Tuesday, December 6, 2011

Stampa.


     Tifla iltiema, l-uniċi ħbieb veri li kellha kienu l-kotba. Kienet miexja fi trejqa li tgħaddi għal ġol-wied tal-ħolm. Hemmhekk ħadd ma kien imur għax jgħidu li min jidħol hemm qatt ma kien jiġi lura. Ħafna nies kuraġġużi kienu marru jippruvaw isibu l-verità iżda ħadd minnhom ma mar lura d-dar. 
     Bil-ktieb f'idejha, it-tifla daħlet ġol-wied u bdiet timxi sakemm sabet passaġġ misterjuż. Baqgħat timxi sakemm fl-aħħar lemħet siġra, waħedha, imdawra bil-ħaxix ħażin u fjuri mejta. Fuqha kienu ġejjin raġġi tax-xemx li dawlu l-post kollu. 
     Intefgħet taħt is-siġra għad-dell tagħha u bdiet taqra l-ktieb. Wara xi ftit minuti, għalqet għajnejha u raqdet. F'radda ta' salib kullimkien inbidel. Il-ħaxix u l-fjuri mejtin tbiddlu ġo tapit aħdar tal-ħaxix, imnaqqax 'l hawn u 'l hinn bil-ħmura tal-pepprin. Ix-xemx kienet saħħnet sewwa u l-qtar tan-nida fuq il-ħaxix kienu jleqqu qishom frakk tal-fidda. 
     Bdiet tħossha fil-ġenna tal-art, ħassitha kuntenta. F'daqqa waħda minn fuq il-friegħi tas-siġra bdew niżlin ritratti tagħha ta' ħafna żmien ilu ta' meta hi kellha madwar ħames snin. Rat lil ommha u lil missierha li bħalissa kienu qegħdin igawdu l-ġenna mal-Mulej. Semgħet biki ta' tifla u għalhekk qamet u marret tara minn fejn kien ġej dan il-ħoss. Rat tifla mal-art, mitlufa u waħedha. 
     Fil-bogħod, hi u kif ukoll it-tifla, raw żewġ persuni resqin lejhom li dehru qishom ommha u missierha. Meta dawn resqu viċin, indunat li kienu huma u għalhekk telqet tiġri tgħannaqhom u bdiet tibki bil-ferħ. Fl-aħħar għexet il-ħolma li dejjem xtaqet, dik li tiltaqa' m'ommha u missierha. 
     Ommha qaltilha li dik it-tifla kienet oħtha u ma dawk il-kliem, it-tifla qamet mir-raqda. Sabet ritratt tal-familja kollha f'nofs il-ktieb u bejn il-paġni li kienet qed taqra. 

Miriana Attard (Form 2.1)
----------------------------------------------------------------------------------------------
     O kemm hi sabiħa l-immaġinazzjoni. Santwarju personali, tiegħek biss u ta' ħadd aktar. L-aktar magna impressjonanti fid-dinja hi l-immaġinazzjoni u nista' ngħid bla mistħija li mhux l-ewwel darba li ġriet bija...
     Mela darba kont ġejja lura mill-iskola bla flus, bla kotba u bl-uniformi mqatta'. Din ma kinitx l-ewwel darba li wasalt id-dar f'dan l-istat. Biex inkun onesta, din saret tiġri kważi kuljum. Kien hemm grupp ta' tfal kbar l-iskola tiegħi li wara li tispiċċa l-iskola kienu jduru miegħi, jisirquli l-flus u l-basket jixħtuhuli mal-art. Sa fejn naf jien, ma kienu jagħmluha għall-ebda raġuni partikolari. Meta kont niftaħ qalbi ma' xi għalliema dawn kienu jinjorawni għax jiena ma kontx xi tifla żgħira. 
     Allura, b'danakollu, sirt niftaħ qalbi biss ma' xi ħadd li żgur qatt ma jieqaf jisma' l-problemi tiegħi. Dan ix-xi ħadd huwa d-djarju. Dan id-djarju huwa ktejjeb tan-noti ppersonalizzat li kont qlajt għall-Milied. Il-ktejjeb kien maħdum biex meta jispiċċawlu l-karti, jkun jista' jerġa' jimtela' mill-ġdid. Dan l-oġġett sempliċi kien l-aktar ħaġa għal qalbi fid-dinja. 
      F'dan id-djarju tiegħi, kont nikteb dwar l-avventuri li kienu jseħħu ġewwa moħħi. F'dawn l-avventuri, jien kont nagħmel affarijiet li ma noħlomx li nagħmilhom fir-realtà. Kont inkanta u nirreċta, naqra u nitkellem quddiem ħafna nies, inbeżża' l-"bullies" u ħafna affarijiet oħra. Kont nagħmel dan kollu bil-biżgħa f'din id-dinja li kont ħloqt f'moħħi. Li kieku biss ħajti kienet veru hekk...
      Din l-istampa tfakkarni fid-dinja li ħloqt bil-mod il-mod f'moħħi, fl-immaġinazzjoni. Ikkulurita, sabiħa, u tiegħi biss. 

Mariah Farrugia (Form 2.2)
----------------------------------------------------------------------------------------------
     Għodwa waħda, Kristina kienet miexja fil-kampanja bix-xemx tiżreġ fuqha. Tant kien hemm sħana li Kristina marret tistrieħ ma' siġra. Fi ftit sekondi marret għajnha biha u raqdet. 
     Kristina bdiet toħlom. Ħolmot li rat tfajla ċkejkna miexja lejha. Kristina marret tkellem lil din it-tifla u wara xi mumenti ta' diskussjoni skopriet li jisimha Sinjorina Ċetta, imbagħad ħadu grazzja ma' xulxin u riedet turiha r-raħal tagħha. 
     Meta waslu fir-raħal, Kristina rat bejjiegħa jbiegħu l-frott u ħafna nies u annimali jiżfnu b'mużika ħelwa li kienet għaddejja. Kristina marret tiżfen magħhom u Ċetta ngħaqdet magħha wkoll. F'daqqa waħda Kristina waqfet tħares mistgħaġba lejn il-palazz tar-Re Oraldu. Dan kien fl-agħar tiegħu għax kien ħarab priġunier mill-ħabs u kien se jmur joqtol ħafna nies u għalhekk, ir-responsabiltà kienet waqgħet kollha f'idu. Kristina staqstietha jekk setgħux jidħlu ġewwa u Ċetta mill-ewwel aċċettat. 
     Meta daħlu, Ċetta qaltilha li kellha aċċess għal kullimkien għax kienet l-unika neputija tiegħu. Ċetta riedet turiha kamra li l-familja tar-re biss kienet taf biha, allura staħbew u meta sabu ċ-ċans daħlu ġewwa. Kristina baqgħet b'ħalqha miftuħ u skopriet l-għaliex il-familja tar-re biss kienet taf dwar din il-kamra. Ġewwa din il-kamra kien hemm statwi ta' nies tal-ġebel. Kien hemm nies ta' kull età; tfal, adulti u anki anzjani. Ċetta qalet li dawn xi darba kienu skjavi li m'obdewx lir-re, allura biddilhom fi statwi tal-ġebel. F'daqqa waħda semgħu ħoss stramb u l-istess priġunier li kienu qegħdin ifittxu ġie, qabad lil Ċetta u ħadha. Kristina ma kinitx taf x'se taqbad tagħmel bil-biżgħa li kellha, li qabdet tiġri daqskemm felħet, sakemm tfixklet f'sieqha u waqgħet. 
     Kristina b'qatgħa kbira qamet. Indunat li dak kollu li kien ġralha kienet biss ħolma u ma kien xejn minnu. 

Nicole Agius Markham (Form 2.3)

No comments:

Post a Comment