Wednesday, October 19, 2016

Komponiment dwari

Jien jisimni Carla Falzon iżda sħabi jafuni bħala Ċaksi. Għandi ħdax-il sena u qiegħda fl-ewwel sena tas-sekondarja. Jien l-ewwel wild fil-familja tiegħi u għandi oħti iżgħar minni u noqgħod San Ġwann. 

Jien inqis ruħi bħala tifla responsabbli u nistinka biex nagħmel mill-aħjar fl-iskola. Għandi ħafna ħbieb f'ħajti u nħobb nikkomunika u nsir naf lil nies ġodda kull fejn immur. Nieħu pjaċir meta fil-ħajja niltaqa' ma' sitwazzjonijiet differenti li jgħallmuni affarijiet ġodda kuljum. 

Il-ħolma tiegħi, għal meta nikber, hija li nsir ballerina professjonali. Bħalissa jien nattendi l-lezzjonijiet taż-żfin klassiku ħames darbiet fil-ġimgħa. Nattendi dawn il-lezzjonijiet mal-ħabiba tiegħi tal-qalb, Ella. Ta' spiss ommi tirrabja miegħi għax indum biex ninżel wara l-lezzjoni minħabba li jien u Ella nintilfu nitkellmu. Infatti, jgħidulna d-di u d-do.

Alla biss jaf x'inhu ġej fil-futur iżda jien nemmen li fil-ħajja kemm jista' jkun għandi nkun pożittiva fi ħsibijieti u b'daħka fuq fommi. B'hekk nista' nkun aktar kuntenta. Fuq kollox wara l-maltemp jiġi l-bnazzi!

Carla Falzon (Form 1.3)
-----

Bħal ħafna tfal oħra, il-ġimgħa tiegħi hija bieżla ħafna. Bħal ma jgħidu, filli t-Tnejn u filli l-Ġimgħa! Lanqas inkun naf kif għaddiet il-ġimgħa tiegħi!

Kull filgħodu kif inqum, nipprepara għall-iskola. Il-vann iwassalni lura għand in-nanna, peress li l-mamà u l-papà jkunu għadhom ix-xogħol. Jien inbiddel, niekol u nagħmel ix-xogħol għad-dar illi jagħtuna l-iskola. Meta l-mamà tiġi għalija, immur id-dar u nitma' 'l-fenka tal-indi tiegħi. Jien inqatta' ftit ħin ħdejha, imbagħad immur naqra ftit u nipprattika l-pjanu. 

Peress li jien immur xi attivitajiet wara l-iskola, jien ikolli fejn immur kuljum! Nhar ta' Tnejn, immur għal-lezzjoni tal-pjanu. Nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis immur għal-lezzjoni tad-duttrina u kull nhar t'Erbgħa u kull nhar ta' Ġimgħa, immur għal-lezzjoni tal-'ballet.'

Fi tmiem il-ġimgħa, kif inqum, nieħu l-kolazzjon u mbagħad nibda nistudja. Jien nagħmel ftit teorija, naqra, niekol f'nofsinhar u mmur nistrieħ. Nhar ta' Sibt, jiena nnaddaf il-gaġġa tal-fenka tal-indi tiegħi u filgħaxija (jekk it-temp jippremetti) noħroġ mal-familja tiegħi. Il-Ħadd f'nofsinhar, il-familja tiegħi, flimkien mal-kuġini, immorru niltaqgħu għand in-nanna min-naħa tal-mamà jew għand in-nanna tan-naħa ta' missieri. Aħna nieklu hemm u mbagħad mmorru xi dawra fil-kampanja jew passiġġata fejn il-baħar. Filgħaxija nerħulha lejn id-dar ħalli nistrieħu qabel ma terġa' tibda ġimgħa bieżla oħra. 

Jien nispera li nibqa' f'saħħti biex inkun nista' nkompli nagħmel dawn l-affarijiet tant sbieħ u nkun nista' niżviluppa dawn it-talenti li tani Alla. Kif jgħid il-qawl Malti, "dak li jagħmel Alla, ma jħassru ħadd," u allura jien nirringrazzjah għal kull ġurnata sabiħa li jagħtina!

Martina Micallef (Form 1.2)
-----

Jisimni Andrea Riolo. Għandi ħdax-il sena u noqgħod fiċ-ċentru tal-Mosta ftit lil hinn mir-Rotunda. Min jafni, jaf li jiena enerġetika ħafna. Ħafna jgħidu li m'għandix kwiet f'ġismi u l-ħin kollu rrid nagħmel xi ħaġa.

Il-ġimgħa tiegħi dejjem tkun mimlija daqs bajda. Wara l-iskola qatt ma ssibni d-dar. Il-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tiegħi nqattgħu nipprattika ż-żfin klassiku. Immur ħames lezzjonijiet fil-ġimgħa. Fil-fatt, il-ġurnata favorita tiegħi hija l-Ħamis għax ikolli żewġ lezzjonijiet taż-żfin u waħda minnhom immur fuq ponot subgħajja, "en pointe" bħall-ballerini professjonali. 

Għalkemm għadna fir-raba' ġimgħa tal-ewwel sena tas-sekondarja, is-sistema diġà togħġobni aktar minn dik tal-primarja għax ħafna aktar organizzata. Waħda mill-affarijiet li jogħġbuni huma l-għaqdiet u s-suġġetti l-ġodda. L-aktar ġurnata li nkun qed nistenna hija l-Ħamis għax ikoli l-lezzjoni tal-fotografija. Kull ġimgħa jkollna tema differenti u b'hekk jintlaqtu l-gosti ta' kulħadd. B'mod speċjali, inkun qed nistenna ż-żewġ lezzjonijiet tal-għawm fil-ġimgħa u għalkemm l-ilma jkun iffriżat, inkun qed nistennieha bil-ħerqa. 

Fi tmiem il-ġimgħa, inħobb inqum tard u nqatta' kemm jista' jkun ħin mal-familja tiegħi. Is-Sibt filgħaxija mmorru l-familja kollha għand iz-zija u noqgħod nilgħab mal-kuġini. Il-Ħadd, immorru piknik fil-kampanja jew inkella mmorru ġurnata ħdejn il-baħar. Jien nippreferi meta morru l-baħar għax magħna nieħdu l-kajjikk u jien u missieri nagħmlu t-tlielaq fuq il-baħar. 

Bla dubju, l-aktar ħaġa li togħġobni fid-dinja hija ż-żfin. Il-ħolma tiegħi hi li mmur nistudja ż-żfin f'Londra ma' kumpanija professjonali u nsir "Prima Ballerina." Mill-banda l-oħra l-aktar affarijiet li nobgħod nagħmel huma li naħsel u nnaddaf, u aħjar ma nafx xi tqabbadni milli tqabbadni nnaddaf, speċjalment il-kamra tal-banju!

Andrea Riolo (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment