Wednesday, April 6, 2011

Djalogu bejn tifla u n-nannu tagħha

“Nann, kif inti? Ġejt narak ftit,” staqsiet Rebecca.
“Qed nieħu gost li ġejt tarani binti, poġġi ħdejja ħa ngħidu kelma,” qal in-nannu.
“Nann, trid nagħmlu belgħa tè qabel ma nibdew nitkellmu?” staqsiet Rebecca.
“Iva, mela le. Grazzi,” wieġeb in-nannu.
“Marelli nannu kif mar id-dawl f’daqqa waħda!” inħasdet u għajtet Rebecca.
“Tinkwieta xejn binti, dawn affarijiet żgħar. Issa nġibu xemgħa u nixgħeluha,” serħilha moħħha n-nannu.
“Nann, kont qed naħseb. Fl-antik kif kontu tgħixu mingħajr dawl?” qalet Rebecca.
In-nannu bi tbissima fuq wiċċu qalilha, “Uuuu… binti intom, il-ġenerazzjoni tal-lum tgħixu ħajja komda u ma jonqoskom xejn. Aħna meta konna żgħar konna nagħmlu x-xogħol tal-iskola bid-dawl tal-lampa tal-pitrolju. Ommi li tiġi l-bużnanna tiegħek, Alla jaħfrilha, ma kinitx taħsel il-ħwejjeġ b’idejha!
“Mur ara lil ommi nann taħsel b’idejha. Kemm teqred kieku!” qaltlu Rebecca.
“Lanqas televixin, arja kondizzjonata fis-sajf jew xi fann ma kellna. Konna nbatu s-sħana tas-sajf,” kompla magħha n-nannu.
“Taf x’qed naħseb nann? Kemm kellkom arja u ambjent nadif aktar mil-lum,” qalet Rebecca, “Aw ara nann, ġie d-dawl! Ħa mmur nagħmel belgħa tè għalina qabel ma jerġa’ jinqata’ d-dawl!”
                                                                                      Rebecca Ellul (Form 1.2)
----------------------------------------------------------------------------------------
It-tifla u n-nannu tagħha kienu fis-salott u f’ħin minnhom qabżet it-tifla.
“Nann, għidli fuq il-logħob li kontu tilagħbu qabel!” qaltlu Sara.
“Daqs kemm kien hemm logħob, lanqas biss naf minn fejn sa nibda!” qal nannuha Fredu, “Kien hemm bosta logħbiet iżda ma kienx xi logħob lussuż bħal m’għandkom illum. L-aktar li konna nilagħbu kienu bil-ħabel, il-passju, il-boċċi, biż-żibeġ, ballun tal-kamoxxa, ħarba u żiemel.”
“Żiemel kif tilgħabha?” staqsiet Sara b’kurżità kbira.
“Konna nsibu xi ħabel twil u norbtuh ma’ spallejn xi ħadd. Wara konna ntellqu bħaż-żwiemel, meta xi ħadd kien ikun qed iżomm il-ħabel minn warajh. Konna niltaqgħu ċorma tfal fit-triq ta’ warajna u dak iż-żmien ma kienx hemm ħafna traffiku,” qal Fredu.
“Liema logħba kienet togħġbok l-aktar?” qabżet minnufih Sara.
“Ħarba, għax kont tajjeb ħafna fil-ġiri. Din il-logħba kienet famuża ħafna mas-subien,” qal Fredu, “Sara mur u għamilli tazza kafè.”
“Ħalli f’idi!” qalet Sara.
Waqt li lestiet belgħa kafè qalet lil nannuha li se jkollha tmur id-dar għax kien sar il-ħin.
                                                                Kimberly Spiteri (Form 1.3)
----------------------------------------------------------------------------------------

“Bonġu nann, kif int?” staqsiet Martina.

“Tajjeb grazzi, u int?” qal in-nannu.

“Jien tajba! Nann, jimporta tgħidli xi ħaġa dwar it-Tieni Gwerra Dinjija?” staqsiet kurjuża t-tifla.

“Mela le, qalbi! Hemm ħafna xi ngħidlek,” wieġeb in-nannu.

“Jien twelidt fis-sena 1932 u kelli tmien snin meta bdiet il-gwerra hawn Malta.  Aħna l-Maltin batejna ħafna għax kien hawn nuqqas ta’ ikel u xorb.  Id-dar tagħna tlifniha għax intlaqtet minn bomba.  Niftakar ukoll meta waqa’ t-Teatru Rjal! Kemm kien iddispjaċiena.  Binja bħal dik li ħadet is-snin biex tinbena imbagħad waqgħet f’sekondi,” kompla n-nannu.

“X’bizgħa! Għidli ftit fuq ix-xelters jekk jogħġbok,” qalet Martina.

“Ahh....Ix-xelters.  Dik il-kelma ġġib ħafna memorji. Niftakar is-sireni jdoqqu xi ħames darbiet kuljum bħala sinjal li hemm bżonn immorru fix-xelters.  Nies jiġru, jaqbżu fuq xulxin biex jilħqu post fix-xelters.  X’hin tidħol tara ħafna nies jgħidu r-rużarju qishom familja waħda. Tgħidx kemm konna nibżgħu!  X’ħin noħorġu l-agħar biċċa għax ħlief tifrik ta’ binjiet u nies imweġġa’ ma tarax,” qal in-nannu waqt li beda jiftakar f’dak iż-żmien ikrah.
“Grazzi nann.  Jekk tkun trid darb’oħra għidli ftit fuq tfulitek,” qalet Martina.

“Iva, mela le! Ċaw pupa, narak!” qal in-nannu ferħan.

                                                                 Martina Abdilla (Form 1.1)
----------------------------------------------------------------------------------------
“Bonġu nannu,” qaltlu t-tifla.

“Bonġu lilek ukoll,” wieġeb in-nannu.

“Jien sejra l-quddies u wara ser immur mal-familja nara l-vari.  Trid tiġi magħna nannu?” staqsiet it-tifla lin-nannu.

In-nannu beda jaħseb ftit u wara qal lit-tifla, “Iva, idea tajba. Sakemm tisma’ l-quddies jien nilħaq nilbes u kif tiġi, jien inkun lest.  Fejn ser tmorru biex taraw l-vari?” staqsieha n-nannu.

It-tifla wieġbet b’entużjażmu kbir fuq wiċċha, “Nannu, l-papà qalli li l-ewwel ser immorru naraw il-vari ta’ Ħal-Qormi u wara mmorru naraw dawk ta’ Haż-Żebbuġ.”

“Tajjeb,” qalilha n-nannu, “kif inkunu hemm nixtrilek u lil oħtok figolla tajba.  Ser inġib miegħi ktieb mimli informazzjoni dwar il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u noqogħdu naqrawh.”

Dak il-ħin bdiet iddoqq il-qanpiena tal-knisja.

“Sejra nannu għax ser tibda l-quddiesa,” qalet it-tifla  u telqet tiġri lejn il-knisja.

Hekk kif spiċċat il-quddiesa t-tifla marret lejn id-dar u sabet lin-nannu u lill-familja jistennewha.

“Tlaqna naraw il-vari,” qalet it-tifla b’leħen għoli.

“Iva tlaqna,” qalilha n-nannu u lkoll flimkien rikbu fil-karozza u marru jaraw il-vari ta’ Ħal Qormi u ta’ Ħaż-Żebbuġ.

                                                           Davinia Agius (Form 1.1)


6 comments: