Wednesday, January 25, 2012

Reklami

Studenti tal-Form 1.1





----------------------------------------------------------------------------------------------
Studenti tal-Form 1.2





----------------------------------------------------------------------------------------------
Studenti tal-Form 1.3







Tuesday, January 17, 2012

Ittra Formali


                                                                                    77, "Marija",
                                                                                    Triq tal-Furnar,
                                                                                    Swieqi, SWQ 7421


                                                                                    L-10 ta' Jannar, 2012


Skola Santa Dorotea, 
Triq L-Imdina,
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 4567


Għażiża Sinjura Cuschieri, 


Peress li jiena studenta u nisma' l-istudenti jilmentaw u naħseb bħall-istudenti l-oħra, nixtieq nagħti ftit suġġerimenti biex nagħmlu differenza fl-iskola tagħna ħalli l-istudenti ta' Santa Dorotea ma jaħsbux li l-iskola huwa post għall-edukazzjoni biss imma biex fih jieħdu gost jiġu jitgħallmu jew jiddevertu u biex ma jaħsbux fin-negattiv biss.

Dan l-ewwel suġġeriment li kulħadd ilu jitkellem dwaru huwa biex il-ħin tar-rikreazzjoni jitwal għal xi għaxar minuti iżjed għaliex aħna nixtiequ li nistgħu nieklu bil-kalma jew li naqraw xi kotba mingħajr għaġla. It-tieni suġġerimenti huwa biex ikollna għażla ikbar t'ikel ġol-kantin għax m'hemm xejn ħlief pizza u xi bars taċ-ċereali. 

L-aħħar suġġeriment huwa biex ikun hemm iktar post fejn noħorġu waqt il-ħin tar-rikreazzjoni. Aħna għandna bitħa u librerija però niddejqu ġol-istess post kuljum. Fi skejjel oħra hemm postijiet oħra fejn tilgħab futbol u basketball u aħna m'għandniex post kbir biżżejjed biex nagħmlu dawn l-affarijiet. Jekk jogħġbok aħseb ftit fuq dawn is-suġġerimenti li tajtek. 

                                                                                         Tiegħek,
                                                                                            (firma)
                                                                                        Thea Sklyarov. 

Thea Sklyarov (Form 2.1)
----------------------------------------------------------------------------------------------

                                                                                    1, "Il-Kenn",
                                                                                    Triq il-Waqqafa,
                                                                                    Mosta, MST 4480

                                                                                    L-10 ta' Jannar, 2012

Sor Doreen Cuschieri,
Kap tal-iskola ta' Santa Dorotea, 
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 1234

Għażiża kap tal-iskola,

Nixtieq nibda billi ngħidlek prosit u napprezza ħafna l-fatt li inti tiddedika ħafna mill-ħin tiegħek għalina. Jiena nħoss li jien iffortunata ħafna li dħalt f'din l-iskola. Għandna skola moderna, bi klassijiet kbar u mdawlin. Il-laboratorji huma spazjużi u attrezzati tajjeb għal kull suġġett li għandna bżonn. Għal qalbi ħafna hija l-kappella li għandna fuq għax hemm insib il-paċi u nitkellem ma' Ġesu' fis-skiet. 

Uħud mill-għalliema għandhom metodi tajbin ta' tagħlim u l-attitudni tagħhom lejna hija waħda pożittiva għalkemm xi ftit minnhom ma tantx nifhimhom. Kull meta jkollna xi attività jew xi ħarġa kulturali, jiena nkun ħerqana u nixtieq li kieku jkollna aktar attivitajiet fil-kalendarju tal-iskola. 

Min-naħa l-oħra, hemm xi affarijiet li jiddiżappuntawni bħall-bankijiet żgħar fil-klassi li jagħmluha diffiċli għalina l-istudenti biex inkunu nistgħu nagħmlu x-xogħol tagħna aktar bil-kumdità. Il-lockers ukoll jistgħu jkunu xi ftit akbar għalkemm hija ħaġa tajba li hemm lockers f'kull klassi. Suġġeriment ieħor tal-aħħar li nixtieq ngħaddilek huwa li forsi mill-inqas darba fis-sena tiġi organizzata btala barra minn pajjiżna għall-għalliema u għalina l-istudenti flimkien. 

                                                                                         Tiegħek,
                                                                                            (firma)
                                                                                   Michaela Cremona. 

Michaela Cremona (Form 2.2)
----------------------------------------------------------------------------------------------

                                                                                    96, Triq l-Iskal,
                                                                                    Marsa, MRS 1234

                                                                                    It-2 t'April, 2012

Sinjura Abela,
92, Triq il-Ward,
Ħaż-Żebbuġ, ŻBĠ 4621

Għażiża Sinjura Abela,

Jiena Francesca Cachia, qed niktiblek din l-ittra f'isem l-istudenti kollha tal-iskola St. Dorothy biex nirringrazzjawk tax-xogħol kollu li tagħmel magħna l-istudenti. Aħna napprezzaw ħafna u ta' dan nixtiequ ngħidulek grazzi. 

Bħala kap ta' skola, tgħinna ħafna, kemm fil-problemi tal-iskola, kif ukoll fil-problemi familjari. Grazzi ħafna talli bnejtilna pixxina, gym u grawnd sabiħ fejn inkunu nistgħu nilagħbu lkoll flimkien. Aħna nafu li int tagħmel dak kollu li tista' biex aħna jkollna skola mill-aqwa. 

Aħna lkoll nafu kemm int tammira l-kantant famuż Elvis Presley u naf wkoll li int jogħġbuk ħafna l-kollezzjonijiet. Aħna għalhekk bl-għajnuna tal-għalliema ta' din l-iskola ddeċidejna li noħduk tara kollezzjoni u bijografija ta' dan il-kantant jew kif tgħidlu int, 'il-King'. Nispera li jogħġbuk, għalkemm hija xi ħaġa żgħira li ġejja mill-qalb.

Jien ħa nagħlaq din l-ittra billi nerġa' għal darba oħra ngħidlek grazzi ta' kollox. Nixtiequlek is-sena t-tajba mimlija paċi u sliem. 

                                                                                         Tiegħek,
                                                                                            (firma)
                                                                                    Francesca Cachia. 

Francesca Cachia (Form 2.3)


Saturday, December 10, 2011

Awguri

Nixtieq nawgura l-Milied it-tajjeb lil kulħadd...


                                                          Ms Deandra

Tuesday, December 6, 2011

Poeżija: Mixja

Mort il-Mellieħa,
Bil-ferrovija,
Tlajt l-Imqabba,
U kien hemm festa tal-imħabba!


Mxejt sa Ħal Qormi,
U kkumpanjatni ommi,
Ġrejt sax-Xemxija, 
Meta x-xemx kienet qawwija!


Kemm ħadt gost, 
Għalhekk mort il-port,
Mort bit-taksi,
Mal-kelb tiegħi Backsey!


Mort il-Baħrija,
Għamlet ix-xita tal-ħamrija,
Tlaqt il-Ħamrun,
U kilt platt imqarrun!


Mort San Ġiljan, 
U kien hemm wirja tal-injam,
Tlaqt il-Fgura,
U tgħidx kemm domt inżurha!


Tkellimt man-nanna,
U ltqajt ma' naħla,
Iċċajtajt ma' ziti,
U ħaditli b'idi!


Imxejt fis-sħana, 
U sirt għarqana xraba,
Kien hemm ir-riħ tat-Tramuntana,
U qisha ġiet fuqi funtana. 


Mort lura d-dar,
B'qalb ferriħija,
U għalhekk,
Ktibt din il-poeżija. 


Deborah Minuti (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
Lulju li għadda
jiena mort,
kif ser ngħidilkom 


Vapur qbadna
minn ġewwa l-port,
wara li wrejnihom
il-passaport.


Postijiet rajna
postijiet morna,
u tgħidx kemm stordejna
għax aqta' kemm dorna. 


Xemx filgħodu
xemx filgħaxija,
konna niġru
daqs żwiemel tat-tiġrija. 


Kristansund u Alesund
Bergen u Flam. 
Ġrejna minn post għall-ieħor
mingħajr ma rajna dlam. 


La tara trabb
la tara ħmieġ,
imxejt bil-kalzetti 
stajt mort tieġ.


Ġmiel naturali
sema kaħlani, 
tlajna muntanji
b'basket fuq dari.


Ħlomt u dħakt
mingħajt ma ddejjaqt,
il-ġita ta' ħajti
li dejjem xtaqt. 


Ommi u missieri
ħija u jien, 
nerġgħu nsiefru
darb'oħra flimkien!


Amy Vella (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
Is-sajf li għadda, 
il-Ħadd filgħodu,
morna mixja x-Xgħajra,
kulħadd kien liebes komdu. 


Mort mal-familja, 
ġew in-nanniet,
il-kuġini, il-kelb
u anki z-zijiet. 


Tlaqna lejn il-baħar,
imxejna fuq il-blat. 
Tlajna u nżilna,
minn bosta triqat. 


Fil-pront rajna l-bandli.
Kien hemm ħafna tfal, 
jien, oħti u l-kuġini morna,
b'saqajna ftit tqal. 


Wara ftit ħin,
li qattajna nilagħbu, 
mxejna għall-fortizza 
fejn fl-antik iġġieldu mal-għadu. 




In-nannu beda jispjega, 
dwar l-istorja tal-post. 
Daħħalna fil-kmamar,
tgħidx kemm ħadna gost.


Wara striħajna ftit,
għax tgħidx kemm għajjejna. 
Ftaħna l-aptit,
kilna ħobż u biċċa ġbejna.


Kien sar il-ħin,
biex immorru lura.
Ftehmna li niġu fix-xitwa,
biex naraw aktar ħdura. 


Abby Bonello (Form 1.3)

Stampa.


     Tifla iltiema, l-uniċi ħbieb veri li kellha kienu l-kotba. Kienet miexja fi trejqa li tgħaddi għal ġol-wied tal-ħolm. Hemmhekk ħadd ma kien imur għax jgħidu li min jidħol hemm qatt ma kien jiġi lura. Ħafna nies kuraġġużi kienu marru jippruvaw isibu l-verità iżda ħadd minnhom ma mar lura d-dar. 
     Bil-ktieb f'idejha, it-tifla daħlet ġol-wied u bdiet timxi sakemm sabet passaġġ misterjuż. Baqgħat timxi sakemm fl-aħħar lemħet siġra, waħedha, imdawra bil-ħaxix ħażin u fjuri mejta. Fuqha kienu ġejjin raġġi tax-xemx li dawlu l-post kollu. 
     Intefgħet taħt is-siġra għad-dell tagħha u bdiet taqra l-ktieb. Wara xi ftit minuti, għalqet għajnejha u raqdet. F'radda ta' salib kullimkien inbidel. Il-ħaxix u l-fjuri mejtin tbiddlu ġo tapit aħdar tal-ħaxix, imnaqqax 'l hawn u 'l hinn bil-ħmura tal-pepprin. Ix-xemx kienet saħħnet sewwa u l-qtar tan-nida fuq il-ħaxix kienu jleqqu qishom frakk tal-fidda. 
     Bdiet tħossha fil-ġenna tal-art, ħassitha kuntenta. F'daqqa waħda minn fuq il-friegħi tas-siġra bdew niżlin ritratti tagħha ta' ħafna żmien ilu ta' meta hi kellha madwar ħames snin. Rat lil ommha u lil missierha li bħalissa kienu qegħdin igawdu l-ġenna mal-Mulej. Semgħet biki ta' tifla u għalhekk qamet u marret tara minn fejn kien ġej dan il-ħoss. Rat tifla mal-art, mitlufa u waħedha. 
     Fil-bogħod, hi u kif ukoll it-tifla, raw żewġ persuni resqin lejhom li dehru qishom ommha u missierha. Meta dawn resqu viċin, indunat li kienu huma u għalhekk telqet tiġri tgħannaqhom u bdiet tibki bil-ferħ. Fl-aħħar għexet il-ħolma li dejjem xtaqet, dik li tiltaqa' m'ommha u missierha. 
     Ommha qaltilha li dik it-tifla kienet oħtha u ma dawk il-kliem, it-tifla qamet mir-raqda. Sabet ritratt tal-familja kollha f'nofs il-ktieb u bejn il-paġni li kienet qed taqra. 

Miriana Attard (Form 2.1)
----------------------------------------------------------------------------------------------
     O kemm hi sabiħa l-immaġinazzjoni. Santwarju personali, tiegħek biss u ta' ħadd aktar. L-aktar magna impressjonanti fid-dinja hi l-immaġinazzjoni u nista' ngħid bla mistħija li mhux l-ewwel darba li ġriet bija...
     Mela darba kont ġejja lura mill-iskola bla flus, bla kotba u bl-uniformi mqatta'. Din ma kinitx l-ewwel darba li wasalt id-dar f'dan l-istat. Biex inkun onesta, din saret tiġri kważi kuljum. Kien hemm grupp ta' tfal kbar l-iskola tiegħi li wara li tispiċċa l-iskola kienu jduru miegħi, jisirquli l-flus u l-basket jixħtuhuli mal-art. Sa fejn naf jien, ma kienu jagħmluha għall-ebda raġuni partikolari. Meta kont niftaħ qalbi ma' xi għalliema dawn kienu jinjorawni għax jiena ma kontx xi tifla żgħira. 
     Allura, b'danakollu, sirt niftaħ qalbi biss ma' xi ħadd li żgur qatt ma jieqaf jisma' l-problemi tiegħi. Dan ix-xi ħadd huwa d-djarju. Dan id-djarju huwa ktejjeb tan-noti ppersonalizzat li kont qlajt għall-Milied. Il-ktejjeb kien maħdum biex meta jispiċċawlu l-karti, jkun jista' jerġa' jimtela' mill-ġdid. Dan l-oġġett sempliċi kien l-aktar ħaġa għal qalbi fid-dinja. 
      F'dan id-djarju tiegħi, kont nikteb dwar l-avventuri li kienu jseħħu ġewwa moħħi. F'dawn l-avventuri, jien kont nagħmel affarijiet li ma noħlomx li nagħmilhom fir-realtà. Kont inkanta u nirreċta, naqra u nitkellem quddiem ħafna nies, inbeżża' l-"bullies" u ħafna affarijiet oħra. Kont nagħmel dan kollu bil-biżgħa f'din id-dinja li kont ħloqt f'moħħi. Li kieku biss ħajti kienet veru hekk...
      Din l-istampa tfakkarni fid-dinja li ħloqt bil-mod il-mod f'moħħi, fl-immaġinazzjoni. Ikkulurita, sabiħa, u tiegħi biss. 

Mariah Farrugia (Form 2.2)
----------------------------------------------------------------------------------------------
     Għodwa waħda, Kristina kienet miexja fil-kampanja bix-xemx tiżreġ fuqha. Tant kien hemm sħana li Kristina marret tistrieħ ma' siġra. Fi ftit sekondi marret għajnha biha u raqdet. 
     Kristina bdiet toħlom. Ħolmot li rat tfajla ċkejkna miexja lejha. Kristina marret tkellem lil din it-tifla u wara xi mumenti ta' diskussjoni skopriet li jisimha Sinjorina Ċetta, imbagħad ħadu grazzja ma' xulxin u riedet turiha r-raħal tagħha. 
     Meta waslu fir-raħal, Kristina rat bejjiegħa jbiegħu l-frott u ħafna nies u annimali jiżfnu b'mużika ħelwa li kienet għaddejja. Kristina marret tiżfen magħhom u Ċetta ngħaqdet magħha wkoll. F'daqqa waħda Kristina waqfet tħares mistgħaġba lejn il-palazz tar-Re Oraldu. Dan kien fl-agħar tiegħu għax kien ħarab priġunier mill-ħabs u kien se jmur joqtol ħafna nies u għalhekk, ir-responsabiltà kienet waqgħet kollha f'idu. Kristina staqstietha jekk setgħux jidħlu ġewwa u Ċetta mill-ewwel aċċettat. 
     Meta daħlu, Ċetta qaltilha li kellha aċċess għal kullimkien għax kienet l-unika neputija tiegħu. Ċetta riedet turiha kamra li l-familja tar-re biss kienet taf biha, allura staħbew u meta sabu ċ-ċans daħlu ġewwa. Kristina baqgħet b'ħalqha miftuħ u skopriet l-għaliex il-familja tar-re biss kienet taf dwar din il-kamra. Ġewwa din il-kamra kien hemm statwi ta' nies tal-ġebel. Kien hemm nies ta' kull età; tfal, adulti u anki anzjani. Ċetta qalet li dawn xi darba kienu skjavi li m'obdewx lir-re, allura biddilhom fi statwi tal-ġebel. F'daqqa waħda semgħu ħoss stramb u l-istess priġunier li kienu qegħdin ifittxu ġie, qabad lil Ċetta u ħadha. Kristina ma kinitx taf x'se taqbad tagħmel bil-biżgħa li kellha, li qabdet tiġri daqskemm felħet, sakemm tfixklet f'sieqha u waqgħet. 
     Kristina b'qatgħa kbira qamet. Indunat li dak kollu li kien ġralha kienet biss ħolma u ma kien xejn minnu. 

Nicole Agius Markham (Form 2.3)

Thursday, November 24, 2011

Ix-xwejħa, ġara tagħna.

    Fost il-ġirien tat-triq tagħna l-aktar li nammira hi Ċetta, ix-xwejħa armla ta' Żeppi l-iskarpan. Dejjem magħluqa ġewwa, ħlief għal meta toħroġ tixtri l-affarijiet ta' kuljum. 
      Meta toħroġ, dejjem taraha bil-libsa tal-wegħda li ħmaret biż-żmien u bil-ġewlaq safrani li naħseb li wirtitu mingħand l-antenati tagħha. Kull meta tkellimha dejjem b'dik id-daħka fuq fommha u l-ħin kollu tiċċajtha. Niggustaha ħafna meta titkellem b'dak l-aċċent Mqabbi. Dejjem tqum għall-ewwel quddies tal-ġurnata. Din Ċetta għandha għajnejha żoroq, wiċċha safrani u magħdur bl-inkwiet li ġarbet b'żewġha li kien miet fil-gwerra. Wiċċha kollu mkemmex, jixhed l-età tagħha u għalkemm ma tgħidx kemm għandha żmien, naħseb li qorbot it-tmenin.
     Għandha dar antika b'ċeru fdalijiet tal-antik. Ġod-dar għandha ħafna affarijiet tal-fidda u tad-deheb. Id-dar iżżommha xummiema. Ħafna drabi tistedinna għall-Milied u ġieli nistednuha. Tħobb issajjar ħafna u l-ikel tagħha dejjem bnin. Kull meta mmur għandha dejjem tħaddanni magħha  għax tqisni bħala bintha u dejjem wara xi ikla tajba, ma tonqosx xi naqra imbuljuta u xi naqra kafè tajba, kif taf tagħmel hi. Għandha ġnien daqs dinja, fih kull tip ta' pjanti. Għandha wkoll ħafna annimali bħal qtates, klieb, għasafar u ħafna oħrajn. Hi tgħid li din il-familja tagħha. 
    Ċetta għandha binha msiefer u rari jiġi Malta biex iżurha. Iżda dejjem jibgħatilha kartolina b'xi flus u xi ritratti tat-tfal li għandhom xi madwar sebgħa, tmien snin. Ċetta dejjem xtaqet li tmur tara lit-tfal tat-tfal tagħha. Għalkemm m'għandhiex ħafna ħbieb, xorta ssellem lil kull min tara. 
     Ċetta għandha qalbha tad-deheb u dejjem lesta li tgħin lil ħaddieħor bil-mod li tista'. Kemm hi ħelwa Ċetta tagħna! 

Kimberly Spiteri (Form 2.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Eżatt faċċata tiegħi, toqgħod mara xwejħa mar-raġel tagħha. Dawn għandhom żewġt itfal kbar. Ix-xwejħa jisimha Ġola. Tħobb ħafna lit-tfal iż-żgħar. 
      Ġola hija qasira ħafna. Hi għandha xagħarha griż u għajnejha blu. Għandha karattru veru ħelu. Dejjem ikollha tbissima fuq wiċċha u taf iddaħħak lin-nies. Tgħidx kemm tħobb tirrakkonta xi stejjer ta' meta kienet għadha żgħira. Il-ħwejjeġ li tkun liebsa dejjem b'kuluri vivaċi. Ir-raġel tagħha wkoll. Bħal ma jgħidu, Alla jxebbaħ qabel ma jlaqqa'. Kull meta joħorġu mid-dar, dejjem ikunu puliti. 
      Ġola tħobb tħit. Għandha talent sabiħ għax hi tagħmel id-dvalji tal-bizzilla biċ-ċombini. Din is-sengħa jagħmluha fl-antik u ma tantx għadek issib minnhom illum il-ġurnata. Allura veru taffaxxinani. Hi tħobb tagħmel il-faċendi. Id-dar tagħha dejjem tkun pulita u kollox ikun f'postu. Għandha qalba tajba u kull meta tarani tistaqsini għandix bżonn xi ħaġa jew tagħtini xi ċikkulata. Tħobb toħroġ timxi għax għadha fuq ruħha. Meta ma jkollhiex x'tagħmel toħroġ barra u toqgħod bilqiegħda tistenna biex jgħaddi xi ħadd ħalli toqgħod tpaċpaċ miegħu. Mhux l-ewwel darba li taqbad tparla ma' xi ħadd li lanqas biss tafu jew tafha. 
      Tħobb ħafna lit-tfal għax tirrispettahom u anki lit-tfal tat-tfal, il-ħin kollu tbushom u tgħannaqhom magħha. Ġola tħobb tisma' r-radju kuljum u tgħid ir-rużarju miegħu. Ir-raġel tagħha jgħidu magħha. Ġola għandha karattru tal-ġenn u tingwalaha ma' kulħadd. Tħobb tgħin u tagħmel dak li tista' għal ħaddieħor. 
      Jien naħseb li kulħadd għandu jkun bħalha u vera nammiraha għal dak kollu li tagħmel. Ma nafx x'nagħmel mingħajrha! 


Marie Claire Scerri (Form 2.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Xwejħa grazzjuża li toqgħod ma' ġenbna u għandha sitta u sittin sena; jisimha Maria Dolores. 
      Maria-Dolores għandha xagħarha abjad qottna, qisu silġ li għadu kemm waqa' mit-twieqi tal-ġenna, u maqtugħ qasir. Għajnejha kbar, kannella skuri b'linja ċelesti u madwarhom, li dejjem jagħtu l-emozzjonijiet tagħha ta' dak il-ħin. Tkun qisek qed tidħol ġo fiha permezz t'għajnejha u tara x'inhi tħoss. Għandha xofftejha żgħar, roża skuri, lewn il-frawli u kull darba li tidħak tifforma toqba fuq ħaddejha. Imneħirha dritt u pulit u l-kulur ta' wiċċha lewn id-deheb għax ħaditha x-xemx. Il-ferq ta' xagħarha dejjem tippettnah fuq in-naħa tal-lemin, u tħobb tilbes mill-aqwa kull fejn tmur. Maria Dolores ikollha tbissima fuq wiċċha. Hi mhijiex irqiqa stikka u miskina xi ftit ta' snin ilu taha attakk tal-qalb u allura ma tistax iċċaqlaq idejha tax-xellug.
      Doris (għax hekk ngħajtulha aħna fil-qasir) għandha familja kbira u li tieħu ħsiebha. Għalkemm m'għandhiex tfal u toqgħod waħedha, ġieli t-tfal tat-tfal ta' ħutha jmorru jorqdu għandha u jqattgħu xi żewġt iljieli wara xulxin hemmhekk. Erba' darbiet f'ġimgħa, il-familjari tagħha jmorru jżuruha u ġieli jsajrulha xi dixx imqarrun jew xi borma brodu sħuna, jew anki ġieli xi kejk tal-lewż. Din ix-xwejħa dejjem kuntenta u ma tgergirx, u tagħmel minn kollox biex tferraħ lin-nies. Dejjem tieqaf issellmilna meta tarana, u tixtrilna xi biċċa ċikkulata. Doris dejjem tgħid li qalbha kbira biżżejjed għal kulħadd u tixtieq tgħin lil kull min hu fil-bżonn. 
     Għażilt li nitkellem fuq din ix-xwejħa partikolari għax ilsienha taz-zokkor. Hi vera ġeneruża u twajba u qisha anġlu miexja fuq l-art! 


Liesel Cuschieri (Form 2.3)

Wednesday, November 16, 2011

Avventura f'dinja oħra.

     Kevin u Maria kienu tewmin u kellhom tlettax-il sena. Ommhom kienet għalliema u missierhom avukat. 
     Darba waħda Kevin u Maria kienu qegħdin jilagħbu fuq il-kompjuter. Meta semgħu ħoss ġej mill-kantina, il-kurżità għelbithom u niżlu biex jaraw x'kien dak il-ħoss. Hekk kif fetħu l-bieb, ġiet tromba tal-arja li ġibdithom 'il ġewwa fid-dlam. Imwerwrin u sturduti sabu ruħhom fi pjazza mdawra b'nies libsin bħal mostri u sħaħar. 
     F'daqqa waħda dehret mara liebsa normali u staqsiethom minn fejn kienu ġew. It-tfal qalulha li kienu minn Malta u staqsewha fejn kienu jinstabu. Il-mara li kien jisimha Mardie u li kienet saħħara qaltilhom li kienu jinstabu f'Martaw. Mardie ħadet lit-tfal id-dar tagħha u spjegatilhom li hi fil-verità kienet zijithom u li ommhom kienet ukoll saħħara, imma għażlet li tmur tgħix fid-dinja tal-umani. Maria u Kevin baqgħu mistagħġba hekk kif skoprew li huma wkoll kienu sħaħar. 
     Iz-zija qaltilhom biex jgħinuha għax kien hemm min ried jeqred id-dinja ta' Martaw. It-tfal aċċettaw. Flimkein maz-zija marru jixtru l-ingredjenti li kellhom bżonn biex jagħmlu t-taħlita maġika. 
     Meta waslu d-dar ħawdu l-ingredjenti ġo borma fuq in-nar u z-zija bdiet tgħid xi kliem maġiku. Meta t-taħlita kesħet, iz-zija qabdet żewġ stikek tal-maġija u tathom lit-tfal. Tefgħat it-taħlita ġol-istikek. Kellhom kollox lest ħlief li jitgħallmu s-sentenza maġika qabel ma jattakka l-għadu. 
     F'daqqa waħda nstema' ħafna twerżiq u għajjat. Tgħid kien wasal l-għadu? It-tfal laħqu tgħallmu kliem maġiku? Irnexxilhom isalva lil Martew? U t-tfal marru lura d-dar tal-ġenituri tagħhom? 

Mattea Maresca (Form 1.1)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Darba minnhom sebaħ jum sabiħ bis-sema ikħal nir. Is-sħab kien qisu numru t'anġli jittajru u l-għasafar ipespsu melodiji sbieħ. Kien jum ta' sħana wkoll u għalhekk Jade u l-familja tagħha marru sal-Miżieb fejn kien hemm it-trankwilità. 
      Il-kuġini ta' Jade kienu kollha żgħar. Jade ma kellhiex aptit tilgħab noli jew dawra-durella għaliex kienet kbira għal dal-logħob. Minflok marret passiġġata. Rat siġra li kienet differenti mill-oħrajn għax kellha forma ta' wiċċ fuqha. Jade resqet lejha, ħadet nifs u nfetaħ il-bieb. Ovvjament Jade daħlet. Rat kullimkien silġ! Kien hemm ukoll xadini bl-ingravajjet u n-nuċċalijiet! Kien hemm bettiegħ mas-siġar, fniek u qtates jixxemxu!
        Min jaf xi bdiet taħseb Jade! F'daqqa waħda ġiet xadina tkellimha bil-lingwa Maltija u b'aċċent Franċiż. Bdiet tgħidilha li Jade qiegħda f'periklu u li trid titlaq minn hemm. Ix-xadina sparixxiet u Jade ma kinitx taf x'ser taqbad tagħmel. Jade qagħdet taħseb fuqha, imbagħad gie iljun b'kuruna fuq rasu u staqsieha x'qed tagħmel fid-dinja tiegħu. Jade spjegatlu kollox iżda l-iljun m'emminiex u ħadha l-ħabs. Il-ħabs kien normali, iżda minflok kollox kien griż u vjola!
       Kienet diġà niżlet ix-xemx u Jade bdiet tinkwieta. Ħarset lejn it-tieqa l-vjola taċ-ċella u rat kokka fuqha. Din il-kokka kellha miktub 'Għaref' fuq moħħha. Il-kokka tagħtha gallettina u qaltilha, "Kulha meta toħroġ. Biex toħroġ tini jdejk!" Jade qabżet u ħadet idha meta f'ħabta u sabta spiċċat barra mill-ħabs. Kielet il-gallettina, għalqet għajnejha, u bla ma taf kif spiċċat quddiem is-siġra fejn bdiet l-avventura. 
      Indunat li l-ħin ma ċċaqlaqx minn meta telqet. Ma qalet 'il ħadd b'din l-avventura. Kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid u kompliet il-ħajja normali tagħha. 


Kyra Fenech (Form 1.2)
---------------------------------------------------------------------------------------------
     Lizzie, tifla ħelwa ta' ħdax-il sena, kienet tħobb wisq id-dina tal-fantasija. Kienet dejjem tintilef taqra dawn il-kotba tal-fantasija, tant li kienet qisha tinqata' ġo dinja għaliha. 
     Darba fost l-oħrajn, waqt li Lizzie kienet qiegħda taqra ktieb fuq is-sodda, f'tebqa t'għajn il-kamra mtliet b'dawl qawwi b'lewn ħadrani. Lizzie bdiet tibża' imma ma setatx tiċċaqlaq. F'ħakka t'għajn, Lizzie sabet ruħha ġo post li qatt qabel ma kienet rat bħalu. Quddiemha setgħat tara biss meded t'għelieqi, ġonna u annimali ta' kull sura u forma, imżewqin b'ħafna lwien. 
     Lizzie ħassitha tassew beżgħana u konfuża u kellha aptit tinfexx f'bikja, imma x-xenarju pittoresk li kellha quddiema ġabilha tbissima fuq wiċċha. Lizzie ddeċidiet li tibda timxi bil-mod għax il-kurżità bdiet tagħmel tagħha. Barra minn hekk, Lizzie kellha wkoll sens t'avventura u xtaqet tiskopri fejn kienet qiegħda. Hija u miexja, Lizzie bdiet tara wkoll ħafna annimali b'ħafna forom u kuluri strambi. 
     F'ħabta u sabta, ħareġ aljen żgħir minn ġo dar li kienet magħmula mill-kejkijiet. Lizzie ħadet qatgħa kbira, imma l-aljen beda jkellimha b'ħafna ħlewwa u ġentilezza. L-aljen beda jispjega lil Lizzie li hija kienet ġiet f'dinja tal-fantasija, dinja fejn kollox kien perfett u kulħadd kien jgħix f'armonija ma' xulxin. Lizzie ħassitha ħa ttir bil-ferħ għax dejjem kellha x-xewqa li taħrab mid-dinja reali. Sfortunatament, l-aljen li kien jismu Żigiżgiżu qal lil Lizzie li hi kellha terġa' tirritorna lura lejn id-dinja. Lizzie ma riditx titlaq għax kienet qed tieħu pjaċir. 
     Lizzie reġgħet sabet ruħha f'kamritha u bdiet taħseb fuq il-fatt li ma setatx tifhem dwar għaliex kienet ġrat din il-ġrajja. Hija kienet kuntenta ħafna li kienet għaddiet minn esperjenza bħal din. 


Megan Attard (Form 1.3)