Saturday, March 24, 2012

Deskrizzjoni ta' persuna fil-klassi tiegħi.

     Xi tmien snin ilu ltqajt ma' persuna li jisimha Laura Abela. Sirt nafha fl-ewwel ġurnata li mort l-iskola. Laura toqgħod Birkirkara u hija tifla waħedha. 
    Hija persuna li tiġbdek ħafna bil-manjieri u s-simpatija tagħha. Hija u titkellem tħobb iċċaqlaq idejha. Għandha ħdax-il sena u hija persuna twila ħafna għall-età tagħha u rqiqa. Għandha xagħarha iswed tuta u nnukklat. Hija tilbes nuċċali tal-vista. Laura għandha par għajnejn kannella. Normalment xagħarha jkun miġbur f'malju. Hija dejjem tilbes pulit u tħobb timxi mal-moda. Tħobb ħafna l-isport, fosthom il-futbol u l-'basketball'. Fost il-passatempi tagħha, hija tħobb taqra, tpinġi u tilgħab bil-kompjuter. 
     Laura għandha qalbha tad-deheb u lest li tgħin lil kulħadd. Hija persuna li lesta li tisma' l-problemi ta' ħaddieħor. L-iktar ħaġa li ddejjaqha hi meta persuna ma tgħidx il-verità u tbati bil-burdati. Laura hija tifla kwieta u dejjem bid-daħka fuq wiċċha. Hija persuna li tħobb tferraħ lil kulħadd u maħbuba minn sħabha. Tħobb l-ugwaljanza u temmen li kulħadd għandu jkun trattat l-istess, tkun ta' liema karnaġġjon tkun. 
     Laura hija persuna li ma nbiddilha ma' xejn u ma tantx issib bħalha. Nixtieq li din ir-relazzjoni bejnietna tibqa' għal dejjem għaliex hija persuna tal-ġenn. 

Amy Caruana (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Fil-klassi qegħdin tmienja u għoxrin tifla. Ftit minnhom ilhom ħbieb tiegħi minn meta bdejt immur l-iskola fl-ewwel sena tal-primarja. 
    Fost l-akbar ħbieb li għandi fil-klassi, hemm Filippa Magro. L-ewwel darba li rajt lil Filippa mal-ewwel ħadt grazzja magħha għax vera gustuża u edukata. Filippa hija minn Ħaż-Żabbar. 
      Għandha xagħarha kannella fl-isfar u twil sa nofs dahrha, għajnejha blu u fuq ħaddejha għandha ftit nemex. Tilbes nuċċali iswed u aħmar u narah li jixirqilha mhux ħażin. Hi rqiqa u mhux twila ħafna. Filippa tagħlaq żmienha fit-tnejn u għoxrin t'April. Filippa hija tifla intelliġenti, daħkana u obbidjenti. 
    Il-passatempi favoriti tagħha huma l-għawm, tistudja u ddoqq il-pjanu. Meta tikber tixtieq issir għalliema tal-pjanu. 
       L-ikel favorit ta' Filippa huwa l-ikel Ċiniż, l-għaġin u l-pizza. Tħobb tiekol ħafna frott u tixrob ħafna ilma. Waqt li ommha tkun qed issajjar, dejjem tgħinha speċjalment meta tkun qed issajjar kejk. Fejn jidħol il-ħelu żaqqieqa mhux ħażin. 
      Il-familja tagħha tikkonsisti minn erbgħa min-nies. Missierha, ommha, oħtha u hi. Oħtha Petra għandha erbatax-il sena u tiġi l-istess skola tagħna. Dawn vera jħobbu lil xulxin għax waqt ir-rikreazzjoni dejjem ikellmu lil xulxin u jaraw għandhomx bżonn xi ħaġa. 
      Jien, għalija Filippa hija tifla paċenzjuża, ħanina u ġenwina għax tħobb tferraħ lit-tfal tal-iskola meta jkollhom xi problema jew ikunu f'xi burdata ħażina. J'Alla nibqgħu ħbieb ta' veru u li ma tibdilx il-karattru ħelu tagħha. 


Maria Spiteri (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Ħabiba li ilni nafha minn mindu kont żgħira hija Kim. Kim hija waħda mill-ħbieb tiegħi li naf li nista' nafdaha u niftaħ qalbi magħha. 
    Kim toqgħod Ħ'Attard, għandha żewġt aħwa - Nathan u Liam. Hija tifla twila u rqiqa; bħali. Għandha xagħarha lewn il-qastan u għajnejha ħodor fil-blu. Wiċċha huwa magħmul żgħir bi ftit nemex u l-ġilda ta' wiċċha ma tantx hi skura. 
    Hi għandha karattru tal-ġenn. Vera tifla simpatika, ċajtieta, ferriħija, titkellem ma' kulħadd u hija tip ta' tifla li rari taraha bin-nervi. Il-mużika favorita tagħha hija l-mużika 'hiphop u r-'rock' u d-diska favorita tagħha hija 'Titanium' ta' David Guetta. Il-platti favoriti tagħha huma l-pizza, l-għaġin u tħobb ħafna kull tip ta' frott. 
     L-attivitajiet li tħobb tagħmel huma li tattendi għal-laqgħat tal-'iscouts', titgħallem il-pjanu, tgħum u ma' sħabha tal-'iscouts' tħobb tagħmel kampeġġ ġewwa Għajn Tuffieħa. Kim tħobb ħafna l-isport ukoll, tħobb ħafna l-futbol, il-baskitbol, in-netbol, il-'waterpolo' u l-għawm. 
     Fil-ħin liberu li jkollha, tara naqra televixin. Tara programmi dwar l-ikel, 'Goodluck Charlie' fuq l-istazzjoni Amerikan u 'Tom and Jerry' ma jonqosx!
      Kim hija l-akbar ħabiba li qatt kelli. Dejjem tkun hemm għalija u tgħinni f'kull ħaġa li jkolli bżonn. It-tbissima fuq wiċċha ma tonqosx u anke ddaħħakni xi tnejn. Kim inti perfetta kif int. Tinbidel għal ħadd!


Claire DeBattista (Form 1.3)

2 comments: