Tuesday, February 7, 2017

Rakkont fit-tielet persuna

Kien is-Sibt filgħodu. It-tewmin, Lara u Emma kienu mehdijin fil-kċina. Lara kienet qed tiżbarazza l-kċina u Emma kienet qed tipprepara l-ikel. 

Lara semgħet ħoss ħafif ħafna ta' tħaxwix. Qalet lil Emma u waqfu jissemmgħu. Issa l-ħoss kien jinstema' aħjar, kien ħoss ta' brix. Mad-daqqa u l-ħin raw ġurdien għaddej fuq il-bank tal-kċina. Bil-fixkla li ħakmitha, Lara waqqgħet munzell platti li kienet se tpoġġi fid-'dish washer' u Emma waqqgħet id-dqiq li kienet qed tuża biex tagħmel l-għaġina għat-torti tal-irkotta. 

Lara marret tiġri u qabdet l-ixkupa waqt li Emma qabdet taġen. Lara, biex tipprova taqbad 'il-ġurdien, bdiet tagħti daqqiet ta' xkupa mal-bank tal-kċina u tajret kull ħaġa li kien hemm fuq il-bank. Il-fruttiera mimlija larinġ, tuffieħ u għajn baqar waqgħet mal-art. Kemm kien hemm frott li beda jittrembel mal-bank u mal-art kollha tal-kċina! Il-ġurdien laħaq ħarab.

Emma dehrilha li rat 'il-ġurdien tiela' mal-bankiiet tal-kċina u tat daqqa ta' taġen tant kbira li laqtet il-vetrina. Kull ma kien hemm fiha waqa' mal-art. Kien hemm ħoss qawwi ħafna ta' ħġieġ jinkiser. Bil-ħasda, il-ġurdien tela' fuq il-'microwave' fejn kien hemm kollezzjoni ta' buqari tat-te. Lara u Emma marru jaqbżu fuq il-ġurdien meta fl-istess waqt ħabtu f'xulxin u waqqgħu l-buqari kollha. Reġgħu semgħu t-tħaxwix. Ħarsu 'l fuq u lemħu 'l-ġurdien jaħrab għal ġol-ġnien. 

Dak il-ħin ħarsu madwarhom u raw id-diżastru li għamlu. Mhux biss ma qabdux 'il-ġurdien imma ġabu l-kċina fi stat ta' ħerba.

Alexia Spiteri (Form 1.3)
-----

Kien wasal l-anniversarju tal-ġenituri ta' Fiona u Olivia, żewġt aħwa. Ġiethom ix-xoqqa f'moxtha u ddeċidew li jsajru ikla sorpriża għal ommhom u missierhom, waqt li dawn ikunu għadhom ix-xogħol.

Fiona u Olivia ħerqanin, bdew jippreparaw il-borom, l-ingredjenti u l-fradal biex isajru. Wara ħafna ħin ta' diskussjoni, l-aħwa qatgħuha li jsajru għaġin biz-zalza. Olivia ddeċidiet li tlesti l-borma bil-misħun u tgħalli l-għaġin u Fiona ddeċidiet li tagħmel iz-zalza. F'qasir żmien, bdew isajru. 

Waqt li kienu qed isajru, Fiona waqqgħet xi qoxra tat-tadam u nsiet tiġborha. Olivia tefgħet l-għaġin fil-borma u xħin rat li l-għaġin kien sar, tfiet il-kuker, qabdet il-borma u mxiet biha għal ħdejn is-sink. Sfortunatament, hi żelqet fuq il-qoxra tat-tadam li waqqgħet oħtha. Il-misħun u l-għaġin fil-borma tar u spiċċa fuq id Olivia. Tgħidx kemm bkiet! Qabdu jippanikjaw u ċemplu lill-ġenituri tagħhom. Huma malajr ġew u ħadu lil Olivia l-isptar.

Għall-ġenituri ta' Fiona u Olivia, ma kienx l-isbaħ anniversarju u s-sorpriża sfaxxat fix-xejn. Minflok għamlu ikla bnina, spiċċaw bi kċina li spiċċat diżastru. Għall-inqas Olivia ma kellhiex ġrieħi gravi. Dan l-inċident seta' ġie evitat bi ftit aktar attenzjoni!

Martina Buttigieg (Form 1.1)
-----

Il-ħajja hija mimlija esperjenzi u avventuri. Xi drabi ngħaddu minn esperjenza li ma nkunu qatt ħlomna li ser ngħaddu minnha u għalhekk ma nkunux qed nistennewha. Hekk ġralha z-zija tiegħi meta nħarqet il-kċina tagħha. 

Kien il-Ħadd filgħodu u bħas-soltu z-zija Marija kienet qed tipprepara l-ikel għal nofsinhar. Il-kuġina kienet ilha tgħidilha sabiex taqli l-patata. Għalhekk iddeċidiet li taqtgħalha xewqitha. 

Iz-zija Marija hija mara qalbha tajba ħafna. Kienet taħdem bħala ħajata li jkollha x'tagħmel ħafna. Taħdem daqs kelb u dejjem bin-nies id-dar. Dakinhar, eżatt kif tefgħet iż-żejt fit-taġen, ċempel it-telefown. Waqt li kienet qed titkellem, nesiet iż-żejt u fid-daqqa u l-ħin bdiet tara d-duħħan ħiereġ. 

Iz-zija Marija ħarġet fil-gallarija sabiex tgħajjat għall-għajjut u b'xorti tajba kien hemm raġel miexi fit-triq u malajr ċempel lil tat-tifi tan-nar. Il-pumpiera malajr tfew in-nar iżda l-kċina saret ħerba sħiħa. Kien hemm duħħan kullimkien id-dar tagħha. 

Dakinhar aħna morna nżuru liz-zija Marija u rajnieha tnaddaf il-kċina mill-ħruq. Kien hemm kullimkien mimli duħħan. Iz-zija kellha qatgħa kbira fuqha għax ma setgħetx temmen kif seta' ġralha hekk! Qatt f'għomorha ma ħasbet li ser tgħaddi minn esperjenza kerha bħal din iżda li għandha tirringrazzja 'l Alla li kollox għadda b'wiċċ il-ġid. 

Jade Gerada (Form 1.2)


No comments:

Post a Comment