Saturday, January 25, 2014

Kompetizzjoni - 'Achievement Day' - Żmien

Għeżież studenti tal-ewwel sena, 

Kif tafu, din is-sena t-tema tal-'Achievement Day' ser tkun Żmien. Din is-sena ser issir kompetizzjoni għalikom l-istudenti tal-ewwel sena. 

Xogħolkom huwa li toħolqu mudell 3D tal-bomblu taż-żmien li qrajna dwaru fil-ktieb "Il-Munita tad-Deheb". 
"Ġo nofs l-għar raw oġġett ovali tal-ħadid. Kien kbir b'ħafna tubi ħerġin minnu. Kellu tliet twieqi u kien qiegħed jistrieħ fuq erba' saqajn tal-ħadid qisu banju ta' żmien ir-Reġina Vitorja... L-oġġett ovali kien qisu tal-ħrejjef... Il-bomblu kien mimli buttuni ta' kull kulur."
Dan il-mudell ma jridx ikun ikbar minn 50cm x 50cm. Tistgħu tużaw diversi tipi ta' materjali biex tibnuh, fosthom materjali rreċiklati. Persuna tista' tagħmel dan il-mudell waħedha jew fi grupp. Però dan ma jridx ikun grupp ta' aktar minn ħames persuni. 

Il-mudell għandkom iġġibuh l-iskola mhux aktar tard mis-7 ta' Mejju, 2014. Dawn ser jitħallewh fil-klassi tagħkom sakemm jittieħdu fil-kamra fejn ser jiġu esebiti. 

Dawn il-mudelli ser jiġu esebiti waqt l-'Achievement Day'. Għalhekk il-ġenituri tagħkom ikunu jistgħu jaraw ix-xogħol tagħkom u kif ukoll dak li jkunu għamlu sħabkom. 

Ir-rebbieħa ser jingħataw rigal. Għalhekk inħeġġiġkom biex tipparteċipaw. 

Saħħiet,

Ms Deandra. 


Thursday, January 23, 2014

Komponiment fit-tielet persuna

Kien is-Sibt filgħodu. It-tewmin, Nina u Sara kienu mehdijin fil-kċina. Nina kienet qed tiżbarazza l-kċina u Sara kienet qed tipprepara l-ikel. 

Nina semgħet ħoss ħafif ħafna ta' tħaxwix. Qalet lil Sara u waqfu jissemgħu. Issa l-ħoss kien jinstema' aħjar, kien ħoss ta' brix. Mad-daqqa u l-ħin raw ġurdien għaddej fuq il-bank tal-kċina. Bil-fixkla li ħakmitha, Nina waqqgħet il-munzell platti li kienet se tpoġġi fid-dixx woxer u Sara waqqgħet id-dqiq li kienet qed tuża biex tagħmel l-għaġina għat-torti tal-irkotta.

Nina marret tiġri u qabdet l-ixkupa waqt li Sara qabdet taġen. Nina biex tipprova taqbad il-ġurdien bdiet tagħti daqqiet ta' xkupa mal-bank tal-kċina u tajret kull ma kien hemm fuq il-bank. Il-fruttiera mimlija larinġ, tuffieħ u għajn baqar waqgħet fl-art. Kemm kien hemm frott li beda jittrembel mal-bank u mal-art kollha tal-kċina. Imma l-ġurdien laħaq ħarab. Sara dehrilha li rat il-ġurdien tiela' mal-bankijiet tal-kċina u tat daqqa ta' taġen li laqtet mal-vetrina. Kull ma kien hemm fiha waqa' mal-art. Kien hemm ħoss qawwi ħafna ta' ħġieġ jinkiser. Bil-ħasda, il-ġurdien tela' fuq il-majkrowejv fejn kien hemm kollezzjoni ta' buqari tat-te. Nina u Sara marru jaqbżu fuq il-ġurdien meta fl-istess waqt ħabtu f'xulxin u waqqgħu l-buqari kollha. Reġgħu semgħu t-tħaxwix. Ħarsu 'l fuq u lemħu l-ġurdien jaħrab għal ġol-ġnien. 

Dak il-ħin ħarsu madwarhom u raw id-diżastru li għamlu. Mhux biss ma qabdux il-ġurdien imma ġabu l-kċina fi stat ta' ħerba. 

Nicole Riolo (Form 1.1)
----------

Sa minn mindu kienet żgħira, Klarissa, tifla ta' sitt snin kienet tħobb toqgħod tgħin lil ommha fil-kċina. Ommha, Marija, kienet tieħu gost ħafna tara lil bintha daqshekk imħeġġa biex tgħinha u għalhekk qatt ma qaltilha, "Le."

Fil-kċina, Klarissa u ommha kienu jagħmlu ħafna tisjir u ħlewwiet, fosthom; torti, kejkijiet, pasti u kif ukoll l-ikla tal-ġurnata. Klarissa kienet tieħu l-iktar gost meta jkunu qegħdin jippreparaw l-għaġin biz-zalza u kienet tieħu gost tmur iġġib l-ingredjenti minn ġol-ixkafef u ttihom lil ommha. Ommha, Marija, kienet toqgħod b'seba' għajnejn għat-tfal biex ma tweġġagħhiex. Waqt li tkun qed tgħalli l-għaġin, Klarissa kienet titla' bilqiegħda fuq il-bank għoli ta' ħdejn il-forn. Darba waħda, waqt li omm Klarissa kienet qed tgħalli, daqq it-telefon. 

Dak il-ħin stess beda jagħli l-misħun u l-ħoss ta' tbaqbiq ġibed l-attenzjoni ta' Klarissa, li f'dak il-mument ħarset ġol-borma. F'minuta, Klarissa tilfet il-bilanċ u biex iżżomm, bla ma taf kif, daħlet idha ġol-borma. Xħin ħasset il-ħruq, hi bdiet tibki u ommha xħin semgħet il-biki, telqet it-telefon u ġriet lejn il-kċina. Ħadet qatgħa kbira u wiċċha sar abjad karti, kif rat lit-tifla mismuta. Mill-ewwel ġriet lejn l-isptar. 

Din l-esperjenza għaddie iżda idejha baqgħatilha b'marka fuqha. It-tisjir sar l-aktar xogħol li jġibilhom memorji koroh. 

Emma Bondin (Form 1.2)
----------

Diksie u Piksie kienu żewġt iklieb kbar ħafna. It-tnejn kienu mqarbin ħafna b'pil abjad u iswed. Diksie kien 'pitbull', filwaqt li Piksie kien 'parolee'. Kienu jinżammu fi ġnien ġo dar kbira ta' wieħed jismu Aaron. Aaron dejjem kien isakkru l-bieb tad-dar għax kien jaf li l-klieb kienu jafu jiftħuh. Iżda darba nesa, ħareġ jixtri u wara xi għaxar minuti bdiet tqattar ix-xita u bħas-soltu l-klieb marru jipprovaw jiftħu l-bieb u sabuh miftuħ. 

Diksie u Piksie malajr daħlu ġewwa. Qagħdu jħarsu ftit madwarhom u poġġew mal-art. Bilkemm laħqet għaddiet minuti li ma xammewx il-laħam li kien sajjar Aaron għalih għal filgħaxija. 

Il-klieb iġġennu, fetħu l-friġġ u f'kemm ili ngħidlek il-kċina ġabuha ta' taħt fuq u għamlu ħerba sħiħa. Diksie u Piksie faqgħu żewġt ifliexken tal-ilma u billi saqajhom kienu mimlijin tajn u ilma, bdew jimmarkaw bil-passi kull fejn kienu qed jgħaddu. Qellbu l-barmil tal-iskart u ħarġu l-affarijiet kollha li kien hemm ġo fih. Il-kċina issa kellha riħa tinten pesti.

Wara li għaddiet xi siegħa, wasal Aaron u xħin daħal fil-kċina ħa qatgħa kbira. Sar abjad karti bix-xena li ra quddiem wiċċu... Qarras wiċċu u kemmex xofftejh. Aaron kien iridha dejjem warda, kollox perfett, imbagħad imur lura d-dar u jsib hekk!

Meta ra l-passi, malajr induna min kien qajjem dan il-ġenn u bħal iblah, beda jgħajjat mal-klieb u jagħmel qorti. Fl-istess ħin ma kienx it-tort tiegħu li nqala' dan il-ġenn, allavolja saret bit-traskuraġni tiegħu stess. Ma tantx dam jaħsibha u mal-ħaġra t-tajn beda jiżbarazza kollox. 

Il-kċina ġietu biz-zalza għax kellu jixtru forn, friġġ u mejda mill-ġdid għax sabhom mibruxin u mkissrin. Sakemm żbarazza kollox sar ilma imma meta lesta, kollox kien pinna u Aaron ħa r-ruħ. Minn dakinhar 'l hawn, qatt u qatt ma reġa' ħalla l-bieb miftuħ, u lil Diksie u Piksie dejjem ħallhielhom x'jieklu u x'jixorbu. 

Elisa Micallef Peplow (Form 1.3) 

Wednesday, January 8, 2014

Komponiment deskrittiv

Kienu d-disgħa neqsin kwart ta' filgħaxija u għalhekk dħalt norqod fis-sodda għax kont għajjiena wara ġurnata skola. Dak il-lejl stess ħlomt ħolma sabiħa. Ħolma li qatt mhu ser ninsieha. 

Ħlomt li qiegħda ġo ġnien kbir u li qed nara tifla ċkejka rieqda fuq siġra maġika. Is-siġra kienet għolja b'zokk wiesgħa li tilħaq 'il fuq mis-sema u ħelu b'forma ta' qlub imdendlin magħha. It-tifla kellha xagħarha iswed tuta marbut, wiċċha aħmar peprin bix-xemx, libsa roża qasira kollha fosos ileqqu u bwiez suwed u qosra. It-tifla ċ-ċkejkna kienet qiegħda żżomm ktieb żgħir u oħxon f'idha. 

F'dan il-ġnien xammejt riħa tfuħ li taqsamlek qalbek. Riħa ta' fjuri differenti bħal ward, ġiżimin, qronfol u peprin. Smajt l-għasafar jgħannu u jkantaw, li ħadt ħafna gost bihom. Ħassejtni li qiegħda fil-ġenna tal-art. Missejt il-pjanti u l-fjuri kollha li kien hemm fil-ġnien. Kilt kull tip ta' ħelu b'togħma differenti ta' frawli, banana, larinġ, tuffieħ u ħawħ frisk. Kienu tajbin manna. Sadanittant it-tifla ċkejkna baqgħet rieqda qisha Bambin fil-maxtura. Għalxejn bdejt nipprova nqajjimha biex nilagħbu flimkien għax kien kollu ta' xejn. Rieqda kienet u rieqda baqgħet. 

Din il-ħolma hija l-isbaħ ħolma li qatt ħlomt. Kull darba li niftakar fiha ġġibli ferħ u tbissima fuq fommi. Naħseb li se nibqa' niftakarha tul ħajtu kollha. 

Naomi Zammit (Form 2.1) 


----------

Ħafna żgħażagħ jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom billi jitkellmu ma' xi ħadd jew jiktbu fi djarju. Jien nippreferi npinġi l-emozzjonijiet tiegħi biex nesprimihom, bħal pittur li għamel stampa mill-isbaħ fi Franza, u li ma stajtx nieqaf nammiraha.

L-ewwel ħaġa li ġibditni lejn din il-pittura kienet is-sens ta' ferħ u trankwillita' li kienet tittrażmetti. Ma stajtx ma ninnotax is-siġra kbira, f'forma ta' benniena li kien hemm fin-nofs. Fuq iz-zokk kellha disinn sabiħ ta' fjuri kbar qishom ġirasoli. Il-friegħi kienu partikolari immens b'kull waħda qisha nokla tax-xagħar. Qatt ma kont rajt siġra hekk speċjali. Il-weraq tagħha kienu kollha tondi, donnhom blalen ta' daqsijiet differenti u mdendlin mal-friegħi kien hemm numru ta' qlub suwed u griżi 

Fuq din is-siġra maġika kien hemm tifla ħelwa bi tbissima fuq wiċċha. Kellha għajnejha magħluqin u b'par wardiet fuq ħaddejha. Xagħarha kien magħmul f'malji żgħar, suwed dlam u ma' moħħha kellha frenza qasira. Donnha kellha għal qalbha l-ktieb li kien miftuħ fuq sidirha għax fil-fehma tiegħi kienet qiegħda tgħannqu. Naħseb li l-emozzjoni li ried jittrażmettilna l-pittur kien wieħed ta' sigurta' u paċi. Dak il-ħin xtaqt li nkun dik it-tifla rrilassata. 

L-isfond tal-pittura kien wieħed li juri sema u s-sħab tajjar li kompla jagħmel din it-tpinġija xi ħaġa tal-ħolm. It-tidwir irqiq kompla jsebbaħ dan l-isfond b'mod kreattiv.

Il-pożittivita' li tqanqal din il-pittura kompliet tispirani biex nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi bit-tpinġija. Kemm nixtieq li għandi din l-istampa fil-kamra tiegħi!

Leah Camilleri (Form 2.2)

----------

Liża hija tifla ta' għaxar snin. Hija magħmula żgħira, wiċċha tond u bajdani filwaqt li xagħarha huwa iswed tuta u kemxejn twil. Ħaddejha huma ħomor nar u għajnejha żgħar, ta' kulur blu ċar bħas-sema. Il-passatemp tagħha hu l-qari u dejjem issibha bi ktieb f'idejha. 

Liża qiegħda taqra ktieb interessanti u romantiku fuq prinċep u prinċipessa. Qiegħda mimduda fuq zokk oħxon ta' siġra xiħa. Kemm tħobb taqra fuq dan iz-zokk imdawra b'ħafna ħaxix. Il-ħemda ta' madwarha tgħinha biex tikkonċentra fuq l-istorja li qiegħda taqra. Ir-riħa tal-fjuri kkuluriti u daħkana tħeddilha. Madwarha z-zkuk żgħar huma kollha ttundjati u minnhom qed jiddendlu ħafna qlub żgħar ta' kull lewn. Hi tħoss il-fjuri qed jiżfnu madwarha hekk kif qed tieħu gost taqra din l-istorja. Hi mdawra b'sema kaħlana mimlija disinni u taħtha s-sħab abjad li jdur madwarha qisu ħajt li jaqtagħha mid-dinja mgħaġġla u jeħodha f'dinja ta' paċi u ta' mistrieħ. Minflok weraq, is-siġra tinsab imdawra bi bżieżaq żgħar ta' lwien differenti u permezz tagħhom tħossha qed titla' iktar u iktar fl-għoli u 'l bogħod minn kulħadd. 

It-tpespis tal-għasafar u ż-żiffa ħelwa li tmelsilha wiċċha malajr ikaxkruha bil-mod il-mod f'ħolma romantika. Tibda tara kollox idur madwarha. Għajnejha jingħalqu qishom purtiera u hekk tidħol f'dinja oħra ta' fantasija u avventura. 

F'daqqa waħda Liża ddur u l-ktieb tagħha jaqa' mal-art. Fil-pront tistenbaħ u tinduna li sfortunatament dik id-dinja trankwilla mimlija bżieżaq, qlub u fjuri hija biss ħolma sabiħa. 

Louisa Camilleri Naudi (Form 2.3) 

Friday, December 6, 2013

Mixja

Darba fis-sajf
il-Ħadd filgħodu,
morna mixja Għawdex
kulħadd liebes komdu. 

Mort mal-familja
ġew il-ħbieb,
il-familja tagħhom 
u anki l-klieb. 

Tlaqna lejn il-baħar 
imxejna fuq il-blat,
dħakna kemm flaħna
u anki l-klieb.

Fil-pront rajna l-bandli
kemm kien hemm tfal, 
jaqbżu u jilagħbu
tilgħin u niżlin.

Wara ftit ħin
li qattajna nilagħbu,
komplejna l-mixja
għax ridna naslu fil-ħin.

Il-papa' beda jispjega
dwar l-istorja t'Għawdex,
fakkarna fl-istorja 
ta' meta kien tfajjel. 

Wara waqafna nistrieħu ftit
għax kulħadd kien għajjien,
ftaħna l-aptit
kilna ħobż biż-żejt bil-ġunġliel.

Kien sar il-ħin
biex immorru d-dar
ftehmna li niġu fix-xitwa
biex b'hekk naraw aktar ħdura. 

Shirley Calleja (Form 1.1) 
----------

Għodwa xemxija,
mimlija dija
flimkien ma' ħija,
rajna s-sbuħija.

Smajt sinfonija,
mimlija maġija
imxejt mal-mogħdija,
sakemm ftakart f'ħija. 

Rajtu jaqbeż taħt ix-xmux,
mimlija lellux
ta' kull lewn u kull kulur,
ix-xemx tiġi u tmur. 

Qbadt lil ħija,
b'idi l-leminija
naraw friefet u insetti,
niċċassaw lejn is-sbuħija. 

Minn qalb siġar u fjuri, 
minn qalb uċuħ tar-raba'
ħafna ħin għadda,
u fuq fin l-art miftuħa bqajna
xi sbuħija għadna kif rajna. 

Kelsey Azzopardi (Form 1.2)

----------

Irħejnielha lejn iż-Żebbiegħ,
pajsaġġ tant sabiħ.

Kien hemm għasafar u tjur, 
u rajna l-ilma jfur.

Għelieqi ħadrana,
kemm kont ferħana!

Fjuri ta' kull lewn, kbar u sbieħ,
qalb il-ħitan tas-sejjieħ. 

Friefer u żnażan kollha jtiru,
fuq xi fjura jduru, iduru.

Siġar u frott b'kemm tara b'għajnejk,
tmur fejn tmur issibhom ħdejk. 

Lgħabna ħarba, passju u noli,
staħbejt wara ċint għoli. 

Infetħilna l-aptit,
u kilna mhux ftit!

Ħobż biż-żejt,
li lħaqt lestejt.

X'ġurnata qattajna,
bla ma xbajna. 
Qalb in-natura,
bil-wisq isbaħ minn pittura!

Anneka Pace (Form 1.3)