Monday, March 27, 2017

Riċensjoni ta' Ktieb

Il-ktieb favorit tiegħi bħalissa huwa "Tereża" miktub minn Deborah Abela u addattat għall-Malti minn Leanne Ellul u Clare Azzopardi. L-iskola ta' dan il-ktieb huwa li n-nies ikunu jafu kif kienet il-ħajja fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Tereża hija l-karattru prinċipali u dan il-ktieb jirrakkonta tfulitha. Din il-povra tifla kienet tgħix fil-gwerra u dak iż-żmien, il-ħajja ma kinitx faċli għall-Maltin. Tereża u familtha batew il-ġuħ u saħansitra tilfu darhom ukoll. L-Awstralja ser tkun id-dar il-ġdida ta' Tereża, b'futur promettenti jistennieha. Il-vjaġġ huwa twil u diffiċli, u Tereża bdiet taffaċċja nies ġodda meta waslet, fosthom il-'bullies.' Tereża hija ċerta li ser tagħmel lil familtha u l-Malta kollha kburin, fil-futur u dejjem talbet lil Alla jħarisha minn kull għajn.

Il-karattru favorit tiegħi huwa Albert. Dan kien suldat fil-gwerra u bata ħafna. Żmienu fil-gwerra kien żmien ta' agunija għax tilef lil sħabu f'kamp tal-konċentrament. Huwa jbati b'marda jgħidulha 'Battle Fatigue,' tkun qisek imweġġa' imma ma jkollokx feriti jew għadam miksur, allura tkun aktar diffiċli biex tfieq minnha. Alla skont il-muntanja jagħtiha s-silġ u kien hawn li sab lil Tereża li tgħinu jbiddel ħajtu u min-naħa l-oħra hu jsalvaha mill-'bullies.'

L-istorja fiha ħafna azzjoni. Il-ħajja fi żmien il-gwerra kienet mgħaġġla, b'ħafna nies jiġru 'l hawn u 'l hinn, u jippruvaw igawdu l-ftit ħin sabiħ li kellhom. Fl-Awstralja l-ekonomija hija żviluppata u fit-triq ikun hemm ħafna traffiku, b'serbut karozzi wara xulxin, għaliex kulħadd għaddej bi ġlieda kontra l-ħin.

Il-ktieb jogħġobni għax Tereża hija eżatt bħall-awtriċi meta kienet żgħira, enerġetika u għalkemm kienet tgħix fi żmien ferm diffiċli, ħajjitha kienet tgawdiha u żżommha mimlija daqs bajda.

Martina Cortis (Form 2.2)
-----
 "L-Istejjer tar-Ronnie" ta' Joe Friggieri... kemm daħħakni! Qrajt il-ktieb u spiċċajt nogħxa bid-daħk! Veru ktieb sabiħ, interessanti u bi kliem sempliċi, perfett għalina t-tfal. Jekk inti ma tħobbx kotba tan-niket u tad-dwejjaq imma tħobb kotba tal-ferħ u tad-daħk, dan huwa l-ktieb perfett għalik!
X'taħseb li jismu l-protagonist? Ovvjament jismu Ronnie imma n-nies tar-raħal jgħajtulu r-Ronnie. Dan huwa raġel simpatiku u li jagħmel ħafna diżastri. Għandu familja t'erbat itfal, tarbija, tewmin imżewqin u tifel kbir. Dan il-ktieb huwa fuq il-ħajja tar-Ronnie li jinkludi kull tip t'aspett fil-ħajja Maltija. Ġo dan il-ktieb hemm sebgħa u għoxrin kapitlu kollha tad-daħk u ċajt imma llum ħa nkellimkom fuq tnejn biss.

"Id-Dramm tal-Passjoni" huwa l-erbatax-il kapitlu. Din l-istorja hija fuq ir-Ronnie li ta' kull sena daħal biex jieħu sehem fid-dramm ġos-sala tal-knisja u għamel il-partijiet kollha ħlief dawk li fihom irid jitkellem.Din is-sena hu lagħbha tal-ħalliel il-ħażin u kellu jgħid sentenza waħda. Ma setax  jiftakarha bl-ebda mod imma qabel ma ħareġ fuq il-palk fakkruhielu. Issa... Il-kapitlu li jmiss huwa "Il-Kwiżż." Din l-istorja hija fuq kwiżż li jieħu sehem fih ir-Ronnie li jintwera fuq it-televiżjoni. Hu wieġeb il-mistoqsijiet kollha tajbin għal sitt ġimgħat sħaħ. Wara, waslet il-finali u ma nistax ngħid! Biex tkunu tafu x'ġara waqt id-dramm u jekk rebaħx il-kwiżż jew le, aqraw il-ktieb. 

Joe Friggieri, l-awtur tal-ktieb, twieled fl-1946 ġewwa Ħal-Lija. Hu kien professur tal-Filosofija, poeta, direttur tad-drammi u senat tal-Università tya' Malta. Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu tliet volumi ta' poeżiji, tliet ġabriet ta' stejjer qosra, numru ta' drammi u bosta aktar. Hu rebħa ħafna premji tal-letteratura fosthom in-'National Literacy Prize' għal tlett darbiet. 
Giulia Grech (Form 2.1)
-----

"Bella Berger" huwa ktieb li jogħġobni ħafna. Dan huwa ktieb fuq tifla li jisimha Bella li ma kinitx komda b'persunitha. Dawk kollha ta' madwarha jibqgħu jinkuha biex tinbidel. 

Dan il-ktieb huwa fuq tifla li tixtieq tkun bħal ħabibtha Jasmine li għandha l-għadam l-għadam ta' ġenbejha mqabbżin 'il barra jew bħal oħtha Darlene, b'figura ta' ballerina. Qatt ma taraha b'xi libsa jew dublett, dejjem bil-'jeans' u flokk kbir ħafna, għal kull okkażjoni. In-nanna ta' Bella għenitha ħafna u tagħtina naqra kunfidenza imma Bella dejjem moħħha f'dawk ta' madwarha u trid tara dawk l-affarijiet li għandhom li jagħmluhom aħjar minnha. 

Bella xtaqet issir attriċi bħal nannitha u kienet tieħu ħafna interess fid-drama. Bella waqfet tiekol u biex tirqaq din saret marda li ħafna żgħażagħ jgħaddu minnha. Hija mardet imma n-nanna baqgħet tipprova tgħinha u tagħtiha l-kuraġġ. Bella kienet lesta biex tinbidel. 

Dan il-ktieb jogħġobni ħafna għax naħseb li jgħin ħafna lin-nies, speċjalment nies li huma għaddejjin minn dik il-marda, jagħmel kuraġġ lill-persuni u jurihom li huma m'għandhomx għalfejn joqogħdu jinkwetaw fuq dak li jgħidu ta' madwarhom. Meta Rita Saliba kitbet dan il-ktieb hi wkoll għaddiet minn affarijiet simili f'ħajjitha u tisħaq dwar il-fatt li kulħadd jgħaddi minn stadji bħal dawn f'ħajtu. 

Rebecca Poulton (Form 2.3)


No comments:

Post a Comment