Tuesday, March 3, 2015

Riċensjoni ta' Ktieb

Il-ktieb li ser nikteb fuqu jismu "Id tad-Deheb." Dan il-ktieb kitbu Ivan De Battista. Il-ktieb għoġobni ħafna għax fih tagħlima fuq il-bullying. 

Dan il-ktieb jeħodna dritt fuq il-bankijiet tal-iskola. Ġrajja li tagħti ħarsa lejn l-emozzjonijiet li jħossu l-istudenti tal-lum bejniethom. Il-bullying huwa problema soċjali kbira li qed inġarrbu kuljum. Qed naraw b'għajnejna l-impatt tiegħu b'mod akut fl-imġiba ta' ċerti studenti lejn studenti oħra. Issa anke qed ngħixuhom permezz tal-internet ukoll. 

Justin u Cedric huma tnejn minn dawn l-istudenti illi jagħmlu l-bullying fuq ħaddieħor minħabba l-ħajja familjari u l-emozzjonijiet suwed tagħhom. Ġimgħa fost l-oħrajn dawn it-tnejn daħlilhom f'rashom li riedu jħarbtu wieħed mill-istudenti tal-klassi tagħhom - Luca. Luca kien ix-xempju tal-istudenti. It-telfa t'ommu f'età ta' seba' snin, ħalliet impatt fuqu u rendietu f'ġuvni sensittiv. L-iċken ħaġa li xtaq dakinhar kien li jaqbdu miegħu dawk it-tnejn!

Kif induna b'dak li kien ġralu Luca u sħabu, indunaw miegħu. Huma ingħaqdu u marru jfittxu lil Justin u Cedric għax kienu ħadulu l-basket. Meta l-istudenti baqgħu ma nstabux, il-ġenituri kif ukoll l-għalliem u s-surmast, tathom rasu b'din l-aħbar. 

Il-ktieb kompla u kollox mar għall-aħjar. Justin u Cedric kienu l-isptar u Luca rringrazzja 'l ommu. Dan il-ktieb kont nirrakkomandah lil dawk li għaddejjin mill-bullying. 

Emma Bondin (Form 2.1)
----------
Nhar is-Sibt li għadda, minħabba t-temp, bqajna ġewwa. Iddeċidejt li nintefa' fuq is-sufan u naqra ktieb. Bdejt naqra ktieb jismu "L-Istejjer ta' Kendor is-Saħħar." Dan ħallieni bla nifs u tassew għoġobni.

Dan il-ktieb huwa dwar saħħar twajjeb jismu Kendor. Kien żagħżugħ, sabiħ u dħuli. Għamel ħbieb ma' żewġ aħwa jisimhom Sylvan u Tracy. Sylvan huwa tifel fuq ruħu ħafna, imqareb, imma mhux l-ewwel darba li sab ruħu fil-għawġ. Għandu għaxar snin u nofs. Oħtu hija iżgħar minnu sena biss u allura sikwit ikollhom xi jgħidu. Tracey mhix imqarba daqs ħuha, imma lanqas ma tħalliha lixxa. Kendor kien jgħin lill-aħwa billi jagħtihom pariri bżonnjużi biex jinbidlu fi tfal aħjar. 

Dan il-ktieb huwa maqsum fi stejjer żgħar u kollha fihom tagħlima importanti għalina. Meta t-tfal ikunu ser jagħmlu xi ħaġa ħażina, Kendor dejjem jirnexxielu jwaqqafhom milli jagħmluha. It-tfal iħobbuh ħafna lil Kendor u anki hu jħobbhom. Il-ktieb fih ħafna tpinġijiet sbieħ bil-kulur ġo kull storja żgħira. It-tpinġijiet juru dak li jkun qed jiġri fl-istorja u huma mpenġijin minn Frank Schembri, pittur bravu ħafna. Il-ktieb laqatni mill-ewwel darba li rajt il-qoxra tiegħu. Kendor huwa ħabib speċjali għat-tfal. Darba minnhom, Sylvan ipprova jpejjep sigarett minn ta' missieru, imma Kendor qabdu u qallu biex ma jpejjipx. Darb'oħra, Tracey kellha vizzju ikrah u darba minnhom għamlet dan il-wiċċ u baqgħet hekk. Din kienet tagħlima biex tieqaf tagħmel hekk. 

Dan il-ktieb huwa miktub minn Carmel G. Cauchi, awtur u poeta fantastiku. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jaqrah. 

Nicole Caruana (Form 2.2)
----------
Jiena llum ser inkellimkom fuq "Il-Pulena tad-Deheb" ta Trevor Żahra. Dan huwa ktieb mill-isbaħ u nista' ngħid li ma neħħejtux minn idejja għaliex dejjem kien hemm dak l-element ta' suspans! Dan il-ktieb huwa dwar it-tfittxija ta' pulena li kienet magħmula mid-deheb!

Il-karattru prinċipali u l-aktar interessanti huwa Lino. Lino huwa tifel ta' madwar għaxar snin. Huwa tifel kurjuż għaliex dejjem isaqsi! Nistgħu ngħidu li kien kuraġġuż għall-aħħar għaliex kien dejjem lest li jagħmel dak li hu meħtieġ. 

Hemm ukoll Ġorġ li jaħdem id f'id ma' Lino sabiex isolvu dan il-misteru ta' din il-pulena. Huwa kien tampar Lino u kien qatta' s-sajf man-nannu Indrin flimkien ma' Lino. Ġorġ ukoll joqgħod aktar attent minn Lino. Dejjem b'seba' għajnejn. 

Wara, kien hemm missier Lino li jismu Manwel. Dan kien hu li ddeċida li jmorru t-torri tan-nannu biex isiru jafu aktar dwar il-pulena, allura kien bniedem kurjuż ukoll.

Kien hemm ukoll in-nanna Indrin. Dan kien jgħix fit-torri, kellu qalbu tajba għax dejjem kien lest li jagħti. In-nannu kellu madwar tmenin sena iżda kien fuq tiegħu daqs farfett. 

Hemm ukoll karattru ħażin li jgħidulu żaru l-Għakkar. Dan lit-tfal qatt ma kien iħallihom jagħmlu xejn, dejjem kien jgħajjat magħhom fil-vojt. Iżda fl-aħħar tal-ktieb nindunaw li huwa persuna qalbu tajba u sinċier. Dan il-ktieb huwa ambjentat f'xifer il-Ħondoq. Il-post huwa dak li fih jinstab it-torri tan-nannu Indrin u li fih Lino u Ġorġ iqattgħu s-sajf fih. 

Lili l-aktar ħaġa li laqtitni kienet il-fatt li t-tfal kienu lesti li jagħmlu minn kollox sabiex isibu l-pulena tad-deheb, iżda mhux ser ngħidilkom jekk isibihiex jew le. Se nħallikom bil-kurżità sabiex taqrawh intom ukoll. Dan il-ktieb ġie stampat għall-ewwel darba fl-1971 u ġie ppubblikat minn 'Merlin Library.'

Anneka Pace (Form 2.3)

Thursday, February 26, 2015

Rakkont fit-tielet persuna

Lara u Sara, bniet tewmin ta' ħdax-il sena, qishom kelb u qattus, il-ħin kollu jiġġieldu. Kienu jitlewmu fuq kollox; dwar ta' min huma l-ġugarelli l-ġodda, dwar x'ħa jilbsu għal xi okkażjoni speċjali u l-aktar dwar l-ikel li għandha ssajjar ommhom. Fuq ħaġa waħda biss kienu jaqblu, l-imħabba li kellhom lejn il-ħemster. 

It-tnejn kienu jiftehmu kif għandhom jindukraw lill-ħemster iċ-ċkejken, lewn id-deheb li kellhom fil-gaġġa kbira fil-kċina. Imma xi kultant ix-xitan iħobb ideffer denbu. Hekk kif waslu mill-iskola, Sara bħas-soltu ppruvat titma 'l-ħemster, iżda dan ma deherx fil-gaġġa. Sara sejħet lil oħtha biex tistaqsi jekk kinitx messitu hi. 

F'radda ta' salib bdew iwaħħlu f'xulxin, jiġġieldu u jibku. Wara li kkalmaw xi ftit, Lara ndunat li kien hemm toqba fil-qiegħ tal-gaġġa. Bdew iqallbu l-kxaxen, il-bibien tal-armarju, il-bieba tal-kuker u tal-friġġ, qalb il-borom u l-kzazel, fost il-fliexken tal-luminata u tal-ilma minerali, iżda l-ħemster ma nstab imkien!

Sara waqfet taħseb ftit. Saqsiet lil oħtha jekk kienx baqa' xi ftit ġobon tal-ħakk li tant kien iħobb igerrem il-ħemster. Lara malajr indunat x'kellha f'moħħha oħtha. Fetħet beraħ il-bieba tal-gaġġa u poġġiet biċċa ġobon fiha. It-tewmin staħbew wara l-purtiera u ma damux jistennew. Il-ħemster ħareġ minn rokna li kien hemm fil-kċina u dritt daħal fil-gaġġa u beda jgerrem xi ħaġa. 

Fil-pront, Lara għalqet il-bieba u t-toqba tal-gaġġa. It-tewmin ma laħqux bdew jifirħu għax instema' l-bieb ta' barra jinfetaħ u ommhom dehret quddiem il-kċina. Ommhom saret ħamra nar u ma felħitx tlissen kelma. Xħin rat il-ħerba li kienu ħallew fil-kċina. 

Lara u Sara għamlu ġimgħa sħiħa mingħajr ġlied, għax kellhom inaddfu l-kċina u jaħslu l-platti kuljum wara l-iskola. Tiskanta xi kwiet kien hemm fid-dar. 

Myra Camilleri (Form 1.1) 
----------
Darba waħda kien hemm żewġ tfajliet żgħar; Mireille u Maria. Dawn kienu kuġini, iżda ftit kienu jqattgħu ħin flimkien. Darba waħda, in-nanna ddeċidiet li fil-vaganzi tal-Karival imorru ġurnata għandha. 

Meta waslu, in-nanna qaltilhom li ppreparat l-għaġina biex flimkien joqogħdu jsajru. Għoġbithom l-idea li joqogħdu jsajru flimkien għaliex il-ġenituri tagħhom ma kinux iħalluhom jaqilgħu l-ħmieġ. In-nanna ħalliethom kwieti u marret tonxor fuq il-bejt. Fejn kienu jafu li kienu ser jagħmlu ħafna praspar jinkitbu għand in-nanna? 

Marru jiġru ġol-kċina u sabu biċċa għaġina kbira u ftit ċikkulata. Mireille dewbet iċ-ċikkulata sakemm Maria fetħet l-għaġina. Fid-daqqa u l-ħin, Maria waqqgħet l-għaġina mal-art u meta ġabruha ndunaw li l-art kienet kollha titjir. Mireille ġabet biċċa tal-art u meta ħaslet, Maria żelqet u weġġgħet daharha. Miskina Maria, lanqas felħet tiċċaqlaq! Sa fl-aħħar irnexxielhom ilestu ftit pastini u tefgħuhom fil-forn. Xħin ġiet, in-nanna tgħidx kemm għajtet magħhom u għamlet ftit ingwent fuq dahar Maria. Ftit minuti wara, ftakru li kienu tefgħu l-pastini fil-forn! Xħin fetħu l-forn, iddiżappuntaw ruħhom għax il-pastini kienu nħarqu!

In-nanna ċemplet lil omm Maria biex joħduha għand it-tabib. Dan qalilha biex toqgħod jumejn fis-sodda. Minn dakinhar 'l hemm ma baqgħux isajru waħedhom. 

Mariah Sapiano (Form 1.2)
----------
Intagħżlu, intagħżlu biex jaħdmu ġo kċina! Dan wara li ħaddiema ta' restorant tkeċċew wara n-nuqqas ta' dixxiplina li wrew. 

Tonu u Pawlu, żewġ impjegati ġodda, sabu ruħhom ġo kċina mimlija mbarazz. Ommi ma, x'biża'! Kellhom jibdew mill-ġdid, jiżbarazzaw, inaddfu, jippustjaw u jorganizzaw. Dan kien ix-xogħol il-ġdid ta' Pawlu u Toni, iż-żewġ ħaddiema ġodda tal-kantina ta' Żeppi, magħruf ħafna għall-ikel bnin fiċ-ċentru taż-Żurrieq. 

Bdew billi żbarazzaw, ħaslu l-platti u tefgħuhom f'posthom. Ħaslu l-kċina, l-armarji u saħansitra l-art. Kienet biċċa xogħol diffiċli ħafna. Wara dan il-ħasil kollu, il-kċina ta' Żeppi kienet imqaxxra bi fwieħa li toqtlok. 

Insomma, kienet esperjenza ta' xogħol ġdid. Kienet kerha ħafna, iżda min qatt ħaseb li Pawlu u Toni kellhom iqattgħu ħajjithom jaħdmu hemm? 

Esperjenza kerha li għall-ewwel dehret impossibbli, iżda bil-paċenzja li ħadu fil-bidu tal-karriera, kienet il-frott tal-futur tagħhom. Għadda ħafna żmien u li kienet dehret esperjenza tal-waħx, kienet imsarrfa f'esperjenza ta' opportunità ta' xogħol. Qatt taqta' qalbek meta tiġi ħażina, xi darba tiġik tajba! Toni u Pawlu kienu saru l-aqwa koki fil-kantina ta' Żeppi. Bil-paċenzja tagħmel kollox u tirnexxi.

Ruth Attard (Form 1.3)

Wednesday, January 28, 2015

Ittra informali

35, "Il-Girna,"
Triq il-Kappar,
Ħ'Attard,
ATD 2283

Il-21 ta' Jannar, 2015


Għażiża Hanna, 


Kif int? Nispera li tinsab tajba. Jiena ninsab tajba iżda qed nibża' ftit għax l-eżamijiet se jibdew ġimagħtejn oħra u minħabba f'hekk irrid nistudja ħafna. 



Kif diġà taf, jien kelli għeluq snini l-ġimgħa l-oħra u issa għandi tnax-il sena. Meta kont wasalt mill-iskola, id-dar kienet dlam ċappa u meta ftaħt il-bieb biċ-, f'daqqa waħda rajt 'il-familja kollha quddiemi bid-dekorazzjonijiet fid-dar. Tgħidx kemm fraħt u din kienet l-akbar sorpriża tiegħi f'ħajti! Ftit wara, il-ġenituri tawni biljett tal-ajru għal Pariġi, fejn toqgħod inti. 


Jien għannaqt lill-ġenituri tiegħi u issa fis-sajf se niġu narawkom. Dan ir-rigal kien sorpriża oħra! Iġri jiġi s-sajf ħalli niltaqgħu!


Dejjem tiegħek,

Lara.

Lara Agius - Form 1.3

----------

8, Triq l-Iskola,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 3210

L-20 ta' Lulju, 2015

Għażiża Christianne,

Kemm għandi xi ngħidlek! Ilbieraħ naħseb li kienet l-isbaħ ġurnata ta' ħajti! Ma stajtx ma niktiblekx fuq dak kollu li ġara.

Ilbieraħ, bejn is-siegħa u s-sagħtejn ta' waranofsinhar, wasalt id-dar mil-lezzjoni tal-pjanu u sibt kaxxa daqxejn kbira tistennieni fuq il-mejda tal-kċina. Fuqha kien hemm miktub il-kliem 'Għal Thea'. Mimlija eċitament, ftaħt il-kaxxa u ġewwa kien hemm ġeru rieqed ġol-kaxxa b'ċoff aħmar imdawwar m'għonqu. 

Dak il-ħin kont ser intir bil-ferħ! Bdejt nipprova nsiblu isem u peress li l-ġeru kien abjad silġ, iddeċidejt li nsemmih Silġa. Bħalissa, waqt li qiegħda niktiblek, Silġa qiegħed jieħu nagħsa fuq is-sufan. Nispera li nerġa' nisma' mingħandek!

Dejjem tiegħek,
Thea. 

Thea Bugeja - Form 1.2
----------

9, Triq ix-Xemx, 
Ħal Muxi,
ĦMX 1234

Il-11 ta' Jannar, 2015

Għażiża Darelle, 

Kif inti? Jien kollox sew. Bħalissa għaddejja bir-reviżjoni għall-eżamijiet.

Għandi aħbar sabiħa għalik. Għal għeluq snin l-ġenituri tiegħi tawni ġeru tar-razza husky. Taf kemm dejjem xtaqt wieħed u tgħidx kemm fraħt meta rajtu. 

Il-kelba għandha xahar u semmejtha Tikka għax għandha ħafna tikek. Għandha għajnejha blu u hija sewda bl-abjad. Diġà qiegħda titgħallem xi affarijiet. Dejjem tkun qiegħda tistennieni ġejja lura mill-iskola u wara li niekol neħodha dawra żgħira. Ommi tlesti l-ikel għaliha.

Meta nerġgħu niltaqgħu tkun tista' toqgħod tilgħab magħha u mmorru passiġġata ma' Tikka flimkien. Sellili għall-familja tiegħek,

Dejjem tiegħek, 
Abby. 

Abby-Gayle Magrin - Form 1.1

Sunday, January 25, 2015

Wednesday, January 21, 2015

Ittra Formali


23, Triq il-Ħobż, 
Ħal Kirkop,
KKP 0731

L-14 ta' Jannar, 2015

Skola Sekondarja ta' Santa Dorotea, 
Triq l-Imdina, 
Ħaż-Żebbuġ

Għażiża Sor Maronna Farrugia, 

Nispera li tinsab tajba. Xtaqt niktiblek ittra biex nilqgħak fl-iskola tagħna. Ferħana ħafna li inti l-kap il-ġdida tal-iskola. Jiena ninsab ċerta li ser tmexxiha tajjeb!

Bla dubju ta' xejn naf li qed tidhra 'l-għalliema, il-klassijiet u anki forsi xi ftit, lill-istudenti wkoll. Nispera li dan ix-xogħol, ta' kap tal-iskola, huwa għal qalbek. Naħseb li tgħodd bħala esperjenza sabiħa ħafna, hux hekk?

Issa aħjar nieqaf hawn u nħallik tkompli b'xogħlok, jien għandi bżonn inkompli l-istudju wara kollox, għax l-eżamijiet kważi waslu! Nawguralek suċċess fil-ħidma tiegħek. 

Saħħiet, 
(Firma)
Kym Abela. 
----------

48, Triq Santa Katerina, 
Ħ'Attard,
ATD 2608

It-13 ta' Jannar, 2015

Skola Santa Dorotea,
Triq l-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1905

Għażiża Sor Maronna Farrugia,

F'isem l-istudenti tal-klassi Form 2.2, nixtieq nifraħlek u nawguralek għall-kariga ġdida bħala kap tal-iskola sekondarja ta' Santa Dorotea li inti ġejt fdata fiha. Nixtiequ nilqgħuk fostna u ngħinuk tambjenta ruħek fl-iskola tagħna. 

Jiena u sħabi konvinti li inti ser tkun kapaċi twettaq ix-xogħol tiegħek b'kapaċità u abbiltà professjonali. Aħna lesti li nagħtuk kull għajnuna meħtieġa sabiex tkun tista' tmexxi l-iskola fid-direzzjoni t-tajba. Aħna tassew nemmnu li inti ser tkun kapaċi toħloq atmosfera mill-isbaħ fl-iskola. 

Ser inwegħduk li ser nagħmlu minn kollox biex napprezzaw u nuru rispett lejn ix-xogħol tiegħek. Inżommuk dejjem fit-talb tagħna. 

Tislijiet, 
(Firma)
Rachel Zammit. 
----------

48, "The Atrium,"
Triq San Mikiel,
Iż-Żurrieq,
ŻRQ 2106

Il-25 ta' Jannar, 2015

Skola Santa Dorotea,
Triq L-Imdina, 
Ħaż-Żebbuġ,
ŻBĠ 1905

Għażiża Sor Maronna Farrugia,

Qed niktiblek din l-ittra biex nawguralek l-ikbar suċċess għal din il-kariga ġdida bħala kap tal-iskola sekondarja ta' Santa Dorotea.

Kif taf, tmexxi skola mhix ħaġa żgħira, hija biċċa xogħol iebsa u għaldaqstant naħseb li tinsab kburija li afdawlek din ir-responsabbiltà. Jien ninsab ċerta li suċċess se jkollok żgur. Qatt taqta' qalbek għax appoġġ ser issib ħafna, speċjalment mingħand l-għalliema u kif ukoll mingħandna l-istudenti. 

Qabel ma nagħlaq din l-ittra, nixtieq nissuġġerilek biex iżżomm lil Santa Pawla f'qalbek ħalli 'ttik is-saħħa u d-dehen li tmexxi din l-iskola. 

Tislijiet,
(Firma)
Anthea Camilleri. 


Thursday, January 8, 2015

Komponiment Deskrittiv

Bħalissa qiegħda f'esebizzjoni tar-ritratti tal-Għaqda tal-Fotografija, il-Belt. Ninsab hawn man-nannu għaliex daħħal xi ritratti għal din il-kompetizzjoni. Għadni kif għaddejt minn quddiem ritratt vera partikolari u għalkemm jidher biċ-ċar li meħud f'ambjent fittizju, fil-fehma tiegħi huwa r-ritratt rebbieħ.

F'dan ir-ritratt, bħala karattru ewlieni nsibu tifla ta' madwar għaxar snin. Din għandha xagħarha iswed tuta miġbur b'żewġ malji żgħar, u frenża qasira li tasal sa nofs moħħha. Wiċċha għandu dehra ta' tifla mqarqċa u għandha par wardiet ħomor peprin. Liebsa libsa ta' lewn vjola u minn taħt għandha flokk irrigat, abjad bl-iswed. Għandha kalzetti twal u ħoxnin ta' lewn iswed, u żarbun tad-ditta "Uggs" kulur vjola ċar, bil-fur abjad. 

Din it-tifla kienet qiegħda taqra ktieb, imma mid-dehra marret għajnha biha għaliex tinsab rieqda raqda fil-fond, fuq siġra partikolari. Fuq iz-zokk ta' din is-siġra, wieħed isib fjuri kkuluriti b'ħafna lwien differenti. Fost dawn l-ilwien kien hemm l-aħmar, iċ-ċelesti, l-iswed u l-aħdar. Dawn il-fjuri jidhru li huma mpinġijin fuq iz-zokk. Din is-siġra għandha weraq lewn roża jixgħel. Għandha wkoll l-ispag nieżel bil-qlub żgħar bi lwien differenti mwaħħlin magħhom. Id-dawra ta' dawn il-qlub hija ta' kulur blu skur. Din is-siġra tinsab fis-sħab fejn hemm ukoll spirali tondi ta' kulur roża. 

Jiena naħseb li din l-istampa hija ambjentata fid-dinja tal-ħolm, fejn kollox huwa perfett u trankwill. Nispera li ħadt gost taqra din id-deskrizzjoni ta' dan ir-ritratt li tant għoġobni. 

Cherise Cauchi (Form 2.1)
----------

Minn Ottubru li għadda, jiena bdejt immur il-librerija tal-iskola kull nhar ta' Ġimgħa fil-ħin tal-brejk. Dan għaliex bdejt ngħin lill-għalliema li tieħu ħsieb il-librerija. 

Darba minnhom waqt li kont qiegħda nirranġa l-kotba fuq l-ixkafef, waqa' ktieb mal-art u minnu ħarġet paġna li fuqha kellha stampa ta' tifla rieqda fuq zokk ta' siġra kbira li kienet taqbeż is-sħab. Mal-friegħi tas-siġra kien hemm imdendlin għadd kbir ta' qlub żgħar taċ-ċikkulata. Din l-istampa qatt ma kont rajtha sa dakinhar u għalhekk warrabt il-ktieb biex nisselfu u naqrah. Waħħalt il-paġna f'postha u dakinhar stess wara li lestejt ix-xogħol għad-dar tal-iskola, bdejt naqrah b'interess kbir. 

L-istorja kienet dwar tifla ta' sitt snin li jisimha Katrina li darba minnhom waqt li kienet qed taqra l-ktieb Jack and the Beanstalk, marret għandha biha u ħolmot li kienet hi li kienet titla' mas-siġra għolja sa fuq is-sħab, kif kien jagħmel Jack. Il-qlub taċ-ċikkulata li kien hemm mas-siġra ġabrithom biex tqassamhom lil sħabha tal-istitut lejlet il-Milied. Lit-tfal orfni qatt ma kienu jagħtuhom ħelu jew ċikkulatini u l-ħolma ta' Katrina kienet li xi darba hi jkollha biżżejjed flus biex tixtrilhom u tqassmilhom ħelu u ċikkulatini għall-Milied. 

Meta Katrina stenbħet mir-raqda, sabet li fuq il-gradenza fil-kamra tagħha kien hemm borża kbira li meta fetħitha sabet li kienet mimlija sa fuq bi qlub taċ-ċikkulata li jien kont rajt fl-istampa tal-ktieb li ssellift mill-iskola. Tgħid kienet il-qalb tajba ta' Katrina li kienet bidlet ix-xewqa tagħha f'realtà?

Michela B. Soler (Form 2.2)
----------

Lara kienet qed taqra ktieb tal-fantasija dwar tifla normali li kienet qed taqra ktieb u f'ħakka t'għajn spiċċat f'dinja oħra. Kienet ilha taqra, għajjiet u raqdet. 

Meta qamet mir-raqda sabet ruħha f'dinja oħra kompletament differenti. Kienet liebsa libsa roża u vjola tleqq. Kienet bilqiegħda fuq zokk mimli fjuri bojod u sofor ifuħu ħafna iktar mis-soltu. Miz-zkuk kien hemm il-qlub imdendlin kollha kuluri differenti; aħmar, blu, isfar, oranġjo - minn kollox! Is-siġra kienet qisha qed tistrieħ fuq dak il-ħelu li qisu tajjar, imma minflok f'forma ta' qawsalla u bil-kuluri kollha tal-qawsalla. 

Lara qamet minn fejn kienet bilqiegħda u bdiet tipprova tiskopri fejn kienet waslet għax l-aħħar li kienet taf kienet qiegħda fis-salott tan-nanna. Wara ftit iddur u tara x'hemm, ħarġet bil-konklużjoni li kienet qed toħlom ħolma li vera ħassitha reali. Sabet li l-qlub kienu ħelu b'togħmiet differenti! Ma kien hemm ħadd ieħor - kienet waħedha f'dinja għaliha, litteralment! Skopriet li kien hemm ħafna postijiet fejn tmur - allura qgħadet iddur ftit. 

Skopriet li kien hemm funtana taċ-ċikkulata u bdiet tiekol minn hemm. Iċ-ċikkulata kellha togħma tajba wisq! Kien hemm minn kull tip ta' ċikkulata, anki ċikkulata vjola kont issib. Il-funtana kienet enormi - kellha titla' fuq ħelwa ħadra u roża biex tilħaqha. 

Il-ħin beda għaddej u bejnha u bejn ruħha kienet qed tħossha għajjiena. Rat bieb kbir iktar mis-soltu u daħlet fih. Bdiet tisma' ħoss ta' mużika klassika ġej minn kullimkien. Sabet ruħha f'teatru u kien hemm ballerini libsin kostumi sbieħ ħafna. Kienet qed tarahom jiżfnu perfett.

F'daqqa waħda, Lara ħassha ħażin u waqgħet mal-art. Bdiet tara kollox idur u f'daqqa waħda sabet li kienet id-dar tagħha. X'kien ġara? Fejn kienet marret? Għadha ma tafx sal-lum! 

Alicia Schembri (Form 2.3)

Tuesday, December 2, 2014

Poeżija

Il-Mixja

Jien mort mixja fil-kampanja, 
fil-kampanja tan-Nadur,
Jien mort ma' tal-familja, 
għax dawn ma' ħbiebi ma ridux li mmur.

Dlonk għaddejna minn ġo trejqa,
qalb is-siġar u l-peprin.
Rajna u smajna ħafna għasafar,
Jgħajtu u jpespsu ferħanin.

Rajna wkoll nixxiegħa ilma,
nieżla tiġri minn ġol-blat.
Tgħidx kemm lgħabna u anki kilna,
għalkemm missieri waqqa' l-platt.

Ħadna gost niġru u naqbżu,
ġewwa l-kampanja Għawdxija.
Arja nadifa, friska u pura, 
malajr ħafna sar filgħaxija. 

Ġurnata sabiħa lkoll qattajna, 
għall-familja ftit mistrieħ.
Din il-mixja nibqa' niftakar, 
għax l-għada qomt marida b'riħ!

Ella De'Giovanni (Form 1.3)
----------

Għawdex morna int u jien, 
tlajna nimxu fuq l-għoljiet,
u tbiegħdna mill-ibliet,
qalb is-seħer tal-widien.

Hemmhekk aħna sibna s-sliem,
taħt il-firxa tas-smewwiet,
u n-narċis ileqq fiddien,
dawl ix-xemx ma' kullimkien.

Ħadna gost bil-mixja tagħna, 
b'dak il-ġmiel imdawwar magħna,
kellna mmorru lura d-dar,
Malli l-ħin għalina sar.

Hekk sabiħa l-ħajja tagħna,
meta l-ġmiel inġorru magħna,
nerġgħu ninżlu ġewwa l-wied,
l-arja nieħdu tal-għoljiet. 

Yana Busuttil (Form 1.2)
----------

Mixja twila mort illum,
Il-Baħrija mort inżur,
Fjuri, siġar tul it-triq,
Imbagħad ġrejtha sal-Miżieb,
M'ommi u missieri mort illum,
Mhux xi ħaġa li nagħmlu kuljum!

Ħobż u ilma ħadna magħna,
biex nitrejqu waqt il-mixja tagħna,
Ġurnata sħuna, xemx tiżreġ,
Inzertajna ġurnata sajfija. 

Mixja twila mort illum,
Sas-Siġġiewi u ż-Żejtun,
Kappella antika rajna aħna,
Talba żgħira ħallejna warajna. 

Mixja twila aħna morna, 
sal-Imġarr aħna dorna, 
Bil-vapur aħna wasalna,
Baħar kalm inzertajna. 

Nicola Saliba (Form 1.1)