Wednesday, October 1, 2014

Is-Serqa - Rakkont fil-Preżent.

Illum is-Sibt, għadna kif xtrajna mis-supermarkit "Arkadia" u bi ħsiebna mmorru passiġġata max-xatt tal-baħar. Naqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq u nsibu ruħna quddiem l-istabbiliment ta' "Diamonds International."

Ħabta u sabta, vann griż jieqaf quddiemna. Erbat irġiel, armati, libsin l-iswed u mgħammda, jaqbżu 'l-barra mill-vann. Tlieta minnjom jidħlu sparati għal ġol-istabbiliment. L-ieħor li jilmaħna, jaqbadna u b'pistola ppuntata għal wiċċna, jgħidilna biex nidħlu miegħu. Imsarni jinżlu f'saqajja. 

Fil-ħanut hemm żewġ assistenti li jidhru mwerwrin. Tnejn mill-ħallelin qegħdin jgħajtu mal-assistenta biex tagħtihom iċ-ċwievet għall-vetrini mimlijin djamanti. Għall-ewwel din ma tridx tkun taf u wieħed mill-ħallelin jagħtiha daqqa ta' ħarta fuq wiċċha. Sadanittant l-assistent l-ieħor li huwa raġel, jaqbeż qabża għal fuq il-ħalliel li weġġa' lill-mara, iżda wieħed mill-ħallelin l-oħra, ikun pront biex jagħtih daqqa ta' pistola fuq nagħsu. L-assistent jintilef minn sensih. Il-mara b'id waħda tirtogħod, tnewlilhom iċ-ċwievet u bl-oħra naraha tagħfas xi buttuna ħamra. Inħares madwari u nispera li ħadd ma nduna li għamlet hekk. Inħossni ftit aħjar li hemm xaqq ta' tama li ser noħorġu minn dan il-ħmar il-lejl!

F'radda ta' salib ibattlu żewġ vetrini sħaħ mimlijin djamanti u jpoġġuhom ġo borża sewda. Hekk kif jaslu għat-tielet waħda, jinstemgħu ħafna sireni jdoqqu. L-istabbiliment huwa mdawwar bil-karozzi tal-pulizija! Fil-pront jinstema' l-leħen tas-surġent li qed jordnalhom biex iċedu l-armi u joħorġu barra b'idejhom 'il fuq. Wieħed mill-ħallelin jipprova jaħrab bid-djamanti u jaqbeż għal ġol-vann, iżda l-pulizija huma pronti u jisparaw fuq ir-roti tal-vann li jkollu jieqaf ħesrem.

Il-pulizija jarrestaw lill-erba' ħallelin li kienu ser jaħarbu b'xi miljun ewro ta' djamanti! X'avventura tal-biża' kienet din! Nirringrazzja lil Alla li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid. Nispera li qatt ma nerġa' ninqabad f'sitwazzjoni bħal din! 

Amber Pillow (Form 2.1) 
-----------

Illum is-Sibt filgħodu. Għadha kif telgħet ix-xemx. Bakkart għax għal xi raġuni jew oħra ma nistax norqod. Stenbaħt xi għaxar darbiet dal-lejl. Qalbi teħbirni li ser tiġri xi ħaġa stramba. Tassew stramba. 

Normalment kif inqum nixgħel il-kittla, nagħmel belgħa kafè, iżda llum m'għandix aptit. Xi dwejjaq hawn! Naħseb li l-aħjar ħaġa li nagħmel hi li noħroġ nagħmel passejn. Bħalissa għaddejja minn fejn ħanut tal-ġojjellerija. Bilħaqq 'il ommi għadni ma xtrajtilha xejn għal għeluq sninha. La qiegħda hawn aħjar nara x'għandu. Dak il-pendent ikun jixirqilha lil ommi. Hawnhekk anki prezzu sabiħ. Dal-ħoss x'inhu? Dak... ħalliel! Aħjar immur nistaħba u nċempel lill-pulizija qabel ma jkun tard wisq. Nispera li ma jismagħnix. Il-pulizija għandhom jiġu mill-aktar fis possibbli. Dak ħiereġ. X'ser nagħmel? Mhux sew jgħaddiha lixxa. Imma issa ilni ftit li ċempiltilhom. Nispera li ma weħlux fit-traffiku. 

Il-ħalliel jidher li għandu ħafna oġġetti ta' preġju u valur. Naf x'nagħmel, għandi idea. Nagħtih gambetta! Fil-pront ġew il-pulizija. Jien ilħaqt kxiftlu l-maskra u ħadtlu ritratt. Il-pulizija baqgħu b'ħalqhom miftuħ u wara tgħidx kemm irringrazzjawni. Il-ħalliel prova jiċħad iżda mir-ritratt li ħadtlu ma tantx seta'. Issa qed jinfurmaw lil sid il-ħanut. Dan ġej b'mod immedjat. Ma tantx bdieha sew il-ġurnata, miskin! Sid il-ħanut wasal issa. Tgħidx kemm qed ifaħħarni għall-kuraġġ li wrejt. Hu qiegħed joffrili xi ħaġa li rrid b'xejn. Jien għażilt il-pendent. 

L-aqwa li spiċċa kollox b'wiċċ il-ġid. Għadu kif ċempilli s-surġent u qed jispjegali kif il-ħalliel seraq madwar elfejn ewro. Ħa jkolli mmur għax irrid intihulha u... żomm waħda! Dik mhux jien fuq l-aħbarijiet?!

Natalia Mangion (Form 2.2) 
----------

Ta' kull filgħodu nħobb nisma' l-quddiesa tas-sitta u nofs. Wasalna ftit tard, allura bqajna fuq wara biex ma ntellfux lin-nies ta' madwarna. Innotajt li kien wasal iż-żmien biex idaħħlu l-affarijiet tal-festa lura fil-maħżen. Ftit qabel l-omelija, nara raġel li jidher la s-sagristan u lanqas wieħed minn dawk li jgħinuh. 

Għandu kaxxa mdaqqsa tal-injam, biċċa tat-tfarfir u xkupa. Qiegħda narah ipoġġi d-deheb ta' fuq il-Madonna fil-kaxxa l-kbira li għandu. Stramba li qiegħed waħdu għax is-soltu dejjem ikun hemm tnejn jew aktar. Jiġbor il-kaxxa u beda miexi lejn il-konfessjonarju. Qed narah ħiereġ mingħajr il-kaxxa u miexi lejn il-bieb li jagħti għall-kampnar u baqa' dieħel. Nitlaq minn ħdejn ommi dritt għal warajh. Niftaħ il-bieb li hu għalaq u bla ma nagħmel storbju nitla' l-ewwel tarġiet tal-garigor. Fil-pront nisimgħu jitkellem fuq it-telefown ma' xi ħaddieħor. "Il-bieb tal-kampnar miftuħ u ħa ninżel minn mal-'iscaffolding' li hemm mal-faċċata tal-knisja għar-restawr. Ninżel fil-ħdax ta' billejl. Stennewni isfel." 

Kif nisma' hekk, indur u nitlaq mill-garigor dritt għal ħdejn ommi biex ngħidilha x'qiegħed jiġri. Minnufih spjegajtilha b'kollox li kont għadni kif smajt. F'ħakka t'għajn, ġrejna 'l barra mill-knisja u bqajna sejrin dritt għall-għassa. Għidt kollox lill-ispettur li kien xiħ u twil. Dan talabni biex immur magħhom billejl ħalli nikkonferma li l-persuna tkun l-istess waħda - dejjem protetta mill-pulizija - ovvjament! Kif dalam u saru l-għaxra, bdejna nsuqu sal-knisja, ma' numru ta' karozzi oħrajn. Imxejna sal-'iscaffolding.' Fil-ħdax rajnieh jinżel u għidt 'l-ispettur. Stennewh jinżel u wara ftit irrealizza li hemm il-pulizija. 

Cloe Bonello (Form 2.3) 

No comments:

Post a Comment