Tuesday, February 25, 2014

Trevor Zahra u "Ħolm tal-Milied?"

Il-Milied hu festa tal-imħabba, festa tal-familja miġbura. Biswit il-presepju u s-siġra mimlija lwien bi dwal iteptpu, il-festa tal-Milied tfisser għaqda, paċi u solidarjetà.
Iżda l-festa tal-Milied għandha wkoll wiċċ ieħor, għaliex kapaċi tnissel 
is-solitudni u d-diqa fost uħud li għal diversi raġunijiet ma jistgħux igawdu din il-festa bl-istess mod bħall-bqija.

Is-sigriet biex minkejja kollox wieħed jibqa’ jgħożż is-sbuħija tal-Milied hu li wieħed jaċċetta r-realtà tal-ħajja u jkollu l-kuraġġ li jinbidel maċ-ċirkostanza.

Fi kliem l-awtur popolari Trevor Zahra, li dwar il-Milied sawwar diversi xogħlijiet, fosthom ‘Ħolm tal-Milied’ li għadu jintuża fl-iskejjel sekondarji, 
“il-Milied hi l-festa tal-imħabba, il-ġabra u l-għożża lejn dak kollu li għandek madwarek.”

Missier ta’ żewġ adulti u llum nannu ta’ tlieta li għalaq 59 sena, fis-16 ta’ Diċembru li għadda, Trevor Zahra ma jinħebiex mir-realtà li l-Milied għalih inbidel sbatax-il sena ilu meta martu kienet għaddiet għal ħajja oħra fl-isfond ta’ swali ta’ sptarijiet imżejna għall-festi.

“Marti mietet sagħtejn biss wara li għalaqt snini. U minn dakinhar ’il quddiem il-Milied tilef ħafna mill-importanza li kont nagħtih sakemm għaraft li l-ħajja teħtieġ tkompli u ntbaħt li fil-ħajja wieħed irid jaċċetta r-realtà li tinbidel.”

Il-parir ta’ Trevor lil kull min b’xi mod jista’ jħossu waħdu fil-Milied hu dak li min ikun jeħtieġ irawwem fiduċja fih innifsu u jaċċetta li hemm proċess ta’ fejqan għal kulħadd.

“Jien għaddejt mid-diqa, ħassejt it-telqa lejn dak li stajt nagħmel u ħassejt l-għira lejn min kien ferħan u miġbur fil-Milied. Minkejja kollox, aċċettajt il-bidliet li seħħew f’ħajti u mxejt ’il quddiem.”
Trevor jispjega li l-Milied hu mnaqqax fi tfulitu fejn jiftakar fil-ferħ tiegħu madwar missieru jarma l-presepju u t-tiżjin.

Fir-rumanz tiegħu ‘Ħolm tal-Milied’ Trevor jagħfas fuq it-tradizzjonijiet li jsawru l-festa tal-Milied u fl-intervista tiegħu magħna jistqarr kif il-parti l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu jirreflettu dak li hu stess għadda minnu.
F’għajnejh nista’ nara n-nostalġija tal-imgħoddi. Madankollu Trevor jispjega kif wara snin ta’ diqa waqt il-Milied, illum jagħraf li l-Milied xorta għandu s-saħħa li jgħaqqad lill-familja tiegħu, anki bil-parteċipazzjoni tas-sieħba tiegħu.

Trevor hu marbut ma’ dak li hu tradizzjonali. Jitkellem ħafna fuq dak li l-Milied hu tradizzjonalment għall-Maltin u l-Għawdxin. Madankollu, mingħajr ma jkun daqstant kritiku tar-realtà li l-Milied sar pjuttost kummerċjali u tilef ħafna mill-ispirtu oriġinali tiegħu jistqarr li hu fatt li wieħed ma jistax jaħrab minnu.

“Ħamsin sena ilu meta kont għadni tfajjel niftakar lil min diġà kien jgħid li l-Milied qed jitlef mill-ispirtu tiegħu,” jirrakkonta Trevor u jżid kif ma jistax ikun li lkoll nemmnu li bħala poplu nibqgħu naħsbu li ma nimxux maż-żminijiet u bħall-bqija tas-soċjetà ninħatfu mir-realtajiet ġodda taż-żminijiet tal-lum.”

Trevor jara li t-tradizzjonijiet Maltin ta’ żmien il-Milied huma aktar ħajjin f’min għandu 50 sena u fuqhom. Iżda fl-istess ħin ma jikkundannax lil min hu iżgħar, għaliex il-verità hi li b’differenza ma’ popli oħrajn, il-poplu Malti għadu jgħozz il-festa tal-Milied u għadu jħares ċerti tradizzjonijiet b’għożża.

Iżda lil hinn mill-Milied ma’ Trevor nitkellem fuq għadd ta’ oqsma oħrajn, fosthom dwar ħidmietu bħala awtur u għalliem.

Imfaħħar ħafna mill-kritiċi għax-xogħlijiet ‘Lubien’ u ‘Provenz’, Trevor hu awtur ta’ madwar 120 kitba bejn pubblikazzjonijiet għat-tfal u kitbiet għall-adulti.


No comments:

Post a Comment