom piġama. Għandha xagħarha qasir u iswed tuta. Qiegħed miġbur f'żewġ toppi żgħar u ħelwin u għandha frenza qasira ma' moħħha. 

Fuq wara hemm id-dalma tal-lejl u s-sħab abjad tajjari, jimxi 'l hemm u 'l hawn. Fin-nofs hemm iz-zokk oħxon li jibqa' tiela' sal-għola sħab. Dan iz-zokk huwa mdawwar bi fjuri kbar. Għandu bosta friegħi nnukklati ħerġin minn kull naħa. Hemm ħafna weraq li kibru kullimkien u minn ftit friegħi hemm xi qlub imdendlin għal fuq moħħ iċ-ċkejkna. 

Mit-tbissima ħelwa fuq fomm it-tifla wieħed jista' jimmaġina li qed toħlom ħolm sabiħ. Minn din l-istampa nistgħu lkoll noħorġu tagħlima żgħira, xi kultant kollox ikun isbaħ meta jkollna l-paċi u l-kwiet.

Amy Agius (Form 2.2)
----------------------------

Il-Ħolma Meraviljuża ta' Marija

Marija kienet tifla ferrieħa u fuq tagħha. Kellha tnax-il sena. Xagħarha kien qasir u iswed tuta u għajnejha żoroq lewn is-sema. 

L-iskola ma tantx kienet tħobbha iżda fejn jidħlu l-kotba tal-avventura kienet tiekolhom. Darba waħda ħarġet fil-bitħa tan-nanna tagħha. Kellha ġnien kbir ħafna, kien mimli siġar taċ-ċitru u fjuri ta' kull lewn. Kienet ġurnata sajfija meta Marija ddeċidiet li tintefa' fuq zokk ta' siġra u bdiet taqra ktieb li ġabet mil-librerija tal-iskola. Kienet għaddejja daqxejn ta' żiffa ħelwa. Ix-xemx bdiet tiżreġ ġmielha u Marija kellha par wardiet ħomor nar. Hija kienet għajjiena u għajnejha marret biha. Sabet ruħha f'ħolma tal-ġenn. 

Ħolmot li kienet fuq xatt il-baħar. Ma kien hemm ħadd ħliefha. Il-baħar kien ċar daqs il-kristall u x-xemx bdiet tirrifletti fuq il-baħar. Fis-sema kien hemm ħafna għasafar itiru. Iddeċidiet li tinża s-sandli u timxi tul ix-xtajta biex ixxarrab ftit saqajha. Ftit 'il bogħod minnha semgħet vuċi ta' xi ħadd jgħajtilha. Ħarset lura u ma setgħetx temmen lil għajnejha! Rat sirena l-ġmiel tagħha. Kellha xagħarha lewn id-deheb u kien twil sa saqajha. Denbha kien mimli kuluri vibranti: aħmar, vjola u oranġjo. Ħaditha taħt il-baħar u qagħdet turiha d-dinja misterjuża tagħhom. 

F'daqqa waħda Marija semgħet lin-nanna tagħha tgħajtilha u qamet maħsuda. Ħarġet mill-ħolma tagħha u daħlet ġewwa biex tiekol xi ħaġa. 

Amy Caruana (Form 2.3)

----------------------------

Wendy

Kont qiegħda bilqiegħda fuq ir-ramel naqra rivista waqt li nara lil oħti ċċafċaf fl-ilma u tieħu pjaċir fil-baħar. Meta dawwart il-paġna rajt reklam tal-kotba li kellu stampa ta' tifla ħelwa u żgħira rieqda fuq siġra maġika. Din l-istampa mill-ewwel fakkritni f'ħabiba antika tiegħi li kien jisimha Wendy.

Is-siġra kienet kull kulur, mimlija fjuri u forom differenti. Madanakollu t-tifla fl-istampa kienet bla kulur, b'hekk fakkritni f'Wendy, għax Wendy kienet tħobb tilbes l-iswed u l-abjad. Wendy kienet tifla brava ħafna li kienet tiġi miegħi l-iskola primarja. Din kienet tiġi l-ewwel f'kollox fil-klassi! Tant kienet brava li kienet taf daqs l-għalliema! Dejjem kont taraha bi ktieb f'idejha. Kultant kont taraha taqra fuq ix-Xjenza, il-Malti, il-Matematika u anki fuq xi lingwi li qatt ma smajt bihom qabel. 

Xi ħaġa oħra li fakkritni f'Wendy kienu s-sħab ta' madwar is-siġra maġika. Wendy kienet dejjem qisha fis-sħab, ġo dinja għaliha, maqtugħa minn kulħadd. Hi ftit kellha ħbieb. Wieħed minnhom kien il-qattus tagħha li kien jismu Dawra. Huwa kien imur magħha kullimkien. 

Wendy kellha xagħarha iswed tuta li kien lixx u qasir. Għajnejha koħol nir li kont tintilef ġo fihom. Kellha wiċċha abjad karti. Wendy kienet qasira għall-età tagħha. Kienet timxi b'rasha fil-ktieb iżda dejem kellha tbissima fuq wiċċha. It-tfal l-oħra tal-klassi kienu jgħiru għaliha għax kienet tmur aħjar minnhom fl-eżamijiet u fix-xogħol għad-dar, u jiena fil-bidu kont naħsibha bħalhom. Iżda wara ftit kellimtha u staqsejtha tistax tgħallimni dawk l-affarijiet li taf hi. Waqt li kont immur nistudja magħha sirna ħbieb.

Din l-istampa għoġbitni ħafna, tant għoġbitni li bgħattha lil Wendy b'ittre u spjegajtilha għalxiex fakkritni fiha!

Abby Bonello (Form 2.1)

Wednesday, December 5, 2012