Thursday, February 13, 2014

Kotba Maltin

Għadhom kif daqqu l-ħdax u nofs ta' filgħaxija u għadni kif spiċċajt naqra "Martina@chat.com" ta' Charles Casha. Ma tantx domt naqra u ppruvajt norqod biex inkompli naqrah l-għada imma l-kurżità ma ħallitnix norqod u spiċċajt qrajtu kollu f'nifs wieħed. Il-ġimgħa li għaddiet, Charles Casha ġie l-iskola u hu qalilna li dan il-ktieb ħa gost jiktbu u barra minn hekk, ried iwassal tagħlima li l-prevenzjoni aħjar mill-kura.

Ovvjament, il-karattru prinċipali hija Martina. Din għandha sittax-il sena u qiegħda fl-aħħar sena tal-iskola sekondarja. Din tgħidx kemm għandha ħbieb u l-grupp ta' ħbieb li għandha jħobbu jsejħu ruħhom, "Il-klikka tagħna." Dawn, kollha kemm huma ma jimpurtahomx mill-iskola u dawn dejjem kienu jqumu , imorru l-iskola ta' bilfors, imorru lura d-dar u minflok joqogħdu jistudjaw jew jagħmlu xi xogħol tal-iskola, joqogħdu jiċċettjaw fuq il-kompjuter! Il-ħbieb ta' Martina jkollhom il-ġenituri d-dar  u għalhekk dawn tgħidx kemm jgħidulhom biex jistudjaw imma mhux bħal dawk ta' Martina għax il-ġenituri kważi qatt ma kienu jkunu d-dar u ma jkunux jafu xi tkun qed tagħmel.

Ħuha, Robert, huwa kompletament differenti minn oħu. Dan il-ħin kollu jmur tajjeb fl-iskola imma povru tifel ma tantx għandu ħbieb u allura joqgħod ħafna waħdu. Kif diġà semmejt, il-ġenituri tiegħu ma tantx ikunu d-dar u dil-ħaġa jħossha sew miskin!

Darba waħda, Martina marret fuq sit elettroniku biex issir mudella u ltaqgħet ma' raġel jismu Donald. Dan kien joqgħod jiċċettja ma' Martina biex hi titgħallem biex issir mudella. Martina kienet bgħatitlu d-dettalji kollha fuqha  waqt li hi ma taf kważi xejn dwaru. Wara li saru ħbieb sew bdew jiltaqgħu ta' spiss sakemm fl-aħħar kien ser jipprova jabbuża minnha. Tal-inqa mat-tielet darba li pprova jabbuża minnha, Martina rnexxielha taħrab imma weġġgħet sew. Tal-inqas kulħdd ħa tagħlima u l-ġenituri bdew jagħtu aktar kas lejn uliedhom u Martina tgħallmet li qatt m'għandha tafda lil xi ħadd li ma tafx!

Nicole Azzopardi (Form 2.1)
----------

Dan il-ktieb jismu "Il-Każ kważi kollu tal-Aħwa De Molizz" u kitbitu Clare Azzopardi. Dan il-ktieb isselliftu mil-librerija tal-iskola u kelli seba' mitt sena biex naqrah għax kien fuq fomm kulħadd. Minn meta ġibtu ma tlaqtux minn idi għax ħallieni fuq ix-xwiek.

Hemm erba' karattri prinċipali li huma: Mandy u Wendy, li kienu tewmin, Saver u ħuh Klawdjo. Mandy u Wendy ma kinux iħobbu l-iskola. Iħobbu jiktbu ħafna l-limerikki u l-ħbieb tagħhom huma Mark, Hugh u Martina. Saver kien jgħix ġo post jimsu Frulli Frilli ma' ħuh Klawdjo. L-iskola kien jobgħodha u li kieku jista' jwaqqa' l-iskejjel kollha tad-dinja. It-tfal kienu jdejquh bil-kbir. Klawdjo ma kienx jinkwieta fuq l-iskola. Jgħix f'dinja għalih, f'dinja tal-ħolm. Ma' ħuh mhux dejjem jaqbel imma jkollu jagħmel dak li jgħidlu għax miskin daqxejn babbu.

Mandy u Wendy huma karattri tajbin, filwaqt li Saver u ħuh kienu karattri kattivi. Saver kien daħal bħala għalliem ġol-iskola ta' Frulli Frilli fejn kienu jmorru skola Mandy u Wendy. Ovvjament hu ma kien jaf xejn skola, allura waqt il-lezzjoni tiegħ, l-istudenti ma kienu jagħmlu xejn. Saver daħal bħala għalliem bi skop li jwaqqa' l-iskola. Mandy u Wendy għajnhom okriethom u ppruvaw jiskopru x'kellu f'moħħu. Billejl, Saver, bl-għajnuna ta' ħuh daħal l-iskola u mlewlhom il-klassijiet kollha wirdien, brim, żnażan mejtin fuq ħoġor it-tieqa u qalbilhom kollox ta' taħt fuq. B'hekk l-iskola kellha taqa' u Saver rebaħ iżda hu ħarab ma' ħuh għax kulħadd beda jissuspetta fihom. Kulħadd, anki l-pulizija għamlu lejl u nhar ifittxuhom imma għalxejn. L-iskola baqgħet ma reġatx inbniet u t-tfal spiċċaw jilagħbu barra.

Għandi seba' mitt sena biex inkompli naqra t-tieni ktieb fejn l-istorja tkompli. Nirrakkomandah lil kulħadd biex jaqrah u prosit kbira lill-awtriċi.


Jessica Caruana (Form 2.3)
----------

Il-ktieb "Bella Berger" ta' Rita Saliba huwa ktieb li kull persuna żagħżugħa għandha taqra. Minn meta qbadt il-ktieb f'idi ma poġġejtux 'l-isfel. Qrajt minnu kull meta stajt u meta spiċċajtu rrealizzajt li kienu saru s-sagħtejn ta' filgħodu. Naħseb indunajtu li għoġobni dan "Bella Berger". 

F'dan il-ktieb, il-protagonista hi tifla t'erbatax-il sena li tħobb tiekol il-bergers u tinħeba taħt il-ġinsijiet kbar. Din jisimha Belinda imma kulħadd jgħajtilha Bella. Dejjem xtaqet li kellha figura ta' ballerina bħal oħtha Darlene jew li kienet tiekol imma tibqa' rqiqa bħal ħabibtha Jasmine. Omm Bella kienet irqiqa wkoll imma missierha kien iħobb il-bergers daqsha. Xi karattri ewlenin tal-ktieb huma n-nanna Bianca, Marvin li kien ħabib ta' Bella, is-Ser Musù tad-drama, Shanon u Trudy (żewġ tfajliet kesħin) u Barbie, pupa li Bella kienet tkellimha kuljum. 

L-isbaħ parti tal-ktieb hi meta fotografu jgħid 'il Bella li għandha wiċċ perfett għal artiklu li kien ħiereġ fil-magazin "Moda u Sbuħija" u ħadilha ftit ritratti. Sadanittant, Jasmine kienet qiegħda toqgħod ma' Shanon u Trudy u mhux ma' Bella. Meta ħareġ il-"Moda u Sbuħija" tax-xahar, Bella nfaqgħet tibki meta rat li l-artiklu fejn kien ir-ritratt tagħha kien jismu, "L-Obeżità fit-Tfal u l-Addoloxxenti."

Bella ħadet għaliha u rrifjutat li tiekol. Waqt lezzjoni tad-drama taha ħass ħażin. Fl-aħħar tal-ktieb, Bella tgħallmet tħobb lilha nnifisha u rmiet 'il-Barbie 'l hemm. Bella bdiet tiffoka fuq id-drama u Jasmine ġiet tgħidilha skużani ta' kollox. Jasmine, Marvin u Bella reġgħu saru ħbieb kif kienu qabel. 

Joelle Farrugia (Form 2.2)

1 comment: