Friday, October 13, 2017

Jien

Jien jisimni Courtney Magri u għandi ħdax-il sena. Noqgħod il-Ħamrun ħdejn il-Liċeo. Għandi xagħri u għajnejja kannella u għandi ġilda bajdanija. 

Wara l-iskola mmur nagħmel ix-xogħol tad-dar u nistudja. Jekk ikolli xi ħin liberu noqgħod nilgħab fuq il-mowbajl. Ġieli jkolli xi attività bħall-'ballet' u l-mużew. Fi tmiem il-ġimgħa nlesti xi xogħol tad-dar li forsi ma nlaħħaqx nagħmel matul il-ġimgħa. Inħobb nilgħab xi logħba fuq il-kompjuter u filgħaxija noħroġ mal-familja. 

Jien inħobb niżfen u nagħmel il-ġinnastika fil-ħin liberu tiegħi. Inħobb inpinġi u naqra wkoll. Il-kotba favoriti tiegħi huma "Pietru Pitravu" u "Ġrajjiet in-Nannu Ċens." Jien ma nħobbx l-insetti u u 'l-annimali perikolużi. Għandi żewġt iklieb jisimhom Marley u Maya u qishom id-di u d-do. Dawn ma joqogħdux fid-dar tagħna iżda fid-dar tan-nanna. Jiena avventuruża u nħobb immur fuq rikbiet tal-logħob tal-biża'. 

Darba kont qed ninħasel u rajt brimba mal-ħajt u ppanikjajt għax ma kontx naf jekk hijiex velenuża jew le, u ħriġt niġri mid-doxxa. Esperjenza oħra kienet meta mort il-baħar u rajt serp kbir. Ġratli l-istess ħaġa għax ma kontx naf jekk huwiex velenuż u ġrejt kemm stajt. Minn dakinhar 'l hawn bdejt nibża' mill-annimali velenużi però nħobb 'l-annimali domestiċi kollha. 

La nikber nixtieq insir għalliema jew żeffiena. Nixtieq insir għalliema għax inħobb ngħallem lit-tfal u nixtieq insir żeffiena għax dak hu d-delizzju tiegħi.

Courtney Magri (Form 1.1)

No comments:

Post a Comment