Wednesday, November 21, 2012

Storja Umoristika

Meta Ntilef in-Nannu

     In-nannu Ġwanni qatt ma kellu vista tajba, għalhekk minn dejjem kellu bżonn jilbes in-nuċċali. Beda jilbsu meta kellu sentejn! Biex inżidu l-problemi, lanqas is-smigħ tiegħu ma kien daqshekk tajjeb. 
     Kien qed joqrob il-Milied u ommi, oħti, in-nanna, in-nannu u jiena ddeċidejna li mmorru ħarġa sa Tas-Sliema biex nixtru r-rigali. Ġurnata qabel il-ħarġa, ommi ċemplet lin-nannu biex issaqsih jekk hu riedx li hi tgħaddi għalihom. Miskina l-mamà kellha tirrepeti xi għaxar darbiet qabel ma fehem sew in-nannu! Hu qal li ma kienx hemm għalfejn għax kien jaf jasal waħdu. 
     L-għada, ommi, oħti u jien tlaqna fid-disgħa neqsin għoxrin. Meta wasalna, stennejna għal xi siegħa. Ħin minnhom, il-mowbajl t'ommi beda jċempel. Kien in-nanna u hi qaltilha li n-nannu ħa t-triq il-ħażina u sabu ruħhom il-Mellieħa! Aħna bdejna nduru l-ħwienet waħedna. Fl-aħħar waslu u aqta' fejn ipparka n-nannu...? F'nofs wirja ta' karozza!
     F'nofsinhar, waqafna biex nittrejqu. Bdejna niddiskutu dwar l-affarijiet li xtrajna. Wara li kilna, iddeċidejna li mmorru sal-'Point'. Jien ħarist madwari imma ma rajtx lin-nannu Ġwanni. Ma kien imkien! Għidt lill-oħrajn. In-nanna bdiet tinkwieta. Bdejna nfittxu kullimkien. Oħti ftakret li n-nannu kien qed iħares lejn vetrina li kienet mimlija ħwejjeġ ta' taħt tan-nisa! Tlaqna lejn dak il-ħanut imma naħseb li n-nannu telaq għax ma kienx hemm. 
     Wara siegħa nfittxu, in-nanna qabdet tgħajjat li n-nannu kien faċċata tagħna. Hu kien qed jitkellem ma' manikin. Ġrejna lejh u meta wasalna, smajnieh jistaqsi jekk hu kienx ra erba' nisa. Jien għajjatt li aħna konna warajh. Wara, żammejtlu idu biex ma jerġax jaħrab u jerġa' jmur jinteressa ruħu fil-ħwejjeġ ta' taħt tan-nisa! 

Rachel Attard Chase (Form 2.1)

-----------------------------------
Meta Ssakkart Barra

    Ġurnata minnhom, jien ma kellix skola u ommi u missieri telqu għax-xogħol. Ħija kellu l-privat filgħodu, għalhekk jien kont waħdi d-dar. Kienet ġurnata f'Novembru u kien qawwi. 
     Jien kont qed nagħmel ix-xogħol tal-iskola bħal ma nagħmel is-soltu. F'ħin minnhom smajt il-qanpiena u mort nara min kien hemm. Ma rajt lil ħadd, probabbli kienet xi ċajta tar-'Ring and run'. Ir-riħ ġibed il-bieb warajja. Issa bdejt ninkwieta, ma kellix ċwievet fuqi u ma kontx naf kif ħa nerġa' nidħol. Ħaġa verament tad-daħk kif ukoll tal-mistħija, hi li jien kont qiegħda bil-paġama. In-nies bdew għaddejjin u jiċċassaw ftit, imbagħad jidħku. 
     Wara ftit, rajt il-qattusa ħierġa mill-gallarija. Ippruvajt infehmha biex twaddabli sett ċwievet, naf li ma kinitx ser tifhem, imma għall-inqas tgħid ippruvajt. In-nies li kienu għaddejjin bdew jaħsbuni miġnuna. Wasal ħija mill-privat u meta rani barra nfaqa' jidħaq. Mal-ewwel waqaf xħin induna li issa anke hu ssakkar barra, għax hu ma ħax ċwievet miegħu.
     Domna xi siegħa u nofs barra, nirżħu. Jien ftakart li l-ġenituri tiegħi kienu taw ċavetta lill-ġara, għal meta jinqala' xi ħaġa. Il-ġenituri tagħna nfaqgħu jidħku u kienu ser jifgaw bid-daħk, iżda jien u ħija ma tantx dħakna. 

Kyra Fenech (Form 2.2)

-----------------------------------
Meta l-Ħabiba Ġiet bit-Takkuna għall-Ħajk

     Mela darba, jien kont qiegħda d-dar waħdi. Ċempilt lil Ashley, il-ħabiba tiegħi (li hija persuna pulita u hija kburija biha nnifisha). Għidtilha biex niltaqgħu Ta' Qali fis-sitta u hi aċċettat. Kont eċċitata biex nerġa' nara lil Ashley.
     Mela jien fis-sitta mort Ta' Qali. Ma kont liebsa xejn spettakolari, jeans u flokk. Meta waslet Ashley, jien bqajt niċċassa lejha u hi bdiet tiċċassa lura lejja. Ashley kienet ġiet b'libsa ssikkata u qasira, u kellha takkuna daqs dinja! Għidtilha li aħna konna ser immorru ħajk u mhux festin. Meta semgħatni ngħid hekk, bdiet tgerger u tirrabja. Kienet ser tmur lura lejn darha imma meta ndunat li Zack (tifel li Ashley kienet tiffansja) kien ser imur magħhom, iddeċidiet li tmur il-ħajk.
     Bdejna mixjin, jien u Zack niġri filwaqt li Ashley tiċċekkja fejn qed tirfes. Wara, kien hemm parti fejn aħna ridna nitilgħu l-ġebel u dik għal Ashley kienet l-agħar parti. Biex nitilgħu, jien u Zack ħadna xi għoxrin minuta. Ma temmnux kemm domna nistennew lil Ashley biex titla'. Domna sagħtejn u nofs! Imbagħat miskina Ashley ġralha xi ħaġa oħra ħażina! Tfixklet f'saqajha u waqgħat ġol-ħamrija mxarrba!
     Ashley riedet lil Zack biex iħobbha, imma miskina minflok daħak biha. Mhux hekk biss, imma dik it-takkuna tkissret ukoll! 

Laura Abela (Form 2.3)

2 comments:

  1. prosit Rachel. Għoġbitni ħafna u tħaqt ħafna! :D

    ReplyDelete
  2. Prosit Rachel. Nispera li n-nannu tieghi ma jithajjarx issa!! :P

    ReplyDelete