Thursday, January 23, 2014

Komponiment fit-tielet persuna

Kien is-Sibt filgħodu. It-tewmin, Nina u Sara kienu mehdijin fil-kċina. Nina kienet qed tiżbarazza l-kċina u Sara kienet qed tipprepara l-ikel. 

Nina semgħet ħoss ħafif ħafna ta' tħaxwix. Qalet lil Sara u waqfu jissemgħu. Issa l-ħoss kien jinstema' aħjar, kien ħoss ta' brix. Mad-daqqa u l-ħin raw ġurdien għaddej fuq il-bank tal-kċina. Bil-fixkla li ħakmitha, Nina waqqgħet il-munzell platti li kienet se tpoġġi fid-dixx woxer u Sara waqqgħet id-dqiq li kienet qed tuża biex tagħmel l-għaġina għat-torti tal-irkotta.

Nina marret tiġri u qabdet l-ixkupa waqt li Sara qabdet taġen. Nina biex tipprova taqbad il-ġurdien bdiet tagħti daqqiet ta' xkupa mal-bank tal-kċina u tajret kull ma kien hemm fuq il-bank. Il-fruttiera mimlija larinġ, tuffieħ u għajn baqar waqgħet fl-art. Kemm kien hemm frott li beda jittrembel mal-bank u mal-art kollha tal-kċina. Imma l-ġurdien laħaq ħarab. Sara dehrilha li rat il-ġurdien tiela' mal-bankijiet tal-kċina u tat daqqa ta' taġen li laqtet mal-vetrina. Kull ma kien hemm fiha waqa' mal-art. Kien hemm ħoss qawwi ħafna ta' ħġieġ jinkiser. Bil-ħasda, il-ġurdien tela' fuq il-majkrowejv fejn kien hemm kollezzjoni ta' buqari tat-te. Nina u Sara marru jaqbżu fuq il-ġurdien meta fl-istess waqt ħabtu f'xulxin u waqqgħu l-buqari kollha. Reġgħu semgħu t-tħaxwix. Ħarsu 'l fuq u lemħu l-ġurdien jaħrab għal ġol-ġnien. 

Dak il-ħin ħarsu madwarhom u raw id-diżastru li għamlu. Mhux biss ma qabdux il-ġurdien imma ġabu l-kċina fi stat ta' ħerba. 

Nicole Riolo (Form 1.1)
----------

Sa minn mindu kienet żgħira, Klarissa, tifla ta' sitt snin kienet tħobb toqgħod tgħin lil ommha fil-kċina. Ommha, Marija, kienet tieħu gost ħafna tara lil bintha daqshekk imħeġġa biex tgħinha u għalhekk qatt ma qaltilha, "Le."

Fil-kċina, Klarissa u ommha kienu jagħmlu ħafna tisjir u ħlewwiet, fosthom; torti, kejkijiet, pasti u kif ukoll l-ikla tal-ġurnata. Klarissa kienet tieħu l-iktar gost meta jkunu qegħdin jippreparaw l-għaġin biz-zalza u kienet tieħu gost tmur iġġib l-ingredjenti minn ġol-ixkafef u ttihom lil ommha. Ommha, Marija, kienet toqgħod b'seba' għajnejn għat-tfal biex ma tweġġagħhiex. Waqt li tkun qed tgħalli l-għaġin, Klarissa kienet titla' bilqiegħda fuq il-bank għoli ta' ħdejn il-forn. Darba waħda, waqt li omm Klarissa kienet qed tgħalli, daqq it-telefon. 

Dak il-ħin stess beda jagħli l-misħun u l-ħoss ta' tbaqbiq ġibed l-attenzjoni ta' Klarissa, li f'dak il-mument ħarset ġol-borma. F'minuta, Klarissa tilfet il-bilanċ u biex iżżomm, bla ma taf kif, daħlet idha ġol-borma. Xħin ħasset il-ħruq, hi bdiet tibki u ommha xħin semgħet il-biki, telqet it-telefon u ġriet lejn il-kċina. Ħadet qatgħa kbira u wiċċha sar abjad karti, kif rat lit-tifla mismuta. Mill-ewwel ġriet lejn l-isptar. 

Din l-esperjenza għaddie iżda idejha baqgħatilha b'marka fuqha. It-tisjir sar l-aktar xogħol li jġibilhom memorji koroh. 

Emma Bondin (Form 1.2)
----------

Diksie u Piksie kienu żewġt iklieb kbar ħafna. It-tnejn kienu mqarbin ħafna b'pil abjad u iswed. Diksie kien 'pitbull', filwaqt li Piksie kien 'parolee'. Kienu jinżammu fi ġnien ġo dar kbira ta' wieħed jismu Aaron. Aaron dejjem kien isakkru l-bieb tad-dar għax kien jaf li l-klieb kienu jafu jiftħuh. Iżda darba nesa, ħareġ jixtri u wara xi għaxar minuti bdiet tqattar ix-xita u bħas-soltu l-klieb marru jipprovaw jiftħu l-bieb u sabuh miftuħ. 

Diksie u Piksie malajr daħlu ġewwa. Qagħdu jħarsu ftit madwarhom u poġġew mal-art. Bilkemm laħqet għaddiet minuti li ma xammewx il-laħam li kien sajjar Aaron għalih għal filgħaxija. 

Il-klieb iġġennu, fetħu l-friġġ u f'kemm ili ngħidlek il-kċina ġabuha ta' taħt fuq u għamlu ħerba sħiħa. Diksie u Piksie faqgħu żewġt ifliexken tal-ilma u billi saqajhom kienu mimlijin tajn u ilma, bdew jimmarkaw bil-passi kull fejn kienu qed jgħaddu. Qellbu l-barmil tal-iskart u ħarġu l-affarijiet kollha li kien hemm ġo fih. Il-kċina issa kellha riħa tinten pesti.

Wara li għaddiet xi siegħa, wasal Aaron u xħin daħal fil-kċina ħa qatgħa kbira. Sar abjad karti bix-xena li ra quddiem wiċċu... Qarras wiċċu u kemmex xofftejh. Aaron kien iridha dejjem warda, kollox perfett, imbagħad imur lura d-dar u jsib hekk!

Meta ra l-passi, malajr induna min kien qajjem dan il-ġenn u bħal iblah, beda jgħajjat mal-klieb u jagħmel qorti. Fl-istess ħin ma kienx it-tort tiegħu li nqala' dan il-ġenn, allavolja saret bit-traskuraġni tiegħu stess. Ma tantx dam jaħsibha u mal-ħaġra t-tajn beda jiżbarazza kollox. 

Il-kċina ġietu biz-zalza għax kellu jixtru forn, friġġ u mejda mill-ġdid għax sabhom mibruxin u mkissrin. Sakemm żbarazza kollox sar ilma imma meta lesta, kollox kien pinna u Aaron ħa r-ruħ. Minn dakinhar 'l hawn, qatt u qatt ma reġa' ħalla l-bieb miftuħ, u lil Diksie u Piksie dejjem ħallhielhom x'jieklu u x'jixorbu. 

Elisa Micallef Peplow (Form 1.3) 

No comments:

Post a Comment