Tuesday, March 29, 2011

Kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent

       Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.
                Ħaġa komuni ħafna li ħafna nies jagħmlu dan iż-żmien hu li jisseparaw l-iskart tagħhom. L-affarijiet li jirreċiklaw ruħhom, nirreċiklawhom fil-kontenitur tar-reċiklaġġ. Il-kontenituri tar-reċiklaġġ huma maqsumin f’erba’ materjali. Dawn huma ħġieġ, plastik, karti u metall. Dawn ikunu b’kuluri differenti.
                Ħaġa li n-nies ta’ din id-dinja mhux kollha jagħmluha hi li ma jarmux l-iskart tagħhom mal-art. Biex tevita din il-problema, tista’ tarmi l-iskart tiegħek ġo barmil taż-żibel. Post li jkun mimli skart ikun maħmuġ u ikrah. Meta tmur ġo ġnien pubbliku, għaddi mill-passaġġi li jkun hemm, mhux toqgħod tgħaffeġ fuq il-ħamrija mimlija ħaxix maħdum. Meta tmur fil-kampanja, taqtax il-fjuri. Dawn isebbħu l-ambjent. Trid tiftakar li warajk, ikun hemm nies oħra li jkunu jridu jaraw il-fjuri.
                L-ambjent jinkludi wkoll l-annimali. Qabel ma ġġib annimal f’darek, ara li għandek fejn tqiegħdu, mhux ma jkollokx fejn tqiegħdu u tħallih barra. Annimal domestiku trid ukoll tagħtih l-attenzjoni meħtieġa, pereżempju billi taħslu, timxi mixja miegħu kuljum, tilgħab miegħu u ħafna eżempji oħrajn. Meta tmur xi mixja mal-annimal tiegħek, ħu borża tal-plastik miegħek biex tnaddaf il-ħmieġ li jħalli warajh. Meta tmur ‘barbeque’ ħdejn il-baħar, tħallix l-iskart mal-art għax jista jinżel ġol-baħar u l-baħar jispiċċa biex jitħammeġ ukoll.
                Kieku naħdmu flimkien u nagħmlu l-eżempji li semmejt u ħafna oħrajn, id-dinja tkun ħafna iktar nadifa u sabiħa.
                                                                Maria Elena Galea (Form 2.2)
-----------------------------------------------------------------------------------------
                L-ambjent huwa kull m’hemm madwarna. L-ambjent tagħna jista’ jkun l-iskola, id-dar, il-baħar u l-postijiet l-oħrajn li nsibu ruħna fihom. Huwa importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna, kemm fid-dar u kif ukoll f’postijiet pubbliċi. Hemm bosta modi kif nagħmlu dan, u jekk kulħadd jagħmel l-almu tiegħu, nistgħu nagħmlu d-dinja post aħjar.
                L-ewwel ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li nisseparaw l-iskart. F’kull raħal u belt f’Malta hemm dawk li jgħidulhom il-‘bring-in-sites’. Dawn huma landi taż-żibel kbar fejn wieħed jista’ jissepara l-iskart tiegħu u b’hekk, inkunu nistgħu nirreċiklaw. Importanti wkoll li meta mmorru l-baħar jew xi piknik, nieħdu borża biex nitfgħu ż-żibel fiha u ma narmux fl-art. Jekk naraw lil xi ħadd jarmi ħafna żibel mal-art, nistgħu nirrapurtawh bħala twissija. L-aqwa li ma nirrapurtawhx għal xejn!
                Għandna wkoll nieħdu ħsieb l-arja ta’ madwarna, għaliex il-bniedem għandu bżonn arja friska u nadifa biex jieħu nifs sew. Minflok nużaw il-karozza, nistgħu nimxu fejn hu possibbli jew anki nużaw ir-rota. Nistgħu naqbdu tal-linja biex b’hekk ikun hemm inqas karozzi jniġġsu l-arja. Illum il-ġurnata qegħdin jivvintaw ukoll karozzi tal-batteriji, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
                Hawn ħafna modi kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent u d-dinja tagħna. Kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu u jgħin fejn hu possibbli biex id-dinja tagħna ssir iktar nadifa. Wara kollox, aħna rridu nqattgħu ħajjitna  ġo fiha!
                                                                    Jessica Bonnici (Form 2.2)
-----------------------------------------------------------------------------------------
                Meta nsemmu l-ambjent malajr tiġik f’moħħok xi xena rilassanti u pjaċevoli. Xi għalqa kollha fjuri, jiżfnu maż-żiffa ħelwa jew xi kaskata t’ilma nieżla qalb il-ħdura. Ma tantx tiġina f’rasna iżda bin-nuqqas ta’ ħsieb tagħna nistgħu nirrovinaw dan kollu.
                L-ambjent hu importanti u bżonnjuż u hija r-responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsiebu. Minbarra li nieħdu ħsieb l-ambjent fuq l-art, ma rridux ninsew nieħdu ħsieb il-baħar u l-ilma ta’ madwarna. Mingħajr ilma xejn ma jgħix. L-arja hija parti importanti mill-ambjent tagħna wkoll. Arja mniġġsa tikkawża ħafna mard u allerġiji u hija perikoluża għas-saħħa.
                Hemm diversi modi kif nistgħu nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ fuq l-art, eżempju, billi nixtru prodotti b’inqas ippakkjar b’hekk nevitaw plastik żejjed. Għandna nixtru frott u ħaxix frisk u li m’huwiex ippakkjat u meta mmorru nixtru għandna nieħdu basktijiet tal-materjal minflok li nużaw tal-plastik. B’dawn il-miżuri nkunu qegħdin innaqqsu l-iskart. Ħwejjeġ u affarijiet li m’għandniex bżonn għandna nagħtuhom lill-karità, nużaw iktar minn darba l-boroż tal-plastik u nużaw il-karti minn wara u quddiem. B’hekk inkunu qegħdin nerġgħu nużaw l-affarijiet, minflok narmuhom. Għandna nisseparaw l-iskart u m’għandniex narmu żibel fil-kampanja u barra.
                Minbarra l-ambjent ta’ fuq l-art għandna nieħdu ħsieb ukoll il-baħar. Il-baħar huwa post fejn jgħixu ħafna annimali u pjanti, u huwa importanti li nieħdu ħsiebu, billi ma narmux affarijiet fil-baħar. Huwa importanti li meta mmorru xi BBQ ma nħallux iż-żibel hemm jew narmuh fil-baħar iżda għandna niġbruh u narmuh f’borża fejn suppost. Sfortunatament ħafna skart u kimika jintremew il-baħar u dan huwa ħażin ħafna għall-pjanti u l-annimali li jgħixu fih.
                Għandna nkunu aktar konxji tal-indafa u tal-ambjent. Bin-naqra n-naqra tintela’ l-ġarra u jekk kulħadd jgħin ftit, jirnexxilna nżommu l-ambjent nadif.
                                                                                Nicola Hili (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
                   Aħna l-poplu Malti għandna bżonn nieħdu iktar ħsieb tal-ambjent. Irridu ndaħħluha f’moħħna li l-ambjent huwa ta’ kulħadd!
                Illum il-ġurnata, m’għadniex ngħixu fl-istess ambjent li trabbew fih il-ġenituri jew in-nanniet tagħna. Dawn gawdew ambjent iktar nadif u naturali. Aħna qegħdin ngħixu ħajja artifiċjali u tant qegħdin nikkunsmaw li qed inżidu wisq fl-ammont tal-iskart.
                Għalmenu issa qed insiru konxji ta’ dan u sirna nirreċiklaw. Kemm fid-djar u kemm fuq il-postijiet tax-xogħol qed nidraw nisseparaw l-iskart domestiku minn dak reċiklabbli, jiġifieri l-plastik, il-karti, il-metall u l-l-ħġieġ nisseparawhom mill-iskart li mhux reċiklabbli.
                U xi ngħidu għan-numru ta’ karozzi li hawn fit-toroq? Lanqas tista’ toħroġ barra li ma tiblax xi partita duħħan. Tkun ħaġa tajba li kieku nibdew nużaw ir-roti kif jagħmlu ċertu pajjiżi bħall-Olanda u l-Italja ta’ fuq.
                F’Malta għandna riżors naturali li hija x-xemx. Il-parti l-kbira tas-sena, t-temp tagħna jkun xemxi u b’hekk nistgħu nużaw dan ir-riżors biex nipprovdu l-enerġija fid-djar u l-postijiet tax-xogħol. Ħafna djar u issa anke skejjel qed jadottaw is-sistema u b’hekk innaqqsu mill-konsum tal-elettriku. Ħaġa oħra li tnaqqas il-konsum tal-elettriku huma l-bozoz li ma jaħlux. Aħna fid-dar lilhom biss nużaw. Hemm ukoll il-ħsieb li fil-futur jibdew jużaw il-mitħna tar-riħ biex jiġġeneraw l-enerġija.
                Mod ieħor kif nistgħu nibżgħu għall-ambjent huwa billi ma nħammġux barra minn djarna. Tara ħafna nies jarmu fl-art u dan ikerraħ ħafna l-ambjent. Mhux daqshekk diffiċli li kieku wieħed jarmi fejn suppost biex b’hekk it-toroq, il-ġonna u x-xita jibqgħu nodfa.
                Wara kollox mhux aħna biss ingawduh l-ambjent nadif. Pero rridu noqogħdu daqxejn attenti!
                                                               Rebecca Mulvaney (Form 2.3)


1 comment:

  1. KOMPONIMENTI INTERESSANTI HAFNA!!!!!!!!!!!!!

    ReplyDelete